Erbgħa films ġodda fis-swali taċ-ċinema

Star Wars: The Rise of Skywalker, Cats, Stardog and Turbocoat u Black Christmas

Poster ta' Star Wars: The Rise of Skywalker
Poster ta' Star Wars: The Rise of Skywalker

STAR WARS: THE RISE OF SKYWALKER.

Atturi Ewlenin: Daisy Ridley; Adam Driver; John Boyega; Oscar Isaacs; Carrie Fisher; Mark Hamill; Lupita Nyong'o; Billy Dee Williams.

Direttur; J. J. Abrams.

Maħruġ minn KRS Releasing. Tul: 142 min. Ċert. 12A.

L-opera spazjali epika, is-saga ta' Luke Skywalker, waslet fl-aħħar episodju tagħha, id-disa' wieħed u l-aħħar wieħed mit-tielet triloġija bi Star Wars: The Rise Of Skywalker. Dan l-aħħar xogħol, dirett ukoll minn J. J. Abrams jeħodna fuq vjaġġ epiku fl-irkejjen imbegħdin ta' galassija straordinarja. Il-battalja kolossaali tinsab fil-qrib sewwa,dawk li baqgħu ħajjin tar-Reżistenza fl-aħħar ta' Star Wars: The Last Jedi (2017) għal darb'oħra se jiffaċċjaw il-qawwa tal-First Order. Sena wara l-avvenimenti li seħħew f'The Last Jedi, minkejja li r-Reżistenza tilfet numru kbir ta' ġellieda, grupp żgħir ta' eroj kompost minn Finn (Boyega), Poe Dameron (Isaacs), Rey (Ridley) il-Ġeneral Leila Organa (Fisher) u Rose Tico (Kelly Marie Trann), jingħaqdu flimkien ma' alleanzi ġodda biex ikomplu jiġġieldu sal-aħħar nifs ta' ħajjithom. Fil-vjaġġi fid-diversi pjaneti mimlijin siġar u ħaxix, jew ramel, jew muntanji miksija bis-silġ, mingħajr ma' jaqtgħu qalbhom jissiltu bil-kbir, ikunu maqbudin, jaqgħu u jinżlu fil-ħama fejn isibu ruħhom f'sotterran attakkati minn mostru. Il-qofol prinċipali huma d-dwelli bix-xwabel laser bejn Rey, orfni mill-pjaneta Jakku li ngħaqdet mar-Reżistenza Kylo Ren (Driver), il-mexxej assolut tal-First Order li l-Forza Oskura kienet ħakmitu sew qabel. Star Wars: The Rise Of Skywalker hu mimli numru ta' set-pieces ta' spettaklu inkredibbli, splużjonijiet, tifrik ta' vetturi spazjali, ġiri, akrobaziji u xenarju fantastiku. Il-parti tal-mejta Carrie Fisher tikkonsisti minn xeni li ma dehrux fi Star Wars: The Force Awakens (2015). The Rise Of Skywalker jagħlaq saga tassew popolari li ħadet il-fama ta' kult b'manjiera meraviljuża.

 

Żewġ films animati.

 

CATS.

Vuċijiet Ewlenin: James Cordon; Judi Dench; Idris Elba; Jennifer Hudson.

Direttur: Tom Hooper,

Maħruġ minn KRS Releasing. Tul: 110 min. Ċert. P.G.

Il-film animat Cats huwa kummiedja mużikali fantastika b'sekwenzi drammatiċi bbażata minn fuq ix-xogħol mużikali ta' fuq il-palk tal-istess isem ta' Andrew Lloyd Webber. L-oriġini ta' dan kollu hija kollezzjoni ta' poeżiji tal-1939 ta' T. S. Eliot Old Possum's Book Of Practical Cats. Ċorma qtates kull sena jiddeċiedu liema wieħed minnhom għandu jitla' lejn il-livell tal-ġenna u jerġa' lura b'ħajja ġdida u mibdula.

STARDOG AND TURBOCAT.

Vuċijiet Ewlenin: Luke Evans; Judi Dench; Gemma Arterton; Bill Nighy.

Direttur: Ben Smith.

Maħruġ minn KRS Releasing. Tul: 90 min. Ċert. U

Stardog And Turbocat hu mmirat strettament għaż-żgħar. Buddy (vuċi ta' Frost), kelb li ntbagħat fl-ispazju fl-1969 biex jippruvaw rocket jikkraxxja fid-dinja ħames sena fil-futur f'belt żgħira Amerikana. Hemmhekk, pulizija li jobgħod lil dawn l-annimali qed jaqbadhom. L-annimali l-oħra kollha jittantawh u jwaqqgħuh għaż-żuffjett. Fl-aħħar jasal Turbocat (Evans), qattus mibdul f'supereroj li jsalvah u jieħdu f'post fejn jista' jgħix fil-kwiet.

BLACK CHRISTMAS.

Atturi Ewlenin: Imogen Poots; Aleyse Shannon; Lily Donoghue; Brittany O'Grady; Caleb Eberhardt; Cary Elwes.

Direttrici: Sophia Takal.

Maħruġ minn KRS Releasing. Tul: 92 min. Ċert. 15

Il-kumpanija ta' Jason Blum, Blumhouse, li tispeċjalizza f'films tal-biża' u t-twerwir ta' bagits żgħar, għal dan iż-żmien tal-Milied reġgħet ħadmet Black Christmas li originarjament ħareġ fl-1974. Infatti, dan ix-xogħol ġdid, inferjuri bil-bosta għal dak ta' qablu, hi wkoll produzzjoni tal-biża', però aktar iffokat fuq qtil brutali. Black Christmas hu ambjentat kważi kollu kemm hu ġo kulleġġ, Hawthorne College, li l-attività skolastika fih naqset għalkollox. Xi ħadd misterjuż liebes il-maskra qed iħuf fuq in-naħa tat-tfajliet u jnaqqihom waħda waħda. Iżda dawn mhumiex daqshekk lesti li jkunu vittmi u jiddeċiedu li jopponulu b'kull mezz possibbli. Riley Stone (Poots) u sħabha tal-grupp Mu Kappa Epsilom (MKE), l-atleta Marty (Donoghue), Kris (Shannon), ribelluża u Jesse (O'Grady), li tħobb ħafna l-ikel qed iżejnu s-swali tagħhom għall-Milied ħalli jixxalaw fir-riċevimenti li se jsiru. Xi ħadd liebes l-iswed, bil-maskra, jibda joqtol lil dawn t-tfajliet li iżda jingħaqdu flimkien biex juru xi jsarrfu. Black Christmas din id-darba hu dirett minn mara b'mod tassew divers minn dak ta' 45 sena ilu, b'aktar azzjoni, vjolenza u dmija imma b'manjiera ineffiċjenti.

 

 

More in Divertiment