Fatal Deception: Film Malti b’suċċess internazzjonali

Il-film s’issa rebaħ fl-Awstralja fejn fost l-unuri rebaħ l-aħjar film qasir, l-aħjar direttur, u l-aħjar ċinematografija. Rebaħ ukoll l-unur tal-aqwa film qasir waqt festival tal-films f’Dubai.

Fatal Deception, film bl-Ingliż maħdum Malta, qed jikseb suċċess f’bosta festivals tal-films barra minn xtutna. Il-kast u l-crew wara dan il-proġett huma kollha Maltin, u waqt il-ġbid tal-produzzjoni kienu mmexxija mill-moħħ wara l-film, Aleandro Bartolo. Aleandro huwa attur lokali li ħa sehem f’bosta produzzjonijiet, kemm televiżivi u anke fuq il-palk. Is-sena l-oħra hu għażel li jikteb serje ta’ films qosra bl-għan li dawn jiġu sottomessi, kemm għall-festivals tal-films lokali, kif ukoll barra minn Malta. 

Fatal Deception huwa propjament l-ewwel minn din is-serje ta’ films, bil-kumplament tal-films l-oħra huma ppjanati għax-xhur u s-snin li ġejjin. Għal dan il-proġett ġew magħżula kast ta’ atturi ta’ kalibru, kollha kemm huma b’esperjenza vasta fir-reċtar. Fil-partijiet prinċipali nsibu lil Pearl Saliba (fil-parti ta’ Natalie), li kienet ukoll involuta fil-kitba tal-iskript, lil Myron Ellul (fil-parti ta’ Jason) u lil Jonathan Vella (fil-parti ta’ Joshua).  

Fuq l-għażla tal-atturi, Aleandro kkummenta hekk: “Ridt xogħol ta’ kwalità u għalhekk kien hemm bżonn kast b’saħħtu. Saru auditions u l-atturi ntgħażlu minn qalb grupp sabiħ ta’ talent. Bqajt impressjonat bil-livell ta’ talent li hawn li għadu ma ġiex skopert.” 

Il-film s’issa rebaħ fl-Awstralja fejn fost l-unuri rebaħ l-aħjar film qasir, l-aħjar direttur, u l-aħjar ċinematografija. Rebaħ ukoll l-unur tal-aqwa film qasir waqt festival tal-films f’Dubai. Barra dawn l-unuri, Fatal Deception ġie magħżul biex jikkompeti għal unuri oħra ġewwa Venezja, Pariġi, Berlin, u Los Angeles. Ir-riżultati joħorġu fil-ġimgħat li ġejjin. 

Aleandro kkonkluda billi qal: “Dan is-suċċess huwa sforz il-ħidma kollettiva ta’ grupp ta’ nies li, għalkemm ma dehrux, kienu parti integrali mit-tim. Insemmi b’mod speċjali lil Pearl Saliba li għenet ħafna u kienet koprodutriċi miegħi, lil Darren Michael Navarro, u Martina Catania li flimkien ġibdu u editjaw il-film. Grazzi wkoll lil kull min għen b’postijiet għall-filming u props li kellna bżonn.” 

Fatal Deception se jiġi ppubblikat dalwaqt għall-pubbliku. Għal iżjed informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit https://www.kavallierr.com/ għall-aħħar aġġornamenti. 

 

More in Divertiment