Heritage Malta torganizza ‘Christmas at the Fort’ għal sena oħra

Christmas in the fort se jittella' bejn is-Sibt 2 ta’ Diċembru u l-Ħadd 3 ta’ Diċembru ġewwa Forti Sant Iermu fil-Belt Valletta

Minkejja t-temp sħun, il-Milied daqt magħna xorta waħda. Biex jagħtu bidu għall-istaġun tal-festi, Heritage Malta qed jorganizzaw avveniment tal-Milied ġewwa Forti Sant Iermu fil-Belt Valletta. Nhar is-Sibt 2 ta’ Diċembru u l-Ħadd 3 ta’ Diċembru, iż-żoni ewlenin tal-forti se jiġu trasformati f’villaġġ speċjali tal-Milied li għandu xi ħaġa x’joffri għall-familja kollha. 

‘Christmas at the Fort’ se jkollu diversi attivitajiet biex igawdu t-tfal; Se jkun hemm żona interattiva għat-tfal b’logħob u klassijiet tat-tisjir, kif ukoll ‘Meet and Greet’ ma’ Santa. It-tfal se jkunu jistgħu wkoll jiktbu ittri lil Santa u jaqsmu miegħu x-xewqat li għandhom għal din is-sena. Kemm jekk kienu imqarbin jew bravi, it-tfal kollha li jattendu se jitilqu b’rigal! 

Sadanittant, hemm ħafna attrazzjonijiet li jistgħu jgawdu l-adulti. Żur is-suq tal-artiġjanat u dur id-diversi stands li ħa jkunu qegħdin joffru prodotti magħmulin bl-idejn. Jaf issib ir-rigal tal-Milied ta’ xi ħadd waqt li tkun hemm! Hekk kif qed nitkellmu fuq affarijiet magħmulin bl-idejn, tinsiex tagħti daqqa t’għajn lejn il-wirja tal-presepji. 

Jekk jaqbdek il-ġuħ, ħa jkun hemm varjetà ta’ ikel tal-Milied kwintessenzjali, bħal qastan inkaljat, mince pies, u mulled wine. Barra minn hekk, se jkun hemm xi ħelu tradizzjonali Malti, inklużi l-qagħaq tal-għasel, l-imqaret, u l-imbuljata. 

Matul l-avveniment, il-kor se jtella’ spettaklu ta’ kant, b’selezzjoni ta’ kanzunetti li tinkludi kemm għanjiet tradizzjonali u diski oħrajn bil-Malti, kif ukoll diski tal-Milied Ingliżi li huma aktar magħrufin. 

‘Christmas at the Fort’ jibda fit-2 ta’ Diċembru mis-6 pm sal-11 pm, bl-aħħar ċans għad-dħul ikun fl-10.30 pm. Jiftaħ ukoll fit-3 ta’ Diċembru mill-10 am sat-8 pm, bis-7.30 pm ikun l-aħħar ħin għad-dħul. 

Fl-ispirtu tal-Milied id-dħul huwa bla ħlas! Barra minn hekk, l-avveniment se jittella’ b’risq il-Malta Community Chest Fund. 

More in Divertiment