Emma Muscat se tirrapreżenta lil Malta fil-Eurovision bil-kanzunetta 'I Am What I Am'

Il-vidjow tal-kanzunetta se jkun ippubblikat illum waranofsinhar

Emma Muscat se tkun qed tirrappreżenta lil Malta fil-Eurovision bil-kanzunetta 'I Am What I Am.'

Muscat rebħet il-konkors li għażel lil min se jkun qiegħed jirrappreżenta lil Malta fil-Eurovision Song Contest bil-kanzunetta 'Out of Sight'

Din il-kanzunetta kisbet mhux biss l-ogħla voti mill-pubbliku imma anke l-ġurija qablet b'mod unanimu li Emma Muscat kellha tirrappreżenta lil Malta.

Fuq TVAM dalgħodu, Muscat qalet li l-kanzunetta 'Out of Sight' hija għall-qalbha mmens u hija diska professjonali, madanakollu saħqet li kemm it-tim tagħha u anke l-PBS, waqt id-diskussjonijiet, ħassew li l-kanzunetta ma kinitx qed toffri "il-massimu" għall-Eurovision.

Muscat spjegat kif anke l-maġġorana tal-pubbliku, minkejja li għażel lil Emma Muscat, xtaq li l-kanzunetta tinbidel. Fi kliemha, għamlu ġimgħa sħiħa jaħdmu bla waqfien sakemm intgħażlet 'I Am What I Am.'

Din mhux l-ewwel darba li Malta biddlet il-kanzunetta tagħha għall-Eurovision. Hekk ġara fl-2016, meta Ira Losco rrappreżentat lil Malta bil-kanzunetta Walk on Water. Hija prattika komuni wkoll f'pajjiżi oħra.

Malta se tkun qed tieħu sehem fl-ewwel nofs tat-tieni semifinali tal-Eurovision, jiġifieri nhar it-12 ta' Mejju. It-tir huwa li Malta tgħaddi għall-finali li se jsir f'Torin nhar l-14 ta' Mejju.

Il-vidjow tal-kanzunetta se jkun ippubblikat illum waranofsinhar.

Isma' hawn il-kanzunetta l-ġdida 'I Am What I Am'

More in Divertiment