[IT-TIELET PARTI] L-eroj gwappi ta’ azzjoni sfiqa

Fit-tielet u l-aħħar parti ta' din is-sensiela, Carmel Bonnici se jkompli jħares lejn l-ikoni tal-ġeneru tal-action fil-films...

Bruce Lee u Chuck Norris fil-film 'The Way of the Dragon'
Bruce Lee u Chuck Norris fil-film 'The Way of the Dragon'

Wara l-mewt bikrija ta’ Bruce Lee wasal Jackie Chan (ismu propju Feng Shilong), ukoll minn Hong Kong. Għalkemm kien ilu jaħdem bħala tifel mill-1964, Chan sar popolari mal-udjenzi tal-Punent meta ħareġ fl-Ewropa Battle Creek Brawl (1980), magħruf ukoll, u hekk intwera fostna, bħala The Big Brawl. Produzzjonijiet oħrajn tiegħu li marru tajjeb kienu Police Story u The Armour Of God u s-sequels tagħhom, waqt li sar popolari fl-Amerika b’Rumble In The Bronx (1995) u anki permezz ta’ Rush Hour u s-serje Shanghai. Jackie Chan kien ukoll stuntman fil-films tiegħu stess u fil-films ta’ Bruce Lee, Fist Of Fury u Enter The Dragon, u mhux l-ewwel darba li korra minħabba dan ix-xogħol perikuluż. Il-films enerġetiċi tiegħu huma mogħnija bi stunts spettakolari u elaborati eżekwiti minnu stess u b’ħafna waqtiet umoristiċi tassew ħelwin, li għamlu biljuni kbar ta’ dollari sa miċ-Ċina sal-Istati Uniti u l-Kanada. 

Attur ieħor li pprova xortih f’Hollywood kien l-Iżvediż Dolph Lungren, iżda bi ftit impatt. Minkejja li ħadem diversi films tal-arti marzjali, ġie nnotat l-aktar f’Rocky IV (1985) wara li għamel id-debutt tiegħu fil-film ta’ James Bond, f’parti żgħira, A View To A Kill. Hans “Dolph” Lundgren irċieva grad fl-inġinerija kemikali mir-Royal Institute of Technology (1980) u “master’s degree” mill-Università ta’ Sydney (1982); fl-arti marzjali jippossedi kemm il-“black belt” fil-karate, kif ukoll kien kampjun Ewropew fl-1980 u 1981. 

Qabel dawn kollha nsibu lil Charles Bronson in-“nannu” taċ-ċiklu ta’ dawn il-films ta’ azzjoni determinata u lil Chuck Norris. Nista’ ngħid li l-bidu ta’ dan il-ġeneru ta’ films kien bil-film Death Wish (1974), li fih Bronson ikun negozjant li ġurnata waħda jsib fid-dar lil martu mejta u lil bintu stuprata bil-goff. B’determinazzjoni sfiqa jsir viġilant ta’ billejl fit-triqat perikolużi ta’ New York City u l-aktar f’Central Park, fejn jibda joqtol bla ħniena lill-marmalja li jsib iddrogati, ħallelin, dawk li jfittxu biex jisolħu li min jinzerta għaddej u oħrajn. Għalkemm qed jagħmel ix-xogħol tal-pulizija li ma jistgħux ilaħħqu, mill-banda l-oħra jikkrealhom iżjed problemi. F’ħafna teatri fl-Amerika mal-final tal-film qamu jċapċpu — l-udjenza mmanipulata bil-kbir u suċċess kbir fid-dħul tal-flus. Warajh ħarġu erba’ produzzjonijiet oħra bl-isem ta’ Death Wish ... Charles Bronson kompla jidher aggressiv f’Mr. Majestic, Hard Times (U.K. The Streetfighter), Breakout, Telefon, Love And Bullets. Death Hunt, 10 To Midnight, Murphy’s Law, u oħrajn. Fil-maġġoranza ta’ dawn ix-xogħlijiet kienet tidher miegħu martu. Jill Ireland. 

Carlos Ray “Chuck” Norris barra li hu attur hu wkoll intiż ferm fl-arti marzjali u għandu l-black belt f’diversi kategoriji — Tang Soo Do, jiu jitsu Brażiljan u judo, barra li rebaħ ħafna kompetizzjonijiet tal-arti marzjali. Beda jaħdem fil-films bħala l-viljakk f’Way Of The Dragon (U.S. — Return Of The Dragon) meta sieħbu Bruce Lee stess ħajru jkun l-avversarju qalil tiegħu fi ġlieda titanika u elaborata fil-Kolossew ta’ Ruma. Mill-ewwel sar popolari, issa dejjem bħala l-ġellied tas-sewwa ġo films bħal A Force Of One (1979), The Octagon (1980), An Eye For An Eye (1981) u aktar, li għamluh ċelebrità internazzjonali. Xi snin wara kabbar il-popolarità bil-films Missing In Action u The Delta Force 1 u 2, u sar isem komuni fid-djar bis-serje tat-televiżjoni CBS, Walker Texas Ranger (1993-2001). Kiteb ukoll ħafna kotba dwar l-arti marzjali, l-eżerċizzju, il-politika, il-Kristjaneżimu u dwar suġġetti oħra. 

Meta l-popolarità ta’ dan il-ġeneru kienet qed tmajna, wasal fix-xena Bruce Willis bil-film Die Hard (1988) bħala John McClane, uffiċjal tal-pulizija ta’ New York li jipprova jsalva lil martu separata minnu u oħrajn miżmuma ostaġġi minn grupp ta’ terroristi f’lejliet il-Milied f‘ħotel imsakkar jikkumbatti magħhom hemm ġew waħdu. Produzzjoni li għamlet suċċess u welldet żewġ sequels, kif ukoll għadu sal-lum wieħed mill-favoriti fuq it-TV għal żmien il-Milied. 

Fl-1989, il-film tas-supereroj Batman ibbażat minn fuq il-ktieb ta’ DC Comics, għamel suċċess fenominali u minn baġit ta’ €48 miljun daħħal $411.6 miljuni lill-kumpanija Warner Bros. Hawn beda jberraq għall-films tal-eroj ta’ azzjoni gwappa u sa ftit snin wara s-supereroj tal-kotba komiks ħadu l-prominenza u għadhom sejrin tajjeb sal-lum.

More in Divertiment