![[It-tieni parti] L-eroj gwappi ta’ azzjoni sfiqa](http://content.illum.com.mt/ui_frontend/thumbnail/684/0/eroj_tal-azzjoni_2.png)
[It-tieni parti] L-eroj gwappi ta’ azzjoni sfiqa
Fit-tieni parti ta' din is-sensiela, Carmel Bonnici jkompli jħares lejn l-ikoni tal-action, fejn apparti l-atturi Sylvester Stallone u Arnold Schwarzenegger, iħares ukoll lejn atturi oħrajn bħal Jean-Claude Van Damme

Aktar suċċessi għal Schwarzenegger waslu bis-sensiela The Terminator. Fl-ewwel wieħed ta’ din is-serje (1984) Arnie jinterpreta l-parti ta’ cyborg, speċi ta’ robot assassin ta’ stoffa li jintbagħat mill-futur lura fiż-żmien biex ifittex u joqtol mara żagħżugħa, Sarah Connor (Linda Hamilton) li se twelled gwerrier li se jmexxi reżistenza fil-futur biex isalva l-umanità milli tkun eliminata minn dawn il-magni. B’robot vjolenti u qawwi li xejn ma jista’ jwaqqfu u b’azzjoni li ma taqta’ xejn, The Terminator, kif dirett minn James Cameron, kien xogħol tax-xjenza fittizja li ftit rajna l-kwalità superjuri tiegħu. Dan il-film ġie magħżul mill-Librerija tal-Kungress biex ikun ippriżervat fir-Reġistru Nazzjonali tal-film.
Aktar effetti speċjali viżwali ġġenerati bil-kompjuter dehru f’Terminator 2: Judgement Day (1991), ukoll dirett minn James Cameron. Din id-darba s-cyborg Arnie jkun ipprogrammat mill-umani tar-reżistenza tal-futur biex jindokra lil Sarah Connor u binha u jagħmilha tal-eroj din id-darba. Però mill-futur, l-Intelliġenza Artifiċjali Skynet jibagħtu esseru T-1000 li kapaċi jibdel surtu magħmul minn metall likwidu li hu invinċibbli biex joqtol lil Sarah u lil binha John, is-salvatur tal-umanità. Minkejja l-azzjoni mirakoluża li fih u li terġa’ ma terħi xejn u li tissupera l-oriġinal, ma jaqbiżx l-impatt tal-ewwel film. Dawn it-tnejn irrendew id-‘deheb’ fil-box-office. Wara nħadmu aktar Terminator films li ma kinux ta’ klassi bħal dawn it-tnejn.
Schwarzenegger ħadem aktar films ta’ azzjoni qawwija li għamlu suċċess, fosthom Commando (1985), The Running Man (1987), Predator (1987), Total Recall (1990) u True Lies (1994) ukoll dirett minn James Cameron. Mis-snin 2003 sal-2011 Arnie serva bħala Gvernatur ta’ California.
Attur ieħor, din id-darba mill-Belġju, Jean-Claude Van Damme, bħal Schwarzenegger telaq lejn Hollywood biex jittanta xortih bħala attur. Ta’ għaxar snin missieru kitbu fi skola tal-karate u kkompeta b’suċċess f’diversi kompetizzjonijiet f’turnew tal-karate jew tal-kickboxing. Fl-1978 rebaħ it-titlu ta’ Mr. Belgium fil-bodybuilding, kif ukoll darbtejn il-Black Belt fil-karate. Fil-ħafna films li ħadem ta’ azzjoni bl-arti marzjali laqqmuh “the muscles from Brussels”, il-post fejn twieled. Għalkemm ma kienx tal-livell ta’ Schwarzenegger, diversi films tiegħu marru kummerċjalment tajjeb, fosthom Lionheart (1990 – U.K. A.W.O.L.), Death Warrant (1990), Double Impact (1991), Nowhere To Hide (1993), Hard Target (1993), Timecop (1994), Street Fighter (1994), Sudden Death (1995), Maximum Risk (1996) u The Quest (1996) dirett minnu stess. Fl-1988 Jean-Claude Van Damme ħadem fi Black Eagle ma’ Sho Kosugi, produzzjoni maħduma hawn Malta. Fis-snin ta’ wara l-1996 id-dehra tiegħu fuq il-liżar ċinematografiku naqset sewwa.
Espert ieħor tal-arti marzjali li wkoll jippossedi l-Black Belt fl-aikido huwa Stephen Seagal. Barra li hu attur, hu wkoll produttur, kittieb tal-films, għalliem tal-arti marzjali u mużiċist speċjalment meta kien fil-Ġappun. Wara kompla b’dan ix-xogħol f’Los Angeles. Il-films tal-bidu tiegħu kollha b’sekwenzi ta’ azzjoni intensa tal-aikido marru tajjeb mal-pubbliku. Id-debutt għamlu f’Above The Law (1987) (a.k.a. Nico) li għamel suċċess konsiderevoli u kompla b’impatt qawwi b’Hard To Kill, Marked For Death, Out For Justice u Under Siege. Kompla wara b’aktar films, fejn f’xi wħud minnhom wera ħsieb lejn kif qed jiġi ttrattat l-ambjent. Mill-2003 ’il quddiem, ix-xogħlijiet kollha li ħadem ħarġu fuq DVD jew intwerew fuq it-TV. Fl-eqqel tal-karriera tiegħu kien stmat bħala wieħed mill-aqwa ta’ dan il-ġeneru ta’ film u l-aktar meqjus bħala attur tal-arti marzjali.