Dr Kildare – tabib fittizju f’serje ta’ films popolari (It-tieni parti)

Aqra dwar is-sensiela ta' serje oriġinali ta’ films ta’ Dr Kildare

Is-serje oriġinali ta’ films ta’ Dr Kildare hija din: 

1937 – Internes Can’t Take Money; bl-atturi Joel McCrea, Barbara Stanwyck, u Lloyd Nolan. Film tal-Paramount Pictures dwar Dr Kildare li m’għandux rabta mas-serje twila tal-M.G.M. Taħlita ta’ drama medikali u ndħil mill-gangsters. 

1938 – Young Dr Kildare; jaħdmu Lew Ayres, Lionel Barrymore, u Lynne Carver. Dr. Kildare jiggradwa minn skola tal-mediċina u jrid jiddeċiedi jekk jaħdimx fil-kampanja jew fil-belt ġo sptar kbir bħal Blair General Hospital. 

1939 – Calling Dr. Kildare; jidhru Lew Ayres, Lionel Barrymore, Laraine Day, Lana Turner, Lynne Carver u Alma Kruger. Dr. Kildare jiġi f’inkwiet mal-pulizija meta jikkura gangster u jinnamra ma’ oħtu (Lana Turner). 

1939 – The Secret of Dr Kildare; bl-atturi Lew Ayres, Lionel Barrymore, Laraine Day, Lionel Atwill, u Alma Kruger. Iż-żagħżugħ tabib jipprova jikkura tfajla fil-waqt li jipprova wkoll iġiegħel lill-istinat Dr Gillispie jieħu vaganza. 

1940 – Dr Kildare’s Strange Case; jaħdmu Lew Ayres, Lionel Barrymore, Laraine Day, u Alma Kruger. Dr Kildare juża trattament bix-xokkijiet u teknika oħra moderna biex ifejjaq pazjent miġnun. 

1940 – Dr Kildare Goes Home; jidhru Lew Ayres, Lionel Barrymore, Laraine Day u Alma Kruger. Kildare jitlef iċ-ċans li jsir l-assistent ta’ Dr Gillispie meta jmur jgħin lit-tabib missieru fil-klinika tiegħu ffullata bin-nies f’belt żgħira. Arthur O’Connell jidher bħala student mediku. 

1940 – Dr Kildare’s Crises; bl-atturi Lew Ayres, Lionel Barrymore, Laraine Day, Gene Lockhart, u Robert Young. Minħabba li jsib il-possibbiltà ta’ epilessija f’ħu l-għarusa tiegħu, iż-żwieġ ta’ Kildare jkun jinsab fi kriżi. 

1941 – The People vs Dr. Kildare; jaħdmu Lew Ayres, Lionel Barrymore, Laraine Day, Bonita Granville, Alma Kruger u Red Skelton. F’din il-produzzjoni ta’ ħafna paroli, iż-żagħżugħ mediku jsib libell kontrih li m’għamilx xogħlu tajjeb meta opera fuq sieq ta’ żeffiena ta’ fuq is-silġ. 

1941 – Dr Kildare’s Wedding Day; insibu l-atturi Lew Ayres, Lionel Barrymore, Laraine Day, Red Skelton u Alma Kruger. In-namrata ta’ Kildare (Laraine Day) tintlaqat minn traġedja. L-aktar film b’atmosfera oskura ta’ din is-serje. 

1942 – Dr Kildare’s Victory; jidhru Lew Ayres, Lionel Barrymore, Alma Kruger u Barry Nelson. (Fil-film ta’ qabel, Laraine Day ħalliet din is-sensiela għax l-M.G.M. kienu qed irawmuha għall-produzzjonijiet aqwa, fosthom films mużikali). Għalhekk, Dr Kildare għadu sogħbien għall- 

mewt tagħha u jsir iħobb pazjenta tal-klassi soċjali għolja. Lew Ayres ukoll ma ħadimx aktar din il-parti.  

1942 – Calling Dr Gillispie; bl-atturi Lionel Barrymore, Philip Dorn, Donna Reed u Alma Kruger. B’Lew Ayres iħalli l-parti ta’ Dr Kildare, din is-serje tkompli bit-Tabib Gillispie u jkollu assistent ġdid (Dorn). Dr Gillispie jkun attakkat minn miġnun b’tendenzi li joqtol. F’parti żgħira tidher Ava Gardner. 

1942 – Dr Gillispie’s New Assistent; Lew Barrymore, Van Johnson, Susan Peters, Alma Kruger u Richard Quine. Tliet tobba jidhru quddiem Dr Gillispie biex jara min minnhom se jidħol flok Dr Kildare bħala l-assistent tiegħu. Susan Peters u Richard Quine fir-realtà żżewġu fis-sena ta’ wara.  

1943 – Dr Gillispie’s Criminal Case; jaħdmu Lionel Barrymore, Van Johnson, Marilyn Maxwell, Donna Reed u Alma Kruger. Gillispie jipprova jgħin lil wieħed mixli bi qtil biex jistabillixxi l-innoċenza tiegħu. Film serju li għen lil Van Johnson u Donna Reed fil-karriera tagħhom. Iċ-ċkejkna Margaret O’Brien tidher ukoll. 

1944 – Three Men in White; jidhru Lionel Barrymore, Van Johnson, Marilyn Maxwell, Keye Luke, Ava Gardner u Alma Kruger. Isiru ħafna sforzi oħrajn f’din is-serje ta’ estensjoni ta’ Dr Kildare biex Gillispie jaħtar l-assistent tiegħu.   

1944 – Between Two Women; bl-atturi Lionel Barrymore, Van Johnson, Gloria De Haven, Keenan Wynn, Marilyn Maxwell, Keye Luke, u Alma Kruger. Issa l-protagonist ikun Dr Adams (Johnson) li jsir iħobb żewġ nisa. 

1947 – Dark Delusion; Lionel Barrymore, James Craig, Lucille Bremer u Alma Kruger. Is-serje ta’ Dr Kildare/Dr Gillispie waslet fl-aħħar b’din il-puntata ineffiċjenti fejn Dr Gillispie jkollu assistent ġdid (Craig) li fl-ewwel każ tiegħu jittratta mara soċjevoli li l-familja tagħha trid issakkarha fi sptar tal-moħħ. 

Serje oħra tat-TV, The Young Dr Kildare, dehret fl-1972. L-atturi huma Mark Jenkins bħala Dr Kildare u Gary Merrill bħala Dr Gillispie. Din damet tintwera biss sena b’24 episodju.

More in Divertiment