Il-Kunċert tal-Milied fir-Rotunda tal-Mosta mingħand LIBERA: The Gift of Song

Il-kunċert tant mistenni rriżulta f’esperjenza tassew memorabbli u straordinarja. Il-vuċijiet anġeliċi u ċelestjali tal-kor tas-subien LIBERA mlew ir-Rotunda maġika tal-Mosta b’mużika paċifika u serħan il-moħħ. Udjenza numeruża mliet kull rokna tal-Bażilika, u għexet bis-sħiħ l-ispirtu tal-Milied, filwaqt li esprimiet bosta drabi l-apprezzament tagħha b’applaws fit-tul wara kull esebizzjoni. Ir-repertorju inkluda, fost oħrajn, Ding Dong Merrily on High, I Saw Three Ships Come Sailing In u Ave Maria. 

Fl-indirizz tiegħu, l-Arċisqof Charles J. Scicluna nnota li l-għanjiet imwettqa minn LIBERA, flimkien mal-mużika orkestrali ta’ akkumpanjament, ressqu lil dawk kollha preżenti eqreb lejn il-Mulej u lejn it-tifsira vera tal-Milied, dik tat-tama u l-paċi. 

L-Arċipriet tal-Parroċċa tal-Mosta, Dun Sebastjan Caruana, ikkummenta li l-Fondazzjoni kienet kuntenta ħafna li tilqa’ lil LIBERA fir-Rotunda tal-Mosta, peress li l-kunċert ippermetta lill-komunità taqsam il-ferħ tal-Milied u għen biex in-nies jinġabru flimkien. 

Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Rotunda tal-Mosta, is-Sur Giovanni Chetcuti, esprima r-ringrazzjament tiegħu lil dawk kollha li kkontribwew għas-suċċess ta’ dan l-avveniment, fosthom l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, il-kollaboraturi, il-ħaddiema, u l-voluntiera. Huwa nnota li dan il-kunċert tal-Milied immarka r-raba’ sena konsekuttiva li l-Fondazzjoni organizzat avveniment bħal dan, bl-għan li tkompli tospita inizjattivi kulturali li jiġbdu numru kbir ta’ viżitaturi lejn ir-Rotunda tal-Mosta. Huwa ħabbar ukoll li dawn l-isforzi qed jiġu rikonoxxuti, hekk kif ir-Rotunda tal-Mosta riċentement ingħatat iċ-Ċertifikat tas-Siġill ta’ Kwalità Assigurata mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu. 

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, is-Sur Carlo Micallef, li huwa wkoll mill-Mosta, qal li jinsab kburi li raħal twelidu, permezz tal-Fondazzjoni Rotunda tal-Mosta, laħaq standards daqshekk għoljin u jkompli jorganizza avvenimenti prestiġjużi bħall-kunċert ta’ LIBERA, wirja eċċezzjonali li bla dubju messet il-qlub ta’ dawk kollha preżenti. 

Sorpriża pjaċevoli kienet tistenna lill-udjenza lejn l-aħħar nett, meta l-kor tas-subien LIBERA interpreta b’mod perfett il-kant popolari Malti “Ninni la tibkix iżjed”. L-udjenza reattiva u mimlija ferħ ippremjat iż-żewġ serati b’applaws wieqaf. 

B’kollox inġabru €11,000 b’risq Id-Dar tal-Providenza matul iż-żewġ serati. Il-Fondazzjoni Rotunda tal-Mosta tesprimi r-ringrazzjament sinċier tagħha lil dawk kollha li kkontribwew għal din il-kawża nobbli. 

Il-kunċert ġie organizzat mill-Fondazzjoni Rotunda tal-Mosta f’kollaborazzjoni ma’ Visit Malta. 

Wara d-domanda qawwija mill-pubbliku biex jerġa’ jara dan il-kunċert tal-Milied, il-Fondazzjoni se xxandar il-kunċert fuq stazzjonijiet televiżivi lokali kif ġej: 

  • L-Erbgħa 24 ta’ Diċembru fuq TVM fl-21:45 

  • Il-Ħamis 25 ta’ Diċembru fuq TVM+ fis-18:15 

  • Il-Ħadd 28 ta’ Diċembru fuq ONE fit-20:15 

  • Il-Ħadd 28 ta’ Diċembru fuq NET TV fit-20:30 

  • It-Tlieta 30 ta’ Diċembru fuq Xejk fit-20:30 

  • Il-Ġimgħa 2 ta’ Jannar fuq NET TV fit-20:30 

More in Divertiment