'Il-pellegrinaġġi tal-festa se jkunu limitati għal 100 persuna' - Il-Ministeru

Apparti li twaqqfu l-marċi tal-festa, bi qbil mal-Kurja, il-Ministeru qal li l-pellegrinaġġi li qed isiru se jkunu limitati għal 100 persuna

Fi stqarrija, l-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne spjega kif apparti l-marċ tal-festa, bi qbil mal-Kurja tal-Arċisqof, il-pellegrinaġġi li qed isiru se jkunu limitati għal 100 persuna filwaqt li dejjem tinżamm id-distanza soċjali.

Il-festi din is-sena qed ikun limitati biss għall-quddiesa tal-festa u pellegrinaġġ bil-vara titulari jew sekondarja. Il-marċi mhumiex responsabbilita tal-Knisja, iżda tal-każini tal-banda li jorganizzawhom. 

Fil-fatt, wara grupp ta’ każi pożittivi mill-festa ta’ Santa Venera, diversi każini tal-banda waqqfu l-marċijiet li kellhom ippjanati qabel ma ħabbar ir-restrizzjonijiet il-Gvern.

Apparti minn dawn, illum fit-8:00am, daħlu wkoll dawn il-miżuri:

  • l-ammont massimu ta’ nies permessi fi stabbiliment irid jinħadem ta’ persuna għal kull 4m2;
  • fi stabbilimenti bl-imwejjed u siġġijiet irid ikun hemm spazju ta’ 2m bejn mejda u oħra, b’massimu ta’ għaxar persuni ma’ kull mejda;
  • f’każ t’avvenimenti ta’ 100 persuna jew iktar, l-organizzaturi jridu japplikaw għal permess mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u jissottomettu risk assesment.

Apparti minn hekk,  f’attivitajiet organizzati, it-teħid tad-dettalji ta’ kull persuna li tattendi se jinżammu għal erba’ ġimgħat.

More in Festi