'Jorbtulek idejk, isawwtuk fil-pjazzez u jkollok plakka li tgħid li int saħħara' - Profs. Carmel Cassar

Maġija biċ-ċiklu menstrawli, melħ fin-nar u nisa jtiru … dawn kienu prattiċi li sa’ 500 sena ilu jingħad li kienu jitwettqu mis-sħaħar Maltin 

Ta’ spiss meta wieħed joqgħod jaħseb fuq il-kultura ta’ pajjiżna u l-identità tagħna bħala Maltin l-ewwel fattur influwenti li jiġik f’moħħok huwa r-reliġjon. Malta minn dejjem kienet msejsa fuq twemmin reliġjuż u b’hekk wieħed ma tgħaddilux minn moħħu li xi darba fl-istorja ta’ din il-gżira kellna numru sostanzjali ta’ sħaħar li jipprattikaw il-maġija, fil-ħajja ta’ kuljum. 

Il-maġija u s-severità tal-prattika kienu jvarjaw. Uħud kienu jużaw il-maġija biex ifejqu lil xi membru tal-familja, li b’disprament ma xtaqux li jitilfu. Oħrajn kienu jagħmlu xi magħmul. Filwaqt li uħud, meqjusa aktar gravi, kienu jagħmlu l-maġija tal-imħabba.  

Minkejja l-istejjer rikki dwar din il-maġija hemm bil-bosta, huma ‘l ftit li ġew dokumentati. Kien għalhekk li din il-gazzetta tkellmet mal-Professur Carmel Cassar li tkellem mal-ILLUM dwar l-irwol tal-inkwiżizzjoni fis-seklu 17 fir-rigward ta’ sħaħar, il-penitenza ħarxa u mbarazzanti fuqhom u kif ukoll membri tal-kleru li kienu jwettqu l-maġija. 

Xi rwol kellha l-inkwiżizzjoni?  

F’Malta, il-maġija bdiet tikber fil-popolarità madwar 500 sena ilu, jiġifieri fis-seklu 16 u fis-seklu 17. Tant hu hekk li fil-bidu tas-seklu 17, il-każi ta’ maġija kienu jammontaw għal terz tal-każi totali li kienet tara quddiemha l-inkwiżizzjoni. Filwaqt li l-maġġoranza tagħhom kienu jkunu Maltin, kien hemm anke Sqallin, Lhud, Griegi, Franċiżi u skjavi Musulmani. 

Cassar spjega li f’ċertu każi ta’ maġija fosthom tal-fejqan, l-inkwiżitur kien jagħalaq għajn iżda jekk fil-maġija li wettqet il-persuna kien ikun hemm l-intervent tax-xitan allura l-inkwiżitur kien jieħu l-każ b’aktar serjetà.  

“Jekk hemm l-intervent qed tagħmel invokazzjoni tax-xitan u għaldaqstant qed tmur kontra r-reliġjon. Mela allura tkun qed tipprattika l-ereżija. Għal din ir-raġuni kont tidher quddiem l-inkwiżitur,” kompla jgħid Cassar. 

Huwa spjega li ħafna drabi dawn is-sħaħar kienu jiġu rrapportati lill-inkwiżitur minn nies oħra, għax dak iż-żmien “kulħadd kien moħħu f’kulħadd. Allura kienu jmorru jistqarru x’raw,” qal Cassar.  

F’dak il-perjodu kien hemm xnigħat li saħansitra kien hemm persuni li kienu jiġu msaħħra, tant li dawn kien ikollhom l-abbiltà li jtiru. F’każ partikolari, Giacoba Borg, kienet qalet li ma ma kelliex kontroll fuq ġisimha għax ġiet imsaħħra. Ir-raġel tagħha, Berto kien stqarr li meta darba kien mar ifittixha ġos-sodda, ma setax isibha għax kienet taret. Berto qal li meta martu rritornat lura ma qaltlux fejn kienet marret għaliex lanqas hi stess ma kienet taf. 

Akkużata li kienet f’konfoffa max-xitan u kienet lesta li tobdieh f’kollox 

Cassar spjega li, “x-xogħol tal-inkwiżitur kien li jikkontrolla t-tixrid tal-prattiċi u dak kollu li jmur kontra t-tgħalim tal-knisja.” Kien għalhekk li l-Inkwiżizzjoni kienet tqis l-involviment tax-xitan bħala l-aktar att ta’ natura gravi.  

F’Settembru 1599, Isabetta Caruana, armla u qabla min Għawdex, instabet ħatja li kienet għamlet ereżija u li għamlet patt max-xitan li tagħmel dak kollu li jitlob minnha, abbażi li jtiha dak kollu li trid. Din kienet meqjusa bħala l-aktar maġija gravi tant li ġiet meqjusa bħala l-agħar saħħara.  

“Il-maġija kienet popolari mal-irġiel ukoll iżda b’mod differenti” 

L-ILLUM staqsiet jekk l-irġiel f’dik l-epoka kinux jipprattikaw il-maġija wkoll. Għal dan Cassar wieġeb li anke l-irġiel kienu jagħmlu l-maġija iżda il-maġġoranza tagħhom kienu jagħmlu ħafna inqas u kienu użawha biex ifejqu.  

Taħt l-inkwiżizzjoni ta’ Pignatelli, Chag Hali, raġel li kien jagħmel il-maġija b’mod partikolari fiż-żona tal-port, kien magħruf ħafna. Hu kien ikun imsejjaħ minn nies għal għadd ta’ affarjiet iżda l-aktar li kien magħruf għalihom kien li jfejjaq il-mard. Huwa kien iħallat numru ta’ weraq mal-ilma. Wara dan, kien jordna lill-persuna li kienet tkun marida biex jieħu banju f’din it-taħlita u b’hekk kienet tirkupra.  

“Kien hemm oħrajn li kienu jwettqu eżorċiżmu. Ħafna drabi kien ikun xi qassis jew kleriku. Jekk ma kinux jiġu aċċettati uffiċjalment mill-knisja  jew mingħajr l-approvazzjoni tal-kurja ma stajtx tagħmel l-eżorċiżmu u għalhekk jekk tinqabad kien ikollok tidher quddiem l-inkwiżitur. Ma tistax teżorċizza jekk ma jtukx il-liċenzja biex tkeċċi x-xjaten,” tenna Cassar. 

Twemmin popolari fis-seklu 17, kien li l-mard li jolqot il-ġisem huwa preżenza barranija fil-ġisem li setgħet titneħħa jew bl-eżorċiżmu jew inkella b’xi prattika oħra. L-ebda minn dawn ma kien jinkludi mediċina. Tant hu hekk li Theresia Mallia, irrakkontat kif skjava rnexxielha tfejjaq l-uġigħ ta’ ras taz-zija tagħha permezz ta’ prattika marbuta mal-baħar. 

“Din l-iskjava qabdet ġebla żgħira u kissret bajda friska magħha umbad tefgħetha ġo kazzola. Meta sajret il-bajda, għattiet il-kazola b’maktur u ordnat li l-kontenut jitwaddab il-baħar bil-patt u l-kundizzjoni li l-persuna li se twaddab il-kontenut ma tħarisx lejh. B’dak il-mod, il-mard ikun qiegħed jintrema fil-baħar ukoll u l-pazjent jgħaddilu. L-għada, meta mort nara lil ziti, qalet li ħassitha ferm aħjar,” qalet Mallia. 

L-imħabba tagħmik. Jew issaħħrek? 

Waħda mill-aktar akkużi gravi huma akkużi ta’ maġija tal-imħabba. Cassar saħaq li f’dak il-perjodu kien ikun hemm diversi koppji, fosthom nisa Maltin ma’ Kavallieri, li kienu jikkoabitaw u mhux jiżżewġu.  

“Għalhekk kienu jagħmlu l-maġija biex ir-raġel ma jitlaqhomx jew biex ma jsibx mara oħra,” żied jgħid Carmel Cassar.  

F’dawn ir-ritwali ta’ maġija ta’ mħabba, il-persuna li tkun se tagħmel ir-ritwal, tuża parti minn xagħrha jew dwiefer jew demm tagħha stess. Dawn kienu jiġu akkumpanjati minn oġġetti tal-persuna li jkunu jridu jattiraw. Fis-suq lokali kien hemm diversi kotba li kellhom riċetti biex iwettqu dawn ir-ritwali. Ritwali oħra kienu jsiru billi jitfgħu il-melħ fuq in-nar. Domenica Darmanin kienet tissuġġerixi li kienet tħallat iċ-ċiklu menstrwali mal-inbid tal-maħbub/a biex tiżgura li jibqgħu fidili lejhom. Din il-prattika kienet l-aktar komuni fin-naħa t’isfel tal-Ewropa.  

Antonia La Siciliana kienet amettiet li kienet għallmet lil xi tfajliet, li rrikorrew għall-għajniuna tagħha, biex jitfgħu l-melħ fin-nar. Apparti minn hekk hija qalet li, “għallimthom jaqbdu żewġ fażoliet, jimmarkawhom it-tnejn, umbad jaqgtħu oħra min-nofs. Dawn  jitfgħuhom f’barżakka flimkien ma’ grano (munita), biċċa faħam, kisra ħobż u dan filwaqt li jirrepetu żewġ Ave Maria u Pater Noster, biex jonoraw lil Santa Elena. Il-fażola mmarkati kienu jirrapreżentaw il-koppja, il-fażola l-maqsuma kienet tirrapreżenta l-qalb tal-maħbub. Umbad tlabthom iwaddbu l-fażola mal-art u mill-pożizzjoni li jiġu fiha naraw jekk hux ser jerġgħu jingħaqdu jew ikunux se jisseparaw b’mod permanenti.” 

X’kien jiġri mis-sħaħar? Kienu jingħataw il-piena tal-mewt bħal ma naraw fiċ-ċinema? 

“L-idea kienet mhux li joqtluk iżda li jumiljawk," wieġeb Cassar.  

“Ħafna drabi tibda’ b’penitenza spiritwali, jiġifieri trid tqerr umbad turi ċertifikat li qarrejt umbad tkun tista’ titqarben fl-erbgħa jew fis-sitt festi spiritwali tal-knisja. Inti kont tkun obbligat li turi din in-nota lill-inkwiżitur. Hafna drabi kienu jagħmluha għal erba’ snin,” qal. 

Kompla jispjega li, kien ikun hemm penitenzi fejn f’jum minnhom tal-ġimgħa wieħed kien isum ħobż u ilma filwaqt li f’jum ieħor il-persuna jkollha tmur quddiem l-inkwatru tal-madonna jew l-istatwa tagħha u tgħid ir-rużarju għal rkuptejha. 

“Din normalment jiddeċiduha skont kemm huma ħorox il-kundizzjonijiet tiegħek. Ġeneralment ikollok tagħmilha għal erbgħa snin sħaħ u din mhux cajta,” kompla jgħid.   

F’każi estremi is-sħaħar kien ikollhom jagħmlu l-abjura li wieħed jgħid pubblikament li huwa midneb. L-akkużat kien iġiegħluh jilbes, “libsa safra b’ salib aħmar fuq quddiem u wara. Kienu jmorru quddiem l-artal waqt quddiesa kantata, il-quddiesa ta’ nhar ta’ Ħadd. Ħafi u bix-xema f’idejk trid tgħid li indibt biex jarak kulhadd. Umiljanti ħafna,” saħaq Cassar.  

Penitenza oħra li kienet issir meta kien ikun każ gravi għall-aħħar kien ikollok titla’ fuq ħmar, “ħafna drabi mhux tħares lejn rasu. Kienu jorbtulek idejk u jdoqqu t-tromba u jsawwtuk fil-pjazzez prinċipali dan filwaqt li jkollok plakka li tgħid li int saħħar. Waqt il-proċessi jista’ jkun li tmur il-ħabs sakemm jiddeċiedu x’ser jagħmlu bik. Jista’ jkun però li kienu jgħidulhom biex imorru d-dar u ma jiċċaqilqux, qisek għandek il-Covid-19,” spjega Cassar.   

Kif kienu jingħataw penitenza dawk li ma kinux Insara? 

Huwa wieġeb li jekk wieħed kien ikun musulman jew xi tip ta’ reliġjon ieħor li mhux kattoliku, it-talb spiritwali kien jisparixxi. Minflok kienu jingħataw xeba’ frosta.  

“Barra minn hekk jistgħu jibgħatuk taħdem fuq ix-xwieni. Dik kienet l-agħar forma ta’ penitenza li jistgħu jtuk. Jekk mhux nisrani ma setgħux ituk is-sawm u t-tqarbin eċċ,” stqarr Cassar.  

Kienet komuni wkoll li jiġu eżiljati. U din kienet komuni aktar fost in-nisa. “Jekk tagħmilha l-ewwel darba kienu jagħlqu għajnejhom, jekk terġa’ tagħmilha allura jista’ jkun li jtuk is-swat,” saħaq il-professur. 

“Bħala mara stajt tiġi eżiljata, kien ikollok tmur l-Imdina, għax l-Imdina ħadd ma ried imur joqgħod. Jista’ jeżiljak Għawdex iċ-Ċittadella u Għawdex ma kienx post tajjeb li tgħix fih dak iż-żmien. Setgħu jeżiljawk ‘il bogħod mit-territorju eżempju l-Imdina,” qal Cassar.  

Fl-1626, Serafina Danieli, prostituta minn Modica, Sqallija, kienet akkużata li wettqet aktar minn 20 atti ta’ maġija, inkluż li tfejjaq u l-invokazzjoni tax-xitan. Filwaqt li ġiet umiljata b’mod pubbliku, hija ġiet eżiljata minn Malta għal Għawdex.  

Forsi għal dawk li ma tantx jemmnu, jgħidu li dawn ma kienu xejn għajr, fantażiji, frott ta’ immaġinazzjoni jew ereżiji. Oħrajn jistqarru li anke llum il-ġurnata żgur li għad hawn min jiprattika l-maġija, possibilment anke f’pajjiżna. Iżda int, temmen? 

More in Divertiment