Huesca ma’ San Lawrenz jew il-Ġappun fejn anke it-toilet jfuħ, x’tagħżel int?

Ġieli għaddietlek minn moħħok li tgħix barra minn Malta? Kieku fejn tgħix u għaliex? Il-gazzetta ILLUM tistaqsi dawn il-mistoqsijiet lil numru ta’ ċelebritajiet …  

Ejja ngħidu li f’univers ieħor ma ġejniex ngħixu fuq din in-naqra ta’ ċaqgħa f’nofs il-Meditteran. Ejja ngħidu li f’ħajja oħra kellna l-għażla li nagħżlu aħna fejn ngħixu. Ejja ngħidu li ġie xi ħadd issa stess u qallek, agħżel belt jew pajjiż u tista’ titlaq minn Malta. Jista’ jkun staqsejt din il-mistoqsija għax qed inħoss in-nuqqas ta’ safra twila ta’ sitt xhur, darbtejn fis-sena! 

Għalkemm bil-problemi kollha tagħha, din il-gżira nħobbuha wisq, xorta sabiħ li xi drabi noħolmu ftit il-ħajja tagħna kif setgħet tkun kieku esplorajna toroq oħra, le? Dan kollu spiċċa qajjem din il-mistoqsija u lil numru ta’ ċelebritajiet Maltin il-gazzetta staqsiethom, li kieku kellek tgħix f’belt oħra jew pajjiż ieħor, mhux Malta fejn tgħix?  

 

‘Barċellona jew Huesca, hu x’inhu, Viva España!’ - Luca Lorenzo, attur u preżentatur 

Luca Lorenzo hu wiċċ sinonimu l-aktar maż-żgħażagħ forsi minħabba is-serjè, Tek Tek Tok, iżda issa qiegħed ibill idu wkoll fir-radju hekk kif sab ruħu bħala preżentatur mal-VIBE FM. Għal min jaf sew lil Lorenzo, mela jaf li mingħajr football u San Lawrenz dan il-ġuvnott mhu xejn.  Fil-fatt ir-risposta tiegħu ma kinitx sorpriża: “ġenwinament narani ngħix Spanja” 

Lorenzo hu mill-Birgu, u bħal ma ħafna jistgħu jinnotaw, bosta irħula u bliet Maltin speċjalment lejn in-nofsinhar għandom xi tip ta’ ammirazzjoni kbira lejn timijiet żgħar tal-football. Fil-fatt hu jsegwi kemm lil Barċellona iżda wkoll lil Huesca, fit-tieni diviżjoni tal-football Spanjol. 

“Kemm il-darba mort Barċellona u nħossni milqugħ, qisni qiegħed id-dar. Dan apparti li Katalunja hu reġjun partikolari ħafna. Jekk tgħidilhom Buenos Dias jindunaw li int turist, imma jekk tgħid l-istess ħaġa bil-Katalan, Bon Dai, ituk ċertu rispett għax qed tirrispetta l-kultura tagħhom.” 

Lorenzo qalilna wkoll li jekk jiddejjaq Barċellona għax il-ħajja urbana tinħass wisq, imbgħad dlonk imur Huesca. Villaġġ żgħir li minnu ħareġ il-patrun tal-Birgu, San Lawrenz. “Meta mort dejjem sibt tistennini ħbiberija u sens ta’ familja, grazzi għall-konnesjoni Palmiża” 

 

 
‘Il-Ġappun għax qisek mort ġo dinja oħra’ - Claire Marie Busutill, Modelling mentor, attriċi u preżentatriċi. 

Preżentattriċi oħra ta’ VIBE FM iżda forsi iżjed famuża għal partijiet li interpretat f’drammi Maltin bħal Vigilante. Riċentament Claire Marie Busutill saret parti ukoll mid-dinja tal-Autonomous Sensory Meridian Respons (ASMR). Bażikament fuq il-midja soċjali hi tippubblika filmati titkellem b’vuċi baxxa waqt li tagħmel ħsejjes oħra li jafu jirrilassaw lilha u lil min qed jaraha, bħal tqarmeċ l-ikel.  

Mistoqsija l-istess ħaġa, hi wieġbet li kieku tippreferi tmur toqgħod il-Ġappun. Sintendi b’risposta bħal dik, bilfors tistaqsi għaliex. 

“Għax qisek mort ġo dinja oħra. Kollox hemm differenti, saħansittra t-toilets. Kważi kull ħaġa hi magħmula b’mod iżjed gustuż, sa tissue paper li għandu riħa tfuħ u impiġġi fuqu hemm numru ta’ karratri.” 

Tajjeb li ngħidu li Busutill hi wkoll Modelling mentor, u  sintendi li tfittex ispirazzjonijiet tal-moda hi parti mill-ħajja ta’ kuljum tagħha. Hi qalet lill-gazzetta ILLUM li raġuni oħra għaliex il-Ġappun hu ideali għaliha hu propju l-istil partikolari tagħhom, apparti li “l-ikel wisq tajjeb.” 

 

‘Forsi se ninstema' komuni imma kieku nagħzel li ngħix fl-Italja’ - Etienne Micallef, Awtur  

Nies bħal Etienne Micallef rari nsemmuhom imma mingħajrhom tista’ tinsa li jkollok mużika x’tisma. Micallef hu awtur li xogħlu smajna bih żgur, fosthom insibu ‘Warajk’ kantata minn Franklin fl-aħħar edizzjoni ta’ Mużika Mużika. 

Żgur li mhux waħdu li jaħsibha l-istess iżda Etienne Micallef għażel l-Italja bħala l-pajjiż li kieku jgħix fih. Il-Maltin iħobbuha l-Italja tant li kważi iqisuha bħala oħthom il-kbira, jammirawha, kemm fejn tidħol mużika, ikel, u anke football.  

Hu beda billi ddeskriva li x-xenarju li toffri l-Italja hu sabiħ wisq filwaqt li spjega li l-Italja hu pajjiż li fih issib minn kollox. 

“Barra minn hekk għandhom lingwa li taffaxxinani speċjalment meta tinstema' fil-kanzunetti tant sbieħ li joħorgu minn dan il-pajjiż. Hija lingwa li studjajt sew sa l-Università allura nista' ngħid li għandi ħakma tajba tagħha.” 

Apparti hekk dan l-awtur ħaseb ukoll f’żaqqu għax semma wkoll li l-ikel varjat u mediterranju li toffri din il-peniżola qrib tagħna huwa xi ħaġa li wkoll jogħġbu. 

"Ikolli nammetti li fil-fond inħossni xi ftit Taljan u li kieku mmur ngħix hemm żgur ma nħossnix ħuta barra mill-ilma. It-Taljani huma poplu storbjuż bħalna, iħobbu jiċċelebraw il-festi, jiġġennu fuq il-football u l-politka. Allura mmur ngħix hemm, forsi fil-belt sabiħa ta' Matera li fl-opinjoni tieghi hi waħda mill-isbaħ postijiet fid-dinja. Min jaf forsi xi darba nemigra!” 

 

‘Post li żort għal ftit jiem biss li għoġobni ħafna kien Vjenna’ - Antonella Axisa, attriċi 

Antonella Axisa ilha li serqet qlub il-Maltin, mill-karrattri reali li interpretat fuq drammi popolari bħal ‘Għada jisbaħ ukoll’ għal karrattri eċċentriċi fuq il-palk, lil Axisa bilfors issir tħobbha.  

Ta min ifakkar li din l-attriċi ħadet sehem ukoll f’produzzjonijiet barranin u taf titkellem numru ta’ lingwi bħat-Taljan, Franċiż u xi ftit Spanjol fost l-oħrajn. Fil-fatt il-gazzetta staqsietha l-istess mistoqsija u hi wieġbet li hi persuna li tħobb tiskopri kulturi ġodda, li għandha sens ta’ avventura u għaldaqstant diġà għexet f’bosta pajjiżi u bliet differenti. 

Iżda jekk ikollha tagħżel pajjiż jew belt waħda, din l-attriċi tagħżel Vjenna u r-raġuni hi pjuttost interessanti 

"Vjenna rajt li l-kwalità tal-ħajja hija għolja, għandhom bosta spazji miftuħa, siġar u parks, mużewijiet tal-arti sbieħ, jagħtu attenzjoni kbira għall-ambjent, prezzijiet mhux għaljin, nies li jidhru kuntenti u jgħinu lil xulxin, belt sigura, trasport pubbliku tajjeb u arkitettura inkredibbli.” 

 

Diġà jgħix l-Ingilterra iżda għaliex? - Steve Hili, Kummidjant 

Il-kelma ‘kummidjant’ fil-Malti jaf nagħtuha interpretazzjoni negattiva xi drabi, imma din probabli ġejja mill-fatt li mhux ħafna irnexxew f’din il-linja tax-xogħol la darba baqgħu f’din il-gżira ċkejkna u d-definizzjoni tagħha baqgħet dik li hi.   

Steve Hili pero’ vera kummidjant. Minn preżentatur fuq l-XFM għal preżentazzjonijiet u kitbiet tiegħu fuq BBC RADIO u Sky, Hili għamel kważi naqra minn kollox. 

Madankollu jekk ifettilek tnissel din il-kelma fid-dinja tad-divertiment f’Malta, żġur mhux forsi se jitfaċċa isem Steve Hili fil-lista u bir-raġun! Dan pero’ ma jfissirx li jitfaċċa ismu għax jgħix Malta, anzi totalment l-oppost. Ejja ngħidu li forsi f’Malta Hili ma saddadx. Fuq kollox hu jiddeskrivi lilu nnifsu bħala “l-ambjentalist sexy” u biex inkunu għidna kollox ir-reputazzjoni tal-ambjent f’Malta bħalissa mhux xi waħda brillanti. 

Allura l-mistoqsija għal Steve Hili kienet daqsxejn differenti, fi kliem iktar diplomatiku, l-gazzetta staqsitu għaliex dabbart lejn Londra? Hili tana tlett raġunijiet sempliċi li m’għandhom bżonn l-ebda kumment. 

“Nista nkompli bil-karriera tiegħi hawn, fir-Renju Unit. Għandi aċċess għall-ikel tajjeb ta’ kull kultura u pajjiż bi prezz irħis u fuq kollox nista nixtri il-Crème Eggs tal-Cadbury is-sena kollha” 

 

‘Nagħżel l-Ingilterra … minħabba r-wrestling' - Germain Zammit, Wrestler 

Steve Hili ma kienx l-unika persuna li għażel li jgħix l-Ingilterra. Fuq raġunijiet pjuttost simili iżda setturi totalment opposti nsibu lil Germain Zammit magħruf aħjar mal-fanatiċi tar-wrestling bħala Jack Quinn. 

Zammit għażel l-Ingilterra bħala l-pajjiż biex jgħix fih. Forsi iktar minħabba l-karriera minflok ix-xenarju, kultura u l-ikel, iżda wieħed irid jifhem li biex wieħed jippratika wrestling f’Malta irid iħallas prezz għoli. Wrestler f’Malta li jixtieq jagħmel xi tip ta’ gwadann minn dan l-isport bilfors ikollu jippakja l-bagalja u jitlaq il-barra minn xtutna. 

“Fl-Ingliterra hemm ħafna kumpaniji tar-wrestling li jagħmlu avvenimenti spiss u li jwasslu għal numru ta’ opportunitajiet. Kieku mmur f’belt fit-tramuntana tal-pajjiż għal raġuni sempliċi li diġà għamilt xi kuntatti u ħbieb f’dawk in-naħat’ 

Dan il-ġuvni ilu jipprattika l-isport tar-wrestling għal diversi snin u qiegħed fir-roster ewlieni ta’ Pro Wrestling Malta. Issa qiegħed ukoll jgħallem l-istudenti li jibdew ma’ din l-akkademja. Jack Quinn jew il-magician ta’ PWM għamel id-debut tiegħu xi snin ilu fl-ingilterra u tela’ hemmekk għal numru ta’ avvenimenti matul is-snin. 

 

‘Kieku kelli ngħix f'pajjiż ieħor nagħżel l-irlanda' - Yanica Camilleri, Tik Toker u attriċi 

Wiċċ ieħor sinonimu maż-żgħażagħ b’mod speċjali dawk li jagħmlu użu minn Tik Tok. L-attriċi u Tik toker Yanica Camilleri saret famuża fuq din il-pjattaforma għaż-żifniet ħelwin tagħha, it-tbissima li tħollok u l-abbiltajiet impekkabli tagħha fl-irtokk.  

Għal mistoqsija tal-gazzetta hi wieġbet l-Irlanda. Camilleri qalet li apparti li tħobb il-kultura, l-Irlandiżi fil-fehma tagħha huma nies dħulin ħafna li japprezzaw l-kultura tagħhom u li huma kburin b’pajjiżhom. 

Imma l-iktar li tammira hija l-kulur ħadrani tal-kampanja famuża madwar il-pajjiż u l-arja friska Irlandiża. 

 

Jagħżel il-Ġermanja għall-arja friska u l-paċi - Ephrom Tabone, Preżentatur tar-radju

Il-gazzetta ILLUM tkellmet ukoll mal-preżentatur tar-radju, Ephrom Tabone. Iż-żagħżugħ wieġeb li kieku jkollu jagħżel hu jmur il-Ġermanja. Qal li jagħżel hemm l-iktar minħabba n-natura u l-arja friska iżda wkoll għal-paċi.

"Kieku kelli ngħix barra minn Malta nagħżel il-Ġermanja. X'imkien qalb il-kampanja fin-naha ta' fuq ħalli nkun nista' ngawdi iżjed l-ambjent u fl-istess ħin ngħix iżjed għal paċi."

More in Divertiment