Maġija, Imqarbizza, Montanaro: ‘Ebenezer Scrooge! The Panto’ tqanqal l-ispirti tal-Milied fit-Teatru Salesjan
Lestu ruħkom biex tingħaqdu ma’ Ebenezer Scrooge, f’avventura mqanqla li tittraversa l-ispazju u ż-żmien, biex tiskopru l-ispirtu tal-Milied permezz ta’ “Ebenezer Scrooge! The Panto” tal-MADC
Il-biljetti għall-appuntament fiss u ferm maħbub tal-Milied tal-MADC qed jinħatfu bil-minuti. Din se tkun l-ewwel panto li se tittella’ fit-Teatru Salesjan f’Tas-Sliema minn mindu ġie rrinnovat.
Lestu ruħkom biex tingħaqdu ma’ Ebenezer Scrooge, f’avventura mqanqla li tittraversa l-ispazju u ż-żmien, biex tiskopru l-ispirtu tal-Milied permezz ta’ “Ebenezer Scrooge! The Panto” tal-MADC.
Għall-edizzjoni ta’ din is-sena tat-tradizzjoni popolari tal-MADC marbuta mal-Milied, “Ebenezer Scrooge! The Panto” se tkun l-ewwel pantomima li se żżanżan il-palk tat-Teatru Salesjan f’Tas-Sliema minn mindu ġie rinnovat – u mistennija tesplora l-possibbiltajiet kollha marbuta mal-arti tal-pantomima f’dan l-ispazju performattiv ġdid u eċitanti.
Miktuba mill-imgħallem tal-panto nnifsu Alan Montanaro u taħt idejn id-direttur rinomat Steve Casaletto, din ix-xalata festiva tiftaħ nhar San Stiefnu u tibqa’ għaddejja sal-5 ta’ Jannar, u b’hekk f’dan l-istaġun ta’ festi l-udjenzi żgħar u kbar jistgħu jaħarbu flimkien lejn dinja meraviljuża kollha daħq, mużika, żfin u xi ftit sorpriżi eċitanti wkoll.
Stephen Oliver se jagħti l-ħajja lir-raġel xħiħ pereċċellenza Ebenezer Scrooge, fil-qalba vibranti ta’ Londra Vittorjana, fejn jiltaqa’ ma’ ġgajta allegra ta’ fantażmi u karattri eċċentriċi li jgħinuh jiftakar fil-ferħ li jġibu magħhom il-ġenerożità u l-ispirtu tal-Milied.
Filwaqt li Montanaro jirritorna bħala d-Dama favorita ta’ Malta – bil-famuż riċipettu u bit-tkaken b’kollox! – “Ebenezer Scrooge! The Panto” se tkun qed tittella’ bis-sehem ta’ kast ensemble brillanti, li jinkludi lil Edward Caruana Galizia, Chantelle Micallef Grimaud, Joe Depasquale, Noel Zarb, Vanessa Attard, Franco Sciberras u Mandy Randon, fost ħafna oħrajn.
Sadanittant, id-Direttur Mużikali ta’ din il-produzzjoni huwa l-mużiċist ta’ talent kbir Ryan Abela, li hu parti minn tim kreattiv li permezz tiegħu se tinħoloq l-esperjenza klassika tal-panto tal-Milied, bix-xenarji stupendi ta’ Claudio Apap, kostumi ta’ barra minn hawn iddisinjati minn Nicole Cuschieri, u koreografija li tolqot l-għajn, xogħol Martina Galea.
Bil-ħsieb li din il-produzzjoni spettakolari tkun aċċessibbli kemm jista’ jkun ħalli l-familji jkunu jistgħu jgawduha flimkien f’dawn il-festi, l-MADC ħadmet mill-qrib mat-Teatru Salesjan sabiex toffri biljetti bi prezzijiet imnaqqsa, kemm fil-platea, kif ukoll fid-dress circle, għat-tfal li għandhom bejn tlieta u ħdax-il sena.
“Ħdimna bla waqfien biex noħolqu produzzjoni li dan il-Milied se trattab il-qlub tal-udjenzi u fl-istess ħin tifqagħhom bid-daħq,” qal Steve Casaletto. “Din mhix se tkun panto ordinarja – imma spettaklu rikk mimli umoriżmu, emozzjoni u faxxinu li jibqa’ għal dejjem, li bla dubju se jsaħħar lill-familji u lid-dilettanti tat-teatru, u se jżomm l-hena tal-Milied ħajja lil hinn mid-dħul tal-2025.”
“Ebenezer Scrooge! The Panto” tal-MADC se tittella’ bl-Ingliż fit-Teatru Salesjan f’Tas-Sliema mis-26 ta’ Diċembru 2024 sal-5 ta’ Jannar 2025, b’wirjiet disponibbli kemm matinee, kif ukoll filgħaxija. Il-booking issa huwa miftuħ fuq www.madc.com.mt. Tfal taħt l-età ta’ tliet snin ma jitħallewx jidħlu fit-teatru. Din il-produzzjoni hija mwieżna minn Dee Spas Wellness, Welbee’s Supermarket, Elia Caterers, 89.7 Bay u Bay Easy.