BookTok se jasal f’Żejt iż-Żejtun nhar is-Sibt

BookTok, l-akbar komunità għal-letteratura fid-dinja tal-midja soċjali, se tasal f’Żejt iż-Żejtun, f’parti miċ-ċelebrazzjonijiet li se jsiru nhar is-Sibt, f'Żejt iż-Żejtun

BookTok, l-akbar komunità għal-letteratura fid-dinja tal-midja soċjali, se tasal f’Żejt iż-Żejtun, f’parti miċ-ċelebrazzjonijiet li se jsiru nhar is-Sibt, 28 ta’ Settembru. Din l-attività se ssir waqt il-bejgħ ta’ kotba second-hand fejn se jkun hemm sezzjoni ddedikata għal min iħobb il-kotba li bdew isiru popolari grazzi għal BookTok. 

Din il-pjattaforma diġitali saret waħda mill-akbar muturi tal-industrija tal-pubblikazzjoni, u ġabet miljuni ta’ bejgħ tal-kotba madwar id-dinja. Ħafna kotba mis-suq ta' BookTok, bħal dawk ta’ Sarah J. Maas, Colleen Hoover u Emily Henry, se jkunu fost dawk għall-bejgħ f’dan is-suq speċjali f’60 Triq San Girgor, iż-Żejtun. 

L-attività tibda fil-5pm u tibqa’ għaddejja sa tard billejl, u se tkun opportunità kbira għal min iħobb il-qari biex jiskopri kotba ġodda u klassiċi li reġgħu sabu popolarità grazzi għal din il-komunità online. 

Apparti mill-kotba, se jkun hemm ukoll għażla ta’ DVDs u CDs klassiċi għall-bejgħ. 

Żejt iż-Żejtun huwa avveniment annwali li jiċċelebra l-istaġun tal-ġbir taż-żebbuġ u t-tgħaffiġ għaż-żejt.  

Matul il-festa se jkun hemm daqq, kantanti, u żeffiena folkloristi libsin kostumi medjevali biex ifakkru fil-ħsad bnin. Wirja ta’ għodod u prodotti agrikoli, flimkien ma’ arti folkloristika, se jżejnu t-toroq. Ftajjar u ħobż biż-żejt frisk se jitqassmu b’xejn ukoll. 

Is-Sibt se jkun hemm għażla ta’ prodotti relatati mas-siġar taż-żebbuġ għall-bejgħ, u preżentazzjoni awdjoviżiva dwar it-tkabbir tagħhom. Il-Ħadd filgħodu se jsir it-tberik tradizzjonali tal-annimali, u t-tfal li rċevew il-Griżma se jħawlu s-siġar. 

Il-kripta tal-Knisja ta’ Santa Katarina u l-kampnari se jkunu miftuħin għall-pubbliku. 

More in Divertiment