Żewġ films ġodda fis-swali taċ-ċinema

The Art of Racing in the Rain u The Current War minn din il-ġimgħa fiċ-ċinema

The Art of Racing in the Rain.

Atturi Ewlenin: Milo Ventimiglia; Amanda Seyfried; Gary Cole; Kathy Baker; Martin Donovan; Lily Dodsworth- Evans; Kevin Costner (vuċi).

Direttur: Simon Curtis.

Maħruġ minn KRS Releasing. Tul: 109 min. Ċert. P.G.

In-novella The Art Of Racing In The Rain ta' Garth Stein għamlet tliet snin fil-lista tal-aktar kotba li nbiegħu u ġiet maqluba fi 38 lingwa. Fuq quddiem tal-istorja nsibu lil Denny Swift (Ventimighlia), sewwieq tal-karozzi tal-ġiri Formula 1 li tgħallem ħafna dwar in-natura tal-bniedem u għaraf li t-teknika li juża fl-arena tal-ġiri ta' dawn il-vetturi jista' jużaha b'suċċess fil-ħajja. L-andament tal-film juri li Denny għandu 3 affarijiet marbutin sewwa ma' qalbu: martu Eve (Seyfried), it-tifla Zoe (Dodswoth-Evans) u Enzo (vuċi ta' Costner), il-kelb prattiku tiegħu li hu n-narratur ta' din il-ħrafa ħelwa. Parti sostanzjali ta' din il-produzzjoni hija dwar l-għaqda dejjiema bejn il-kelb u sidu. Enzo jirrakkonta ħajtu u l-esperjenzi tiegħu mal-familja ta' Denny b'mod filosofiku, xi kultant bi preċiżjoni u oħrajn b'osservazzjonijiet żbaljati, però hekk ġeneralment tiżvolġi l-ħajja. Il-ħerqa tiegħu li jitgħallem minn dak kollu li b'sabar josserva, l-ewwel nett biex ikun kelb ubbidjenti u fidil u biex, kif kien ra f'dokumentarju li wara li jmut jerġa' lura bħala uman. Mill-punto di vista tiegħu, ikun preżenti għaż-żwieġ ta' Denny, għat-twelid ta' Zoe, jara lil sidu mmanettjat u anki jsofri ġrajja ta' niket. Ix-xeni tal-familja bil-kelb leali dejjem attent u josserva, ġieli ħosbien, jalternaw ma' oħrajn ta' ġiri tal-karozzi Formula One. Barra li l-kelb jitgħallem ħafna, jitkellem b'vuċi soda ta' wieħed spiritwali, dejjem juri mħabba bla qies lejn sidu u l-familja tiegħu u anki jgħin kif jaf f'mumenti ta' niket u tensjoni bl-inbieħ kontinwu tiegħu. The Art of Racing in the Rain, joqgħod fil-kategorija ta' dawk imsejħa feel-good movies, addattat għall-familja, b'atmosfera li tixbah sewwa ħafna mill-films addattati mill-kotba ta' Nicholas Sparks. Il-vuċi ta' Kevin Costner verament tagħti bilanċ lil dan ix-xogħol!

The Current War.

Atturi Ewlenin: Benedict Cumberbatch; Michael Shannon; Katherine Waterston; Nicholas Hoult; Tom Holland; Tuppence Middleton; Matthew MacFayden.

Direttur: Alfonso Gomez Rejon.

Maħruġ minn KRS Releasing. Tul: 105 min. Ċert. 12A.

Ispirat minn fatti li ġraw tabilħaqq aktar minn 100 sena ilu, The Current War, huwa dramm storiku fuq il-pika ta' żewġ personaġġi li vvintaw xi ħaġa utli għal pajjiżhom u għall-bqija tad-dinja kollha tal-ġejjieni. Żewġ irġiel Amerikani, imbegħdin minn xulxin b'aktar minn 300 mil se jiġġieldu għas-supremazija: min minnhom se jkun kapaċi jixgħel lin-nazzjon Amerikan b'dawl elettriku fiss? Fil-prologu, ferrovija mimlija benestanti mustaċċuni ta' New York imorru fid-dalma tal-lejl fil-kampanja ta' New Jersey. L-uniku dawl baxx li jidher hu dak tas-sigarru ta' Thomas Alva Edison (Cumberbatch), imlaqqam is-Saħħar ta' Menlo Park. F'salt wieħed jingħafas swiċċ u l-pajsaġġ kollu jiddawwal b'mijiet ta' bozoz. Forsi l-akbar kreazzjoni s'issa ta' Edison. Mijiet ta' mili ’l bogħod lejn il-Punent, l-industrijalist rivali George Westinghouse (Shannon) jisma' b'din l-aħbar u jistieden lil Edison għandu għall-ikel. Westinghouse jara ħafna difetti fis-sistema diretta (DC) ta' Edison u mgħejjun minn Nikola Tesla (Hoult) jilgħab ġidu kollu fuq sistema ta' kurrent elettriku li jalterna (AC). Sadanittant, Edison iżur il-White House b'invenzjoni oħra tiegħu - il-Fonografu. Meta l-President Amerikan, Chester A. Arthur iħajru jiddisinja armi għall-militar, hu jirrufta. Battalja qalila bejn it-tnejn se tibda min minnhom hu kapaċi jixgħel belt sħiħa Fuq il-gazzetti wieħed jibda jmaqdar lill-ieħor. Il-Gwerra tal-Kurrenti se tkun deċiża fil-Fiera Dinjija ta' Chicago, fejn se jiġi ddikjarat ir-rebbieħ u l-kurrent tiegħu se jintuża biex kriminal jingħata s-siġġu elettriku. Il-fama ta' Westinghouse, wara bdiet tisparixxi billi hu stess qered ħafna dokumenti, imma Edison baqa' jistinka u jirsisti meta daħal b'ruħu u ġismu fl-industrija tal-films li kien għadha kemm nibtet. The Current War hu xogħol interessanti għal sezzjoni ta' nies, xi ftit repetut, b'fotografija eċċellenti.

More in Divertiment