Il-vari tal-Ġimgħa l-Kbira u l-Irxoxt jistgħu jintramaw fil-knejjes? Il-visti se jsiru? Il-Knisja tispjega

L-ILLUM tagħti ħarsa aktar fid-dettall lejn id-direttivi li qed jitqassmu lill-Arċiprieti, il-Kappillani u r-Retturi tal-Knejjes dwar ir-Randan u l-Ġimgħa Mqaddsa 2021

Anke jekk kienet mistennija, id-deċiżjoni tal-Knisja biex din is-sena ma jkunux organizzati purċissjonijiet u pellegrinaġġi marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa u l-Għid il-Kbir, kienet għafsa ta' qalb għal diversi dilettanti li jħobbu u jgħożżu dan iż-żmien.

Ħafna staqsew jekk il-vari, ġaladarba din is-sena l-knejjes se jkunu miftuħa (mhux bħas-sena li għaddiet), jistgħux jintramaw fil-knejjes.

L-ILLUM kisbet kopja tad-direttivi aktar fid-dettall. Kif żvela dan l-istess sit ilbieraħ, il-Knisja qed tagħti l-permess tagħha biex għal din is-sena, fil-knejjes ikunu jistgħu jintramaw il-vari tar-Redentur, il-Vara l-Kbira (jew il-kurċifiss) u tad-Duluri.

Għall-Għid il-Kbir, fejn hemm id-drawwa, jista' jintrama wkoll l-Irxoxt.

"Dawn għandhom jinħarġu u jidħlu lura f'posthom b'mod privat u b'mod li jinvolvi l-inqas nies possibbli. Ma għandhomx isiru purċissjonijiet bihom kemm barra u kemm ġewwa l-knisja," jisħqu d-direttivi.

Il-Knisja spjegat ukoll biex fejn hu normali li numru ta' nies jinġabru quddiem xi xbiehat li jgawdu minn devozzjoni, għandu jiġi mmarkat mal-art post fejn id-devoti jistgħu jieqfu biex jitolbu.

Tispjega wkoll li dawn ix-xbiehat u l-post fejn jiġu merfugħa, bħal niċeċ, ma jistgħux jitmissu, jew jitbiesu.

Il-Knisja għamlitha ċara wkoll li l-ebda xbieha ta' qima ma għandha titqiegħed fil-bieb tal-knisja. 

"Għandna tingħata attenzjoni biex l-armar li jintuża ma jinvolvix ħafna nies f'daqqa," jispjegaw id-direttivi.

U s-sepulkri se jintramaw?

Għalkemm il-Kurja se tagħti direttivi aktar fid-dettall dwar il-Liturġija tat-Tridu tal-Għid il-Kbir, jiġifieri minn Ħamis ix-Xirja 'l quddiem, jidher li l-Artali tar-Repożizzjoni, jew kif inhuma magħrufa, is-Sepulkri, se jkunu qed jintramaw.

Fil-fatt, id-direttivi jispjegaw kif il-knejjes jistgħu jibdew jippjanaw fejn jistgħu jarmaw l-Artali tar-Repożizzjoni biex dan ikun jista' jintlaħaq mill-aktar ammont ta' nies possibbli.

Wirjiet fi proprjetajiet tal-Knisja

Id-direttivi tal-Kurja jistipolaw ukoll li f'dan iż-żmien ma jistgħux isiru wirjiet organizzati mill-Knisja (jew gruppi tagħha) jew f'post amministrat mill-Knisja jew l-entitajiet tagħha.

L-Erbgħa tal-Irmied

Rigward il-Funzjoni tal-Erbgħa tal-Irmied, ir-rit għandu jsir hekk:

Wara li tingħad it-talba tal-barka fuq l-irmied u jiġi mraxxax l-ilma mbierek, is-saċerdot idur lejn il-ġemgħa u jgħid darba biss għal kulħadd il-kelmiet: 'Indmu u emmnu fil-Bxara t-Tajba' jew 'Ftakar bniedem li trab kont u trab għad terġa' ssir.'

Malli jaħsel idejh bis-sanitiser, liebes maskra jew visor, is-saċerdot jinżel biex iroxx l-irmied fuq ras il-ġemgħa mingħajr ma jsir kuntatt u mingħajr ma jgħid xejn. 

More in Festi