Il-Ġurnata Nazzjonali taċ-Ċinema

Din is-sena din se ssir nhar is-Sibt 13 ta' Lulju

Id-distributuri lokali tal-films, KRS Releasing Ltd għandhom il-pjaċir iħabbru l-24 edizzjoni annwali tal-Ġurnata Nazzjonali taċ-Ċinema li se ssir nhar is-Sibt 13 ta' Lulju 2019.

Mhux inqas minn 17-il film riċenti li jkopru ġeneri diversi minn azzjoni avventuruża, xjenza fittizja, kummiedja, animazzjoni u anki thriller tal-biża' se jkunu għall-wiri fis-swali ta' Malta u Għawdex mid-9.00am sa tard bil-lejl. Fis-Citadel Cinema ta' Għawdex, il-wiri jibda fl-4.00pm. Id-dħul għal dawn il-films fil-ġurnata msemmija se jkun bi prezz imraħħas.

Xi wħud mill-films li se jintwerew huma dawn:-

The Queen's Corgi - film ħelu animat dwar il-kelb favorit tar-Regina li jintilef, iħuf fit-triqat ta' Londra u jipprova jerġa' lura lejn ħajja lussuża fil-palazz.

Toy Story 4 - produzzjoni animata mill-isbaħ dwar karattru ġdid, jismu Forky, li jingħaqad mal-ġugarelli l-oħra fuq vjaġġ.

The Secret Life Of Pets 2 - l-avventuri jkomplu għal Max u ħbiebu meta l-umani jwarrbu minn ħdejn l-annimali.

Rocketman - il-ħajja tal-kantant, kittieb tal-kanzunetti u mużiċist, il-famuż Elton John, fl-aqwa snin tal-karriera tiegħu.

Men In Black International - dawk l-aġenti sigrieta li jipproteġu lid-dinja minn aljeni perikolużi, issa se jkollhom iħabbtu wiċċhom ma' minaċċja li nibtet fost l-organizzazzjoni tagħhom stess.

X-Men: Dark Phoenix - Jean Grey, waħda mill-grupp tas-supereroj X-Men tiżviluppa poteri tant qawwija li jkunu ta' theddida għal sħabha stess.

Anna-Bjonda u sabiħa, Anna Poliakova, hi wkoll assassina tal-prima klassi.

Spider-Man: Far From Home -  Wara l-avvenimenti li ġraw f'The Avengers: Endgame, Spider-Man se jkollu jilqa' sfidi ġodda li qed jimminaccjaw lill-umanità.

Godzilla King Of The Monsters - Mostri ġganteski ta' qawwa kbira se jeqirdu lid-dinja. Godzilla, il-ħabib tal-umanità, se jkollu jeħodha kontrihom.

Annabelle Comes Home - Imsakkra fid-dar f'kaxxa tal-ħġieġ, ta' żewġ esperti tas-sopranatural, imbierka minn  qassis, il-pupa mxajtna Annabelle ssib ruħha libera mill-ġdid biex tibda renju ta' terrur fuq tifla ta' 10 snin il-ħabiba tagħha u l-babysitter, fl-eqqel ta' lejl.

Yesterday - Mużiċista li qed jistenna biex jakkwista l-fama jiskopri li jgħix f'dinja li ħadd ma jaf minn huma The Beatles ħliefu.

Late Night- Waħda li tpaxxi lill-udjenzi f'wirja ta' billejl, jkollha taċċetta kontra qalbha mara oħra biex tiktbilha ċ-ċajt fl-attentat li ssalva lill-programm tagħha.

The Hustle - Żewġ imbruljuni nisa ta' klassi soċjali differenti jingħaqdu biex jisolħu lill-irġiel li jittrattaw ħażin lis-sess femminil fir-Riviera Franċiża.

Aladdin - Waħda mill-isbaħ stejjer tal-Iljieli Għarbin ġo produzzjoni mimlija vivaċità, kulur, fantasija stupenda, azzjoni u tassew divertenti.

Aħsbu kmieni għall-biljetti biex ma tiddiżappuntawx ruħkom.

More in Divertiment