Magna Żmien tesponi l-Maltin fil-Mediterran

F’sessjoni ta’ taqsim tal-memorja, permezz ta’ kollaborazzjoni ma’ Spazju Kreattiv m’ art Explora, Magna Żmien tistieden lin-nies biex jikkontribwixxu, jitkellmu u jinvolvu ruħhom f’diskussjoni fuq il-kontenut relatat ma’ persuni Maltin fil-Mediterran

 Ix-xbieha ewlenija ta’ dan l-avveniment tiġi mill-kollezzjoni ta’ Joseph Mangani, korteżija ta’ Magna Żmien.
Ix-xbieha ewlenija ta’ dan l-avveniment tiġi mill-kollezzjoni ta’ Joseph Mangani, korteżija ta’ Magna Żmien.

Bħala nies tal-Mediterran, il-baħar huwa f’demmna. Il-baħar jgħaqqadna u jippermettilna li nivvjaġġaw minn spazju għal ispazju; minn kultura għal kultura – u b’ hekk it-tradizzjonijiet u l-maneriżmi tagħna xxerrdu madwar il-Mediterran.  

Min-nofs tas-seklu 19 sal-bidu tas-seklu 20, eluf ta’ Maltin emigraw lejn pajjiżi bħat-Tuneżija, il-Marokk u l-Libja. Anki sal-ġurnata tal-lum, hemm it-traċċi tal-Maltin bid-dixxendenti jġorru l-kunjomijiet u t-tradizzjonijiet tan-nies ta’ dawn il-gżejjer li qasmu l-ilmijiet ta’ spiss qarrieqa ta’ dan il-baħar; storja kkumplikata għall-aħħar li issa l-memorja tagħha hija suxxettibbli għall-estinzjoni. 

F’sessjoni ta’ taqsim tal-memorja, permezz ta’ kollaborazzjoni ma’ Spazju Kreattiv m’ art Explora, Magna Żmien tistieden lin-nies biex jikkontribwixxu, jitkellmu u jinvolvu ruħhom f’diskussjoni fuq il-kontenut relatat ma’ persuni Maltin fil-Mediterran biex tibda diskussjoni dwar l-emigrazzjoni Maltija lejn l-Afrika ta’ fuq, Ġibiltà, il-Lvant Nofsani, l-Italja, Franza u rkejjen oħra ta’ dan il-baħar.  

Din is-sessjoni se tinkludi wkoll diskussjoni mal-artista u riċerkatriċi Franċiża-Maltija Katel Delia li se tkun qed taqsam is-sejbiet tagħha dwar il-migrazzjonijiet tal-familja tagħha bejn Malta, Tuneż u Marsilja. Magna Żmien ukoll se tkun qed taqsam uħud mill-proġetti tagħha li jikkonċernaw il-migrazzjoni lil hinn mill-Mediterran, fosthom kollaborazzjoni mal-mużew Malti-Kanadiż f’Toronto. 

Matul id-diskussjoni, in-nies huma mistiedna wkoll iġibu ammont żgħir ta’ ritratti stampati għal stazzjon temporanju ta’ diġitalizzazzjoni mmexxi minn dan l-istess arkivju biex jikkontribwixxu l-istejjer tagħhom għal dan il-vojt fi ħdan il-metadata ta’ dan l-arkivju komunitarju. Dan l-istazzjon se jkun miftuħ fi Spazju Kreattiv għal sagħtejn. 

L-avveniment huwa kollaborazzjoni bejn Spazju Kreattiv, Art Explora Festival, u l-Fondazzjoni Magna Żmien. L-avveniment huwa Kofinanzjat minn Creative Europe. 

L-avveniment se jsir fi Spazju Kreattiv nhar is-27 t’April, fil-11am. 

More in Divertiment