X’se tkun qed tagħmel dan is-sajf? L-ILLUM tistaqsi lil kantanti, atturi u preżentaturi

Is-sajf daqt magħna, imma n-nies kif se jqattgħuh? Ħa jmorru sa Għawdex? Se jiltaqgħu mal-ħbieb jew imorru safra? Il-gazzetta ILLUM titkellem ma’ bosta personalitajiet Maltin, dwar is-sajf 2021. 

Propju sitt ġimgħat oħra nagħtu bidu għal sajf b’differenza; ilbies ta’ maskri fejn il-baħar, rotta ġdida bil-baħar biex tmur sa Għawdex kif ukoll b’tama kbira, r-ritorn tad-diskoteki, bars, ristoranti u ħafna iktar. 

Din il-pandemija bħal donna ħalliet togħma qarsa, forsi għax ċaħditna minn ħafna, imma wara l-maltemp jiġi l-bnazzi. Il-gazzetta ILLUM staqsiet lil xi personaġġi kif se jqatgħu s-sajf.   

‘Nittama li dak kollu li ftit ilu kien jikkaratterizza s-sajf tiegħi jerġa’ jieħu l-ħajja lura’ - Kurt Pawley, Attur u Preżentatur 

Kurt Pawley hu attur u preżentatur li qed jikseb iktar popolarità  aktar ma jgħaddi ż-żmien. Iż-żagħżugħ hu mitħla sew tat-teatru, ċinema u attivitajiet soċjo-kulturali allura ma kinetx sorpriża li qal li ħass n-nuqqas tagħhom. Normalment dawn l-attivitajiet li semma jkunu fl-aqwa tagħhom matul ix-xhur tas-sajf.  

Pawley ammetta wkoll mal-gazzetta ILLUM li jixtieq jgawdi is-sajf b’aktar libertà filwaqt li jinvesti iktar ħin fuqu nnifsu. Stqarr ukoll li filwaqt li l-miżuri riċenti u t-temp li kellna resqu lin-nies iktar lejn il-baħar u n-natura, hu kien wieħed minn dawk li sab ruħu aktar magħluq id-dar. Fil-fatt hu qal li, “apparti l-impenji ta’ studji li għandi, il-baħar xorta mhux ħabib kbir tiegħi iżda l-mira ta' dan is-sajf hi li nipprova ngawdi iktar ħin ħdejh.” 

Fl-istess ħin l-ikbar xewqa ta’ Pawley hi li jerġa’ jibda jgawdi l-kultura vibranti ta’ pajjiżi oħra permezz tas-safar.    

‘Dan is-sajf, nixtieq nerġa’ nagħti ftit ħajja lill-karriera tal-kant tiegħi’ - Julie Pomorski, Kantanta 

Julie Pomorski - Kantanta
Julie Pomorski - Kantanta

Din il-gazzetta tkellmet ukoll mal-kantanta veterana, Julie Pomorski li uriet ix-xewqa li terġa’ “tagħti ħajja lil-karriera tal-kant", dan is-sajf. 

Pomorski qalet li żammet ruħha attiva, dan għaliex kitbet diversi kanzunetti oriġinali matul dan iż-żmien tant li b’kollaborazzjoni ma’ Blacklight Studios, għandha biex tgħaqqad album.  

Apparti dan kollu, il-kantanta bravissima qalet ukoll li ħerqana qegħda tistenna li jinfetħu l-bars u jerġgħu jibdew it-tiġijiet. Fuq dan hi qalet li, “nixtieq naħdem ftit fuq ir-repertorju tal-kant għal bars jew tiġijiet għal meta l-ħajja tiġi xi ftit jew wisq lura għan-normal.” 

Intant il-ħajja mhux biss xogħol u bħal ħafna hi tixtieq li tgawdi l-baħar mhux biss biex iċafċaf tnejn iżda wkoll għax il-baħar jservi bħala muża’ għaliha. Dħulija bħas-soltu, hi temmet tgħid; “l-aqwa li noqgħod ‘l boghod mix-xemx, mhux għax ma nħobbx is-sħana imma għax nibża li nitkemmex!” 

  ‘Insiefer ħa nieħu ftit arja’ - Carlos Debattista, kittieb, produttur u direttur ma’ Take 2 Entertainment 

Carlos Debattista - Kittieb, produttur u direttur ma' Take 2 Entertainment
Carlos Debattista - Kittieb, produttur u direttur ma' Take 2 Entertainment

Il-qawl, ix-xogħol salmura tal-ġisem, probabilment ġie ivvintant għall-kittieb, produttur u direttur, Carlos Debattista. 

Mhux wiċċ ġdid ma’ dawk li jsegwu d-drama Maltija iżda flimkien ma’ Abigail Mallia, hu l-moħħ wara Take 2 Entertainment.  

Debattista għandu ħafna għall-qalbu x-xogħol li jagħmel, tant li flimkien ma’ grupp ta’ kittieba diġà beda jaħdem fuq proġetti ġodda. Li jesplora ideat ġodda hi l-priorità ta’ Debattista għal dan is-sajf. Fil-fatt hu żvela mal-gazzetta ILLUM li Take 2 qegħda taħdem fuq sensiela ġdida wara s-suċċess ta’ ‘Merjen’, kif ukoll il-famuż ‘Min Imissu.’ 

Iżda il-ġisem irid il-mistrieħ ukoll u għal Debattista dak ifisser safar. Ammetta li wasal iż-żmien li jaqbad ajruplan u jmur igawdi dak kollu li toffri d-dinja. 

‘Niltaqa’ aktar ma’ sħabi’ - Janice Mangion, kantanta 

Janice Mangion - Kantanta
Janice Mangion - Kantanta

Janice Mangion, żagħżugħa umli li min dejjem poġġiet il-familja u l-ħbieb tagħha bħala prijorità. Għall-mistoqsija tal-gazzetta ILLUM, Mangion reġgħet għamlet dan billi qalet li pandemija jew le, hi xorta se tgawdi lil familtha iżda jekk ikun hemm possibiltà hi tixtieq tqatta’ iktar ħin mal-ħbieb ukoll. Spjegat li trid tgawdi kemm jista’ jkun is-sajf skont x’ikunu jippermettu l-miżuri. 

Fuq kollox, il-kantanta brillanti qalet ukoll li dan is-sajf hi se taħtaf l-opportunità li tiffoka aktar fuq il-karriera tagħha. 

‘Nies bħali jħossu nuqqas tas-soċjalizzazzjoni’ - Matthew Sant Sultana, Attur u preżentattur

Matthew Sant Sultana - Attur u preżentatur
Matthew Sant Sultana - Attur u preżentatur

Ma tistax issegwi l-programm televiżiv ‘Min Imissu’ u ma tafx min hu Matthew Sant Sultana. Il-Lajf hu biss wieħed mill-ftit karattri ta’ Min Imissu li jisirqulek qalbek  u  Sant Sultana mhux b’inqas. 

Dan l-attur dejjem bi tbissima fuq fommu, qal lill-gazzetta ILLUM li l-akbar xewqa tiegħu għas-sajf hi sempliċi; dik li jerġa jiltaqa’ man-nies. 

Hu stqarr li nies bħalu li jħobbu joħorġu u jgawdu l-kumpanija tan-nies, batew f’dawn iż-żminijiet. Kompla jgħid li l-ewwel ħaġa li ħa jagħmel meta Malta tersaq iktar għan-normalita’ hi li jmur jixrob xarba kif tmiss il-liġi ma sħabu.  

Matthew Sant Sultana qal ukoll li ma jeskludix li jmur xi ġimgħa Għawdex ġo xi farmhouse ma’ sħabu la darba jara li hu sigur li ssir. 

‘Dawra bil-mutur għall-inżul ix-xemx’ - Stephanie Aguis, Preżentatriċi u attriċi 

Stephanie Aguis - Attriċi u preżentatriċi
Stephanie Aguis - Attriċi u preżentatriċi

Mal-ewwel tinduna li daħlet Stephanie Aguis fil-kamra għax it-tbissima tagħha tiddi bħal-istess xemx li hi tant tħobb. Agius tħobbha ħafna lix-xemx kif ukoll il-baħar u n-natura. 

Mal-gazzetta ILLUM hi qalet li bil-maskra jew mingħajrha xorta se tgawdi l-baħar u dak kollu li hemm marbut miegħu bħal kayaking,  dawra bil-jet-skis u iktar. 

Qalet ukoll li qed tħoss in-nuqqas tar-ristoranti u la darba jiftħu mal-ewwel se tmur. Madankollu Aguis stqarret li jekk ristoranti jibqgħu magħluqa xorta se tordna mingħand il-favoriti tagħha u tmur tiekol fil-kampanja, b’hekk tkun laqtet żewġ għasafar b’ġebla waħda. 

Imma l-iktar ħaġa li din il-personalita' tant maħbuba qed tistenna hi d-dawra bil-mutur waqt inżul ix-xemx u xi ġirja fuq ix-xatt. Affarijiet sempliċi iżda għal Aguis huma kważi ritwal ta’ matul is-sajf 

Fl-aħħarnett Aguis qalet li qed tippjana xi vaganzi biex x’ħin tara li hu sigur biex issiefer, mal-ewwel taqbad ajruplan. 

‘Inħares 'il quddiem għal xogħol ta' teatru u reċtar’ - Clive Piscopo, Direttur u Attur 

Clive Piscopo - Direttur u attur
Clive Piscopo - Direttur u attur

Fl-aħħar din il-gazzetta tkelmet ma’ Clive Piscopo, attur eċċelenti ieħor li mhux ġdid għax-xena teatrali u d-drama. Piscopo qal li dik l-ikbar xewqa tiegħu għal dan is-sajf, li jirritorna lura fuq il-palk u għar-reċtar li tant għandhu passjoni għalih. 

It-teatru hu wieħed minn dawk is-setturi li għadu qed jistenna d-data ta’ meta se jirritorna u hemm ċans kbir li għalhekk ħafna qed iħossuhom anzjużi. 

Ammetta ukoll li ma tantx għandu pjanijiet oħra iżda li jaf żgur hu li jrid igawdi l-arja ta’ barra.  

L-attur qal ukoll li hu żżeweġ lura f’Diċembru li għadda, u probbabli dak inhar kien l-aħħar li ra l-maġġoranza ta’ familtu. Dik hi r-raġuni għaliex dan is-sajf jixtieq iqatta' ftit iktar ħin mal-familja u ħbieb. 

More in Divertiment