Għidli naqra: Il-Band Thy Legion

F’din is-sensiela l-ġdida, il-gazzetta titkellem ma’ bands lokali fix-xena tal-mużika f’Malta u fuq l-istorja tal-band innifisha

Minn fejn bdiet l-istorja tal-band? 

Fl-2004 ingħaqadna erba’ persuni li kellna l-istess gosti fil-mużika, speċifikament il-metal estrem, u bdejna naħdmu biex noħorġu materjal oriġinali tagħna. 

Kontu tafu lil xulxin qabel ma kontu fil-band flimkien? 

Iva, konna diġà nafu lil xulxin, peress li, apparti l-imħabba għall-istess ġeneru ta’ mużika, konna niltaqgħu Coconut Grove ġewwa Paceville. 

Kif għażiltu l-isem tal-band? 

L-isem tal-band Thy Legion ġie ispirat minn diska ta’ Dark Funeral, Thy Legion Come. Apparti li għoġobna kif jinstema’, ħassejnieh adattat perfettament għall-identità mużikali li bdejna noħolqu. 

Liema hu l-iżjed proġett għal qalbkom? 

L-aktar proġett li għandna għal qalbna huwa l-aħħar album li ħriġna, bl-isem Grand Cosmic Funeral. 

X’inhu l-pass li jmiss? 

Bħala pass li jmiss, qed inħarsu lejn diversi festivals madwar l-Ewropa, kif ukoll il-ħruġ ta’ aktar mużika ġdida. 

Liema hi l-ikbar ispirazzjoni tagħkom? 

L-ikbar sors ta’ ispirazzjoni tagħna huwa l-aspett mudlam u eżoteriku tal-ħajja, flimkien mal-esperjenzi personali li wieħed jgħaddi minnhom. 

Ix-xena tal-mużika lokali toffri opportunitajiet lill-artisti li għadhom jibdew? 

Nemmen li x-xena mużikali lokali tgħin ħafna lill-artisti fil-bidu tal-vjaġġ tagħhom, billi toffri l-esperjenza meħtieġa sabiex wieħed ikun jista’ jagħmel il-pass li jmiss, inkluż li jdoqq barra minn xtutna. 

Kieku tistgħu tbiddlu xi ħaġa fix-xena mużikali Maltija, xi tkun? 

Bħala pajjiż ċkejken u bil-limitazzjonijiet li għandu, pjuttost hawn ħafna bands u artisti ta’ kull ġeneru u ma narawx wisq x’tibdil għandu jsir. 

More in Divertiment