Il-Knisja f'Malta tiċċara l-pożizzjoni tagħha dwar il-festi

Il-Knisja tispjega li ma jistgħux isiru quddies tal-festa jew inkella ċelebrazzjonijiet oħra fi ġranet li mhumiex il-jum liturġiku

L-arċiprieti u l-kappillani llum irċevew komunikat mill-Isqof Awżiljarji Joe Galea Curmi li fiha l-Arċidjoċesi ċċarat il-pożizzjoni tagħha dwar il-festi u dan wara li din il-ġimgħa, id-Djoċesi ta' Għawdex ħarġet linji gwida dettaljati dwar kif se jkunu ċċelebrati l-festi Għawdxin.

Fil-fatt, anke jekk il-knejjes ikunu miftuħa, il-Knisja f'Malta spjegat kif il-festi għandhom jiġu ċċelebrati bil-quddies fil-jum liturġiku tagħhom biss. "Mhux permess li jsiru quddies tal-festa jew ċelebrazzjonijiet oħra fil-ġranet oħra li mhumiex il-jum liturġiku."

Dan ifisser li l-festi matul dan is-sajf, jekk l-attivitajiet tal-massa jibqgħu mhux permessibbli, se jkunu qed isiru biss fil-jum liturġiku tagħhom. Huma ftit dawk il-festi f'Malta li fis-sajf jiċċelebraw il-festa tagħhom fil-jum liturġiku, fost dawn wieħed isib: it-Trinita Qaddisa tal-Marsa, il-Madonna tal-Karmnu tal-Belt Valletta, is-Salvatur ta' Ħal Lija, San Lawrenz tal-Birgu, il-festi ta' Santa Marijiet u dawk tal-Bambina.

Fil-każi l-oħra, il-festa din is-sena, trid tiġi ċċelebrata fil-jum liturġiku biss, jiġifieri mal-bqija tal-Knisja Universali. Dan ifisser, li hemm lokalitajiet, bħalma huma Ħal Qormi, biex nagħtu eżempju, fejn kemm il-jum liturġiku ta' San Bastjan u anke ta' San Ġorġ ġie ċċelebbrat u għalhekk, għal dawn il-lokalitajiet, il-festa għaddiet.

Għal dawk il-lokalitajiet li l-jum litutġiku tal-qaddis/a tagħhom għadu ġej, dawn iridu jiċċelebraw il-festa f'dak il-jum u mhux kif isir is-soltu f'wieħed mill-Ħdud sajfin. Biex nerġgħu nagħtu eżempju, iż-Żejtun u ż-Żurrieq din is-sena jridu jiċċelebraw il-festa ta' Santa Katarina fil-25 ta' Novembru, il-jum liturġiku meta l-Knisja tiċċelebra l-festa ta' Santa Katarina.

X'jista' jsir?

"Fil-festa liturġika, il-vara tkun tista' tinħareġ min-niċċa u titqiegħed fil-knisja, imma ma titqiegħedx fejn il-bieb prinċipali (jew bieb ieħor li jagħti għal barra). Għalhekk tista' tinħareġ min-niċċa fil-festa liturġika biss, meta l-festa tista' tiġi ċċelebrata liturġikament," spjega l-Isqof Galea Curmi.

Għal kuntrarju ta' dak li se jsir fid-Djoċesi Għawdxija, ma tista' ssir l-ebda ċelebrazzjoni interna qabel il-jum liturġiku, jiġifieri la jistgħu jsiru l-Kwindiċina ta' Santa Marija, in-Noveni jew it-Tridijiet.

Kif ġie mħabbar ġimgħat ilu, tista' ssir biss quddiesa waħda tal-festa u issa ġie speċifikat li din tista' ssir biss fil-jum liturġiku.

Hu mifhum li dan il-komunikat ikompli ma' dak li kien diġà mħabbar fix-xhur li għaddew, anke jekk ma saret l-ebda referenza għall-pellegrinaġġ bil-vari. Hu mifhum li dawn huma meqjusa attivitajiet tal-massa u għalhekk għalissa għad ma hemmx permess li jsiru.

Intant, l-Arċisqof Charles Scicluna ħabbar fuq Twitter li għada se jkun qed jiltaqa' mal-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-knejjes.

More in Festi