Disney – minn films animati għall-istess produzzjonijiet b’atturi reali (L-ewwel parti)
Carmel Bonnici jibda' bl-analiżi tiegħu fuq Disney, il-films animati antiki tagħhom li qed jiġu magħmula b'atturi reali. Din il-ġimgħa nagħtu ħarsa lejn Alice in Wonderland, u 101 Dalmatians.
Is-sena li għaddiet, 2023, kien jaħbat iċ-Ċentinarju mit-twaqqif tal-Kumpanija Walt Disney. Il-films ta’ dan l-istudio li ħarġu f’dik is-sena, fosthom Haunted Mansion, kellhom miżjud mal-logo tas-soltu “100th Anniversary”. Dan il-ġenju, fl-1920 beda jaħdem films animati ta’ reklami għall-Kansas City Advertising Company u fl-istess waqt beda jipproduċi dawk tiegħu msejħa Laugh-O-Gram. Sfortunatament, il-kumpanija falliet u Disney talab għal-likwidazzjoni. Fl-1923 hu mar Hollywood ma’ ħuh Roy (1894-1971) u hemm stabbilixxa l-istudio tiegħu.
Walter Elias Disney twieled f’Chicago fil-5 ta’ Diċembru 1901 u beda jattendi l-Kansas City Art Institute. Fl-Ewwel Gwerra Dinjija serva mal-Korp tal-ambulanzi u kif spiċċat il-gwerra beda jaħdem fi studio kummerċjali tal-arti. F’Hollywood, mis-sena 1923 sal-1927, ħadem is-saga Alice In Cartoonland li kienet tikkombina azzjoni animata u anki reali għad-distributur M. J. Winkler. Wara l-1925, flimkien ma’ Ub Iwerks, l-akbar kollaburatur li kellu li kien iltaqa’ miegħu fl-1920 ħadmu fis-serje Oswald the Lucky Rabbit (1927/28) li kien waqqaf il-Walt Disney Productions. Fl-1928 ħareġ Steamboat Willie li kien bil-ħoss. Permezz ta’ din il-produzzjoni u Skeleton Dance (1929) li inawgurat is-serje Silly Symphonies, Disney spikka fuq kull ditta Amerikana involuta fl-animazzjoni. Kompla kabbar il-popolarità tiegħu bir-repertorju tiegħu ta’ karattri famużi mal-familji bħal Donald Duck, Pluto, Goofy, Minnie Mouse u oħrajn sekondarji.
Meta tħajjar jipproduċi film animat ta’ tul normali, il-produtturi kollha għaddewh bħala “miġnun” billi sostnew li l-familji ma jissaportux film animat ta’ kważi siegħa u nofs. Meta Snow White and the Seven Dwarfs (1937) kiseb suċċess fenominali, il-kritiċi kollha siktu u tassew bdew jammiraw lil dan il-ġenju li ftit snin wara ħadem oħrajn bħal Pinocchio (1940), Fantasia (1940), Dumbo (1941) u Bambi (1942).
Il-film Fantasia, mimli innovazzjonijiet interpretati b’mużika klassika, b’immaġnijiet realistiċi u astratti, kien ftit apprezzat dak iż-żmien u akkużaw lil Disney bi pretenzjonijiet għolja. Fil-preżent, dan il-film hu stmat bħala xogħol estetiku apprezzat immens. Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, l-attività ta’ Disney saret iżjed varjata b’films issa verament divertenti bħal dokumentarji dwar in-natura bl-isem ta’ True Life Adventures u oħrajn rinomati bħal Treasure Island, Rob Roy, 20,000 Leagues Under the Sea, The Story Of Robin Hood and His Merrie Men kollha bbażati minn fuq kotba klassiċi għat-tfal.
Disney baqa’ jissorvelja l-films tiegħu sa qabel ma miet nhar il-15 ta’ Diċembru 1966. L-aħħar film animat li ħa ħsieb kien The Jungle Book. L-assenza tiegħu nħasset sewwa għax sa kważi 20 sena wara, il-films animati tal-kumpanija Disney ma kienx għad fadlilhom dik ix-xi ħaġa speċjali li għamluhom superjuri fuq l-oħrajn sakemm permezz ta’ immaġnijiet tal-għaġeb iġġenerati bil-kompjuter, Walt Disney Productions reġgħu ħadu s-supremazija f’idejhom, aktar u aktar meta akkwistaw il-Kumpanija Pixar Animation Studio (dik ta’ Toy Story, eċċ.). Minn hawn ’il quddiem, il-kumpaniji maġġuri oħrajn ta’ Hollywood ukoll sabu xorti mal-pubbliku bi produzzjonijiet animati ta’ livell għoli. Il-film li beda din l-innovazzjoni kien The Little Mermaid (1989).
Il-produtturi tal-kumpanija Disney skoprew li xi films animati li kienu għamlu suċċess jistgħu jinħadmu wkoll b’karattri tad-“demm u l-laħam”, ħsieb li rnexxa, fejn ċerti xogħlijiet għamlu profitt daqs dawk oriġinali.
Dawn huma l-films animati tal-kumpanija Disney li wara nħadmu b’atturi reali:
1951 – ALICE IN WONDERLAND (75 minuta) – Dirett minn Clyde Geronimi, Wilfred Jackson u Hamilton Luske. Din il-verżjoni animata tal-ktieb ta’ Lewis Carroll kienet pjuttost pjaċevoli, però daqsxejn eċċentrika għat-tip ta’ film ta’ Disney. L-animaturi, però rnexxielhom jagħtu ħajja lill-karattri strambi tal-istorja bħal Cheshire Cat, The Mad Hatter u Queen Of Hearts.
2010 – ALICE IN WONDERLAND (108 minuti) – Dirett minn Tim Burton bl-atturi Johnny Depp, Mia Wasikowska, Helena Bonham Carter u Anne Hathaway. F’din il-verżjoni, Alice hi tfajla ta’ 19-il sena, affaċċjata bi żwieġ li mhux għal qalbha, li taqa’ ġo ħofra ta’ fenek u tiġi f’Underland waqt li tinsa li diġà kienet hemm qabel. Trid issib il-forza u r-rieda biex issalva r-renju t’hemm taħt. Pjuttost immaġinattiv u ambizzjuż.
1961 – ONE HUNDRED AND ONE DALMATIANS (79 minuta) – Dirett minn Wolfgang Reitherman, Hamilton Luske u Clyde Geronimi. Dan il-cartoon hu ambjentat fl-Ingilterra u hu dwar serqa ta’ diversi klieb dalmatians minn Cruella De Vil, mara li tħobb tilbes eleganti u li trid tagħmel ġakketta mis-suf ta’ dawn l-annimali ħelwin. L-istorja hi murija mill-punt di vista ta’ kelb. Film li ntlaqa’ tajjeb mal-familji.
1996 – 101 DALMATIANS (103 minuti) – Dirett minn Stephen Herek. Jaħdmu Glenn Close, Jeff Daniels u Joely Richardson. Daniels u Richardson, par li jħobbu l-klieb, flimkien mal-klieb tagħhom Pongo u Perdita jeħduha kontra Cruella De Vil (Close) u l-paladini tagħha biex iġibu lura d-dalmatians li serqu.
2000 – 102 DALMATIANS (100 minuta) – Dirett minn Kevin Luna. Jidhru Glenn Close u Gerard Depardieu. Sequel tal-film tal-1996 dwar aktar avventuri ta’ Cruella De Vil (terġa’ Close) u l-fissazzjoni tagħha li tisraq il-klieb biex ikollha gakketta mis-suf tagħhom.