Jirritorna Annabelle fis-swali taċ-ċinema ... iżda mhux biss

Tliet films ġodda fis-swali taċ-ċinema

ANNA

Atturi Ewlenin: Sasha Luss; Luke Evans; Helen Mirren; Cillian Murphy.

Direttur: Luc Besson.

Maħruġ minn KRS Releasing. 

Tul: 118 min. 

Ċert. 15

Mingħand id-direttur Franċiż Luc Besson, li jħobb jimita l-films ta' azzjoni qawwija ta' Hollywood, jasal Anna, maħdum bl-Ingliż. Wieħed jista' wkoll jikkumpara dan ix-xogħol ma' oħrajn tiegħu bħal Nikita u Lucy (2014), nisa professjonalment esperti fl-arti tal-kumbattiment, qtil u spjunaġġ. Anna Poliatova (Luss) hija mara vittma ta' abbuż domestiku li tixtieq tħalli din il-ħajja warajha. Hi taċċetta l-offerta ta' Alex Tcherkov (Evans), uffiċjal Russu tal-KGB, biex tittrenja bħala assassina għal ħames snin u wara tgħaddi ħajjitha kif tixtieq. Anna tmur Pariġi bħala aġenta sigrieta u taħdem ta' mudella. Anki s-CIA jsiru jafu biha u jrawmuha biex toqtol il-kap tal-KGB, Vassiliev (Eric Godon), li m'għandux ħsieb li xi darba jħalliha titlaq, u wara tista' tmur tirtira fil-Hawaii. Olga (Mirren), is-severa Sovjetika li tagħtiha l-missjonijiet tinduna li din il-mara qed tinbidel. B'hekk il-ħajja ta' din is-sbejħa bjonda se tieħu vija oħra. L-andament ta' dan ix-xogħol hu verament konfuż, sikwit jaqleb fi flashbacks li jispjegaw xi jkun ġara qabel u jkompli b'azzjoni sfrenata u splussiva mingħajr waqfien lejn l-aħħar parti. Din il-produzzjoni turi li l-kilba għall-poter teżisti kullimkien, anki fl-Unjoni Sovjetika fl-aħħar żminijiet ħorox ta' qabel il-bidla tar-Reġim Kommunista. L-azzjoni spissa u mħarrka bil-kbir li fih, jidher Anna jrid jikkompeti mas-superjuri John Wick, Chapter 3: Parabellum!

THE QUEEN'S CORGI

Vuċijiet Ewlenin: Jack Whitehall; Sheridan Smith; Julie Walters; Ray Winstone; Sarah Hadland.

Diretturi: Ben Stassen u Vincent Kejteloot.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 85 min. 

Ċert. U

The Queen's Corgi hu film animat addattat ħafna għall-familji u għal dawk ta' età pjuttost żgħira. Naħseb li fil-ġeneru ta' films animati din il-produzzjoni tesibixxi xi ħaġa unika - fih jidhru xi karikaturi ta' persuni li jgħixu fostna fil-preżent, bħar-Reġina Eliżabetta II tal-Gran Brittanja u l-President Amerikan Donald Trump. Iżda l-protagonisti huma l-klieb, l-aktar dawk l-erbgħa tar-razza Welsh Corgi favoriti tar-Regina. Rex (vuċi ta' Whitehall) l-aktar wieħed li tħobb ir-regina sar arroganti mat-tlieta l-oħra sħabu. Meta waqt ikla mal-President Amerikan f'Buckingham Palace jqajjem inċident diplomatiku, malajr jitlef il-privileġġi li jkollu. Wieħed minn sħabu, jittradih u jsib ruħu jiġġerra fit-toroq ta' Londra. Ma' klieb oħra mhux imdorrija fil-lussu bħalu jiskopri li jista' jifdi mill-ġdid lilu nniffsu permezz tal-imħabba, meta jkun ffaccjat bil-periklu. Jista' jkun li xi adulti jsibu xi referenzi sesswali, bir-reazzjoni tal-kelba ta' Melanie Trump ma' Rex, però żgur li t-tfal din ma jirrealizzawhiex. Kummiedja ħelwa u mexxejja li dawk ta' età żgħira żgur japprezzawha iżjed! 

ANNABELLE COMES HOME

Atturi Ewlenin: McKenna Grace; Madison Iseman; Katie Sarife; Patrick Wilson; Vera Farmiga; Steve Coulter.

Direttur: Gary Dauberman.

Maħruġ minn KRS Releasing. 

Tul: 100 min. 

Ċert. 15

Annabelle, dik il-pupa liebsa lbies abjad sabiħ taż-żmien is-snin erbgħinijet, però mxajtna, qed terġa' tagħmel id-dehra tagħha fil-films għat-tielet darba f'Annabelle Comes Home. Oriġinarjament, din il-pupa kienet tifforma parti ntegrali fis-serje The Conjuring. Ed u Lorraine Warren (Wilson u Farmiga), iż-żewġ esperti fl-istudju tas-sopranaturali, issa huma determinati li jwaqqfu lil Annabelle milli tikkrea aktar terrur u biża' billi jieħdu lil din il-pupa ppussessata mix-xitan ġo darhom u jsakkruha f'kaxxa tal-ħġieġ imbierka minn qassis/eżorċista, mal-affarijiet l-oħra li għandhom fil-kantina tad-dar tagħhom. Sena wara, meta Ed u Lorraine jkollhom joħorġu mid-dar għal-lejl wieħed, iħallu żewġ tfajliet, Mary Ellen (Iseman) u Daniela Rios (Sarife), waħda ħabiba u l-oħra babysitter mat-tifla tagħhom, Judy (Grace) ta' għaxar snin. Meta bil-lejl Judy tkun rieqda, il-kurżità tagħhom twassalhom sal-kantina fejn hemm imsakkra Annabelle. Żball wieħed mhux intenzjonat jiftaħ is-separju għal sensiela ta' avvenimenti ta' twerwir iħirsa u ħsejjes li jtarxu. B'Annabelle issa ħielsa, l-ispirti malinni jattakkaw lit-tliet ibniet. Annabelle Comes Home, ikompli fejn ħalla x-xogħol ta' qablu kważi bl-istess ritmu. Parti sostanzjali ta' din il-produzzjoni sseħħ fid-dlam tal-lejl, b'ġiri u għajjat mad-dar kollha, bi qtajja' waħda wara l-oħra u ħafna movimenti mħarrka bi kważi xejn djalogu. Il-protagonisti huma t-tlett ibniet li jgħaddu minn burraxka palpabbli. Id-dimonoloġisti Ed u Lorraine Warren li kellhom ukoll parti integrali fis-sensiela The Conjuring huma persuni reali. Lorraine mietet din is-sena fl-età ta' 92 sena u dan il-film hu ddedikat lilha.

More in Divertiment