[L-ewwel parti] L-eroj gwappi ta’ azzjoni sfiqa

Fl-ewwel parti ta' din is-sensiela, Carmel Bonnici jidħol f'analiżi fonda dwar l-ikoni tal-films tal-action, partikolarment lejn Sylvester Stallone u Arnold Schwarzenegger

X’għandhom komuni dawn il-films – Bananas (1974), tad-Direttur Woody Allen u Prisoner Of The Second Avenue (1975), kif ukoll l-istess ħaġa dwar dawn it-tliet produzzjonijiet, The Long Goodbye (1973), Stay Hungry (1976) u Pumping Iron (1977)? Fihom jaħdmu f’partijiet sekondarji jew ċkejknin Sylvester Stallone (fl-ewwel tnejn) u l-Awstrijak Arnold Schwarzenegger. F’Bananas, Stallone li jitla’ fuq ferrovija ta’ taħt l-art u jwerwer xi passiġġieri jkun żgumbrat ’il barra minn Woody Allen stess li jkun fi stat ta’ nervożiżmu kbir u fi Prisoner Of The Second Avenue Jack Lemmon jiġri wara l-ħalliel ta’ nofs kedda Stallone u jmiddu mal-art, waqt li Schwarzenegger fi tnejn minnhom juri l-kredenzjali tiegħu ta’ bodybuilder immuskulat. Ftit wara, dawn iż-żewġ atturi kienu minn tal-ewwel li saru abbinati ma’ films ta’ azzjoni, minkejja bidu mhux promettenti. Qabilhom kien hemm oħrajn ta’ azzjoni gwappa però ġo films iżolati. 

Sly u Arnie (kif saru magħrufin) speċjalment fis-snin tmenin, bħala Rocky u Rambo fuq naħa waħda, u bħala Conan u Terminator fuq in-naħa l-oħra, kienu l-factotum ta’ qligħ fid-dħul tal-flus dejjem wieħed jissupera lill-ieħor. Warajhom ġew oħrajn u qabilhom nistgħu nsemmu lil Charles Bronson u Chuck Norris. Il-ktieb The Last Action Heroes jiffoka sewwa fuq dawn l-ikoni kuraġġużi li qajmu ċ-ċinema mill-ġdid. 

Wara bidu fejn ma weriex li jista’ jirnexxi, għalkemm ta ħjiel ta’ reċtar tajjeb f’The Lords Of Flatbush (1974), Stallone kellu fil-pussess tiegħu abbozz ta’ kitba dwar boxer, jismu Rocky, li xtaq li jkun iffilmjat, kif ukoll li hu stess jaħdem il-parti prinċipali fih. L-ebda kumpanija maġġura ta’ Hollywood ma riedet tirriskja attur ewlieni mhux magħruf. Fl-aħħar il-United Artists aċċettaw għax films dwar il-boxing dejjem marru tajjeb fl-Amerika u rraġunaw li jekk Rocky ifalli jew imur ħażin għandhom ukoll New York tad-direttur rinomat Martin Scorsese u atturi famużi bħal Robert DeNiro u Liża Minnelli li jagħmel tajjeb għat-telf. Ironikament ġara l-kuntrarju u Rocky bi storja old fashioned bħal Somebody Up There Likes Me (1956), dwar boxer baħbuħ u umli, mess bil-kbir is-sentimenti ta’ miljuni waqt li sploda fid-dħul tal-flus ma’ kullimkien. Kien l-aktar film li daħħal flus fl-1976, rebaħ tliet Academy Awards (Oscars), fosthom għall-Aħjar Film, ġie kklassifikat bħala wieħed mill-aqwa films ta’ kull żmien, kif ukoll wieħed mill-aqwa xogħlijiet ikoniċi sportivi ta’ dejjem. F’radda ta’ salib, Stallone, li sar superstilla u maħbub mill-pubbliku, beda t-triq ta’ aktar suċċessi b’iżjed films dwar Rocky Balboa (l-isem Rocky ġie ispirat mill-boxer rinomat Rocco “Rocky” Marciano) u Creed (personaġġ minn dawn il-films), serje li għadha sejra.  

Suċċess kbir ieħor għalih wasal bil-films ta’ Rambo speċjalment bl-ewwel bis-serje, First Blood (1982). Rambo, ġellied veteran tal-Green Berets, li ġie lura mill-gwerra tal-Vjetnam, ikun sfurzat jaħrab minn xeriff kattiv u l-paladini tiegħu waqt li jimbarka fuq ġlieda kontra dawk li għandhom għalih. Oħrajn f’din is-serje huma Rambo: First Blood, Part II (1985), Rambo III (1988), Rambo (2008) u Rambo: Last Blood (2019). Naturalment, Stallone deher ġo diversi films oħra ta’ azzjoni sfiqa u anki oħrajn fejn wera qlubija stupenda. 

Arnold Schwarzenegger ta’ 20 sena rebaħ it-titlu ta’ Mr. Universe u wara dak ta’ Mr. Olympia seba’ darbiet waqt li hu stmat bħala wieħed mill-aqwa “body builders” ta’ kull żmien. Meta mar Hollywood, l-ewwel rwoli li sab kienu li jesebixxi l-ġisem immuskulat tiegħu jew li jittrenja fil-gym. Meta riedu jiffilmjaw waħda mill-istejjer ta’ Robert E. Howard, tax-xwabel u sħaħar, Conan The Barbarian sabu f’Arnie l-attur addattat. Hawn tassew inkarna l-parti ta’ gwerrier potenti li jfittex vendetta għall-ġenoċidju ta’ niesu u l-qtil tal-ġenituri tiegħu minn setta li tadura s-sriep. Bil-menti tiegħu ma jistax jinsa d-dehra makabra tad-demm li s-setta xerdet ġo pajjiżu, flimkien ma’ Subotai, ħalliel u Valeria, ir-Reġina żvelta tal-Briganti, jerħulha fuq vjaġġ perikoluż għall-Muntanji Misterjużi fejn hemm it-Tempju tal-Kult tas-Serp u l-mexxej saħħar tagħhom Thulsa Doom. Is-suċċess ta’ dan il-film tal-1982 welled ieħor, Conan The Destroyer (1984).

More in Divertiment