‘Il-kummiedja llum hawn ħafna għatx għaliha imma m’hawnx kittieba għax jibżgħu’

Propju ħmistax qabel ma jiftaħ is-separju fuq San Sultana Xow ... l-ILLUM titkellem ma’ Matthew Sant Sultana. Bejn l-umoriżmu, u umiltà, li jnixxu bħala xmara minn fih bla ma jaf kif, Sant Sultana jirrakkonta minn fejn beda, kif żviluppa l-istil tiegħu, u fejn jara l-kummiedja f’Malta tiżviluppa l-aktar

Ftit huma dawk li għadhom ma semgħux b’Matthew Sant Sultana, jew inkella bl-alter ego tiegħu ... il-lajf. Jekk ma smajtx bih ... jiddispjaċini. Imma issa Sant Sultana se jaqbad vjaġġ ħelu ġdid, u se jbill subgħajh fi stand-up comedy, kompletament bil-Malti. 

Ftit snin ilu l-kunċett ta’ stand-up comedy ta’ kwalità kien xi ħaġa li kważi trid tosserva minn sett ta’ televiżjoni, minn fuq l-internet jew inkella tistenna xi artist barrani jiftakar li neżistu, u jiġi naqra Malta. Bil-mod bdejna naraw artisti Maltin, bravissimi, li jipprovaw din l-arti, iżda rari kienet qed isir kompletament bil-lingwa omm tagħna. 

Issa tfaċċa dan, jekk Alla jrid, insomma ... propjament tfaċċa xi disa’ snin ilu u jekk intom bħali, bilfors sirtu tħobbuh wara li rajtuh jikkumiedja fuq il-programm popolari ‘Min Immisu’. 

Kelli kważi unur, (kważi, Matthew, biex ma tikbirlekx rasek minn issa), biex inpoġġi ma’ Sant Sultana, ħmistax qabel ix-xow tiegħu, u nsir nafu aktar.  

Iċ-ċajt tiegħek ħafna drabi jdur mal-ħajja personali tiegħek, inkluż mar-relazzjonijiet f’ħajtek, u anke mad-dehra tiegħek. Fejn taqta’ linja bejn ċajt u boundaries personali? Hemm xi ħaġa li ma tiċċajta qatt dwarha? 

Inħobb niċċajta bija nnifsi għal ħafna raġunijiet varji. Eżempju meta tiċċajta bik innifsek mill-ewwel, meta tkun għadek kif iltqajt ma’ persuna, tkun qed tgħaddi sinjali li tista’ tkun komdu miegħi u tista’ titkellem. Ma nafx jekk qatt ħsibtux fuqha imma hekk hu, tħossok komdu, apparti minn hekk, aħna umani u fl-aħħar mill-aħħar, il-verità hi li nħobbu nidħku b’ħaddieħor imma mhux bina nfusna. Allaħares tiċċajta bija għax nieħu għalija, imma jekk tiċċajta b’ta’ ħdejja mela hekk ok ... tajjeb ... u jien għalhekk nuża dan il-metodu ħalli jħossuhom komdi. U wara nkun nista’ ndaħħal ċajt fuq ħaddieħor, bil-permess tal-udjenza jew min ikun hemm quddiemi, li tawni l-permess mingħajr ma jafu.  

Jien nidħak fuq kollox, jekk iċ-ċajta tkun tajba, u nħobb insegwi kollox biex nitgħallem u niftaħ aktar moħħi. M’hemm xejn li ma nagħmilx essaċċ imma hemm ċajt li ma nħossnix komdu nagħmilhom bħal ċajt fuq id-diżabilità u l-mard. Ma jfissirx li meta jgħidhom ħaddieħor ma nidħakx, biss, bħalissa ma nħossnix komdu nagħmilhom jien. Jgħaddu s-snin u ma nafx, il-bniedem jevolvi u qatt ma tista’ tgħid kif se nkun minn issa sa sena oħra. 

B’numru dejjem jikber ta’ kummidjanti lokali, kif tiżgura li l-istil tiegħek jibqa’ frisk u rilevanti f’industrija tant kompetittiva?  

Lokalment inħoss li hawn nuqqas kbir ta’ kummidjanti, inħoss li l-arti mhux apprezzata biżżejjed u kulħadd jeħodha for granted. Nemmen li hemm nies hemm barra li għandhom potenzjal kbir imma m’hawnx pjattaforma, lanqas naf hawnx għalliema tal-kummiedja u jekk ikun hawn, minn fejn ħa taqbad tibda? Suġġett vast ħafna, u jvarja skont il-personalità tal-bniedem. 

Biex dejjem tibqa’ frisk u relevanti trid issegwi x’inhu jiġri madwarek u meta ngħid issegwi mhux għall-affarijiet li jinqalgħu ġo din in-naqra gżira. Trid tosserva n-nies, l-attitudni tagħhom, l-imġiba, kif jitkellmu u l-ħsieb, u dejjem toħloq xi ħaġa b’li titgħallem. 

Ix-xena lokali marbuta mal-kummiedja qed tevolvi malajr. Fil-fatt fejn qabel stand-up comedy kien isir frekwentament mill-barranin, issa għandna Maltin jagħmlu kummiedja bil-Maltin. Taħseb li l-umoriżmu llum huwa fundamentalment differenti minn dak li kien ftit tas-snin ilu? (Kemm kif qed ikun preżentat, u l-kontenut.) 

L-umoriżmu dejjem l-istess jibqa’ imma jinbidel u jevolvi bħal kull ħaġa oħra. Fl-antik kellna lil Gemma Portelli, Vitorin Galea, Johnny Navarro, fost oħrajn, li kienu litteralment itellgħu xows weħidhom ta’ Stand Up comedy. 

Illum inbidlet, dak l-istil qata’ ħafna, għalkemm xorta ċerti kitbiet għadhom b’saħħithom u relevanti ... imma naqsu. Pjuttost maż-żmien, ma baqax ikun hawn nies bħalhom, u l-kummiedja ħadet daqqa ’l isfel, għal ħafna raġunijiet, fosthom ċensura, li tħoll u torbot kollox tista’ tgħid. 

Illum sirna aktar ikkumplikati bħala udjenza, ġieli s-sempliċi ma narawhx għalhekk għandna aktar kummiedja aggressiva. Imma jiġi żmien li jkollna stili bħal qabel ukoll.  

Dejjem kienet importanti u dejjem se tibqa’, il-kummiedja llum hawn ħafna għatx għaliha imma m’hawnx kittieba għaliha għax jibżgħu. Jibżgħu li ma tintgħoġobx. Fittex online jew ixgħel it-television u għidli xi ssib kummiedja. Ftit li xejn, diffiċli ħafna, għax ħa tolqot karattri differenti u n nies jaġixxu differenti allura jibżgħu u minflok nara xi serje mifqugħ kriminalità u intriċċi, li hu tajjeb ħafna wkoll, imma ħafna aktar faċli. Jekk tista’ tpoġġiha hekk, għax mhi faċli xejn lanqas, imma mbagħad il-ftit li hawn huma tajbin, imma jien nixtieq u nemmen li hemm aktar u ħafna aktar bżonn.  

Carlos DeBattista se jkun qed jingħaqad miegħek għal dan ix-xow. X’inhi l-aqwa parti li jkollok lil Carlos bħala partner in comedy? X’kien l-aktar mument umoristiku minn wara l-kwinti li tista’ taqsam magħna? 

Li jkollok lil Carlos mieghek? Xejn ... ara qed niċċajta! Carlos għandu umoriżmu differenti minn tiegħi, pjuttost aktar aggressiv imma intelliġenti ħafna aktar min tiegħi. Jiena aktar straight forward u b’daqsxejn aktar vulgarità. Naħseb li flimkien qegħdin tajjeb u għandna dinamika ħelwa. Apparti minn hekk, Carlos, flimkien ma’ Abigail, kienu n-nies li skoprewni disa’ snin ilu u għarfu l-potenzjal tal-kummiedja minn audition li qas kont naf li hija audition. Mumenti tad-daħk minn wara l-kwinti? Il-ħin kollu! Anke tarana biss nagħmlu r-rehersal, ukoll tidħak bil-kazzati li ngħidu. 

Qed twiegħed premjijiet u sorpriżi kbar waqt l-ispettaklu. Mingħajr ma tagħti wisq, tista’ tagħti ħjiel ta’ x’qed nistennew? Għal dawk li għadhom ma rawkx live, x’jistgħu jistennew mis-San Sultana Xow? 

San Sultana Xow nemmen li huwa differenti, ruħ ġdida, xi ħaġa li kien hemm bżonn biex in-nies jagħfsu aktar fuq Stand Up bil-Malti, għax m’hawnx u dik ħa noffruha aħna. Aħna għadna qed nitgħallmu għax huwa suq pjuttost ġdid. Jien għandi biża’ kbir għax bejn hija l-ħolma ta’ ħajti u bejn li għall-ewwel darba ħa nesponi lil Matthew kif in-nies ta’ madwari vera jafu mingħajr ma ninħeba minn xejn. 

Hemm ċajt intelliġenti, ċajt offensiv. Xow dirett u bla kantunieri li jġiegħlek taħseb. Xow fejn huwa relatat ħafna man-nies ta’ hemm barra, li jisimgħu u li jgħidu. Din ġratli, ħsibtha mhux vera, imma ħa joħorġu minn hemm jidħku, jaħsbu u jimmaġinaw jekk hux vera jew le, għax għandna mumenti li huma attroċi. 

L-ispettaklu qed iġib dik l-atmosfera ta’ house party bix-xorb u ikel. X’inhu l-finger food favorit tiegħek meta tkun barra tieħu pjaċir mal-ħbieb? 

Jien nixtieq li n-nies, kemm qabel, waqt il-brejk, u speċjalment wara, jieħdu bażż. Dan mhux biss stand up imma nixtieq li n-nies joħduh bħala qisu xi pre-drinking event jew xi riċeviment jew inkella xi ħarġa bejn il-ħbieb, b’naqra xorb, ikel tajjeb, u daħk. Hekk irrid, irridu jkun differenti, iħossuhom qishom qegħdin id-dar.  

Il-finger food favorit tiegħi? Taqta’ l-bajd mimli ... jekk nibda lanqas nieqaf. Jekk tara r-ritratti naħseb li jitkellmu waħidhom ... sewwa? 

Kieku tista’ tiġbor San Sultana Xow f’sentenza waħda, li tikkonvinċi lin-nies biex jaqtgħu l-biljetti tagħhom issa, xi tkun? 

Ma nafx xi ngħid fuq din għax ma tantx ninqala’ imma, jekk trid tidħak daħka, tiekol u tixrob xarba tboss u m’għandekx x’tagħmel, mela ejja s’hemm imbagħad ħallih iħabbat.  

Min hu dak il-commedian – lokali jew internazzjonali – li tixtieq tikkollabora miegħu fil-futur? 

Jien, grazzi għal kbir ħanin Alla, nista’ ngħid li ħdimt mal-aqwa kummidjanti f’pajjiżna, dejjem l-iżgħar u dejjem nassorbi kollox. Ħabbewni qishom ħuhom iż-żgħir u tant tgħallimt u għallmuni u tawni qalbhom, għax ġenwinament riduni aħjar minnhom, li lanqas nista’ nirringrazzjahom biżżejjed. Inħobbhom daqs tal-familja imma lokalmemt għadni qatt ma ħbatt ma’ Jamie u Sander, s’issa. U t-tnejn vera nammirahom u għandhom stil ta’ kummiedja li vera togħġobni u nixtieq naħdem magħhom għax apparti li bravissimi u għandhom stil uniku,  jien inħobb nitgħallem. Internazzjonali, Michael McIntyre, u Ricky Gervais, żewġ stili kompletament differenti u jien hemm nixtieq immur xi mkien fin-nofs ta’ dawn għax il-bilanċ m’hawnx isbaħ minnu. 

More in Divertiment