Il-ġimgħa ta' Santa Marija ... iżda mhux biss

Apparti l-festi ta' Santa Marija, matul din il-ġimgħa għadd ta' lokalitajiet qed jiċċelebraw il-festa tagħhom

Bdiet il-ġimgħa ta’ Santa Marija. Ħafna jkunu qed jistennewha minħabba s-shutdown u oħrajn għax jiċċelebraw il-festa tal-Beltn jew ir-raħal tagħhom.

Kif ħafna jafu, Santa Marija hija l-aktar festa komuni madwar Malta u Għawdex. Jekk dilettant tal-festi, din il-ġimgħa għandek xalata. Kull fejn tħares armar, ħoss tal-banda u tal-murtali.

Kull festa ta’ Santa Marija toffri xi ħaġa għad-dilettenti. Hemm festi ta’ Santa Marija li huma magħrufa għan-nar, oħrajn għall-armar ta’ barra, għall-armar fil-knisja, għad-devozzjoni u oħrajn għax il-vara trid seba’ għajnejn biex taraha.

Iżda din il-ġimgħa mhux Santa Marija biss qed tkun iċċelebrata. Fil-fatt, hemm lokalitajiet oħra li nhar il-Ħadd li ġej se jiċċelebraw il-festa tagħhom.

Nhar il-15 ta’ Awwissu, Santa Marija tkun iċċelebrata fil-lokalitajiet ta’:

  • Ħ’Attard
  • Ħal Għaxaq
  • Il-Gudja
  • Il-Mosta
  • L-Imqabba
  • Il-Qrendi

Din il-festa tkun iċċelebrata wkoll fil-komunità parrokjali ta’ Santa Marija f’Birkirkara (Knisja Qadima), mill-Komunità ta’ Ħal Muxi f’Ħaż-Żebbuġ u mill-komunità tas-Samra fil-Ħamrun.

Intant, nhar il-Ħadd li ġej, 18 ta’ Awwissu, Santa Marija tkun iċċelebrata wkoll fl-irħula ta’ Ħad Dingli u l-Imġarr.

Iżda nhar il-Ħadd li ġej, Birkirkara tiċċelebra l-festa ta’ Santa Elena, Tas-Sliema l-festa ta’ Stella Marija u Raħal Ġdid jiċċelebra wkoll il-festa tal-Madonna ta’ Lourdes.

Kif nagħmlu kull ġimgħa, it-tim tal-ILLUM jawgura l-festa t-tajba lir-residenti ta’ dawn il-lokalitajiet kollha.

More in Festi