Tliet films ġodda fis-swali taċ-ċinema

Minn din il-ġimgħa fiċ-ċinema: Godzilla: King of the Monsters, MA u The Hustle

Godzilla: King of the Monsters

Atturi Ewlenin: Vera Farmiga; Millie Bobby Brown; Charles Dance; Sally Hawkins; Ken Watanabe; Ziji Zhang.

Direttur: Michael Dougherty.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 132 min.

Ċert. 12A

Godzilla, il-gremxula ġganteska ilha ssaltan fiċ-ċinema għal 65 sena sħaħ. L-ewwel darba li dehret kien fil-film Gojira (1954) (bl-Ingliż, Godzilla: King Of The Monsters), tal-kumpanija Ġappuniża Toho Co. Dan il-film dirett minn Ishiro Honda kien allegorija tal-ħsara u ħerba li batew il-Ġappuniżi fil-gwerra minn żewġ bombi atomiċi mitfugħa fuq il-bliet kbar ta' Hiroshima u Nagasaki. Honda kompla jirfina x-xogħol tiegħu bi proġetti oħra dwar mostri bħal The Mysterians (1957), Rodan (1956), Gigantis, The Fire Monster (1959) u oħrajn dwar Godzilla. Minn mostru li qered nofs Tokjo fl-ewwel produzzjoni, wara Godzilla sar il-protettur tal-umani, jiġġieled kontra mostri oħra qawwija. L-Amerikani ħadu pussess ta' din is-serje, bi ftehim ma' Toho Co., b'films epiċi bħal Godzilla (1998) u twelid ġdid b'Godzilla (2014). Godzilla: King Of The Monsters (2019) hu s-sequel ta' dak ta' 5 snin qabel. Monarch, l-aġenzija cripto-zoologistika għandha l-kompitu li tiċċekkja l-ħsara li qed jagħmlu serje ta' mostri ta' dimensjoni ġganteska. Dawn, biex jiġġieldu għas-supremazija qed iħallu ħerba apokaliptika madwar id-dinja. L-unika tama għall-eżistenza għall-bnedmin hi li jqajmu lill-kolossali Godzilla mill-fond tal-ibħra biex jerġa' jikkumbatti favur l-umanità. Dan il-mostru se jeħodha f'battalji tittaniċi ma' Mothra, dudu tal-ħarir għatxan għall-ikel, ma' Rodan, għasfur preistoriku li ħareġ meta żbroffa vulkan fuq gżira tal-Messiku u mal-aqwa għadu tiegħu, King Ghidorah, mostru bi tliet irjus li jarmu n-nar. Godzilla: King Of The Monsters nistgħu nikklassifikawh mal-films tad-diżastri, b'azzjoni sfiqa ta' mpatt qawwi u mużika klassika malinkolika ta' Debussy li tikkumplimenta perfettament il-ħsara tal-biża' li sseħħ. Din hi l-35 produzzjoni ċinematografika ta' din il-ħlejqa Ġappuniża!

MA

Atturi Ewlenin: Octavia Spencer; Diana Silver; Juliette Lewis; Luke Evans; McKaley Miller.

Direttur: Tate Taylor.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 100 min.

Ċert. 15.

Il-produttur Jason Blum tassew spikka f'dawn l-aħħar 10 snin, permezz tal-kumpanija tiegħu Blumhouse Productions, li tispeċjalizza f'films tal-biża' u twerwir jew drammi oskuri psikoloġiċi li nħaddmu b'baġits żgħar, tqassmu minn kumpaniji maġġuri ta' Hollywood u għamlu profitt sostanzjali. L-aħħar proġett li hu mdaħħal fih bħala produttur ma' oħrajn hu t-thriller eċitanti. L-apparenza ta' dan ix-xogħol żgur li hi aktar minn produzzjoni ta' baġit limitat. Il-premessa, fejn l-adoloxxenti għandhom parti sostanzjali, hi waħda oriġinali għalkemm l-idea tista' tirreferi wkoll għall-kunċett oriġinali tas-sensiela A Nightmare On Elm Street. Diana (Lewis) u bintha Maggie (Silver) ġew joqogħdu f'belt kwieta f'Ohio u t-tifla malajr tagħmel ħbieb ma' grupp żgħir ta' ħbieb oħra li qegħdin fl-istess klassi tagħha. Dawn iż-żgħażagħ ta' karattru pjutost tajjeb ikunu jridu jieħdu pjaċir b'xi riċeviment fejn jieklu u jixorbu l-alkoħol. Billi għadhom taħt l-età, Maggie tmur quddiem supermarket tistaqsi li xi adult jixtrilha x-xorb. Tkun Sue Ann Ellington (Spencer) li taqdiha u anki tħallihom jixxalaw fil-kantina tad-dar tagħha. Però, timponi fuqhom xi regoli - xi ħadd minnhom irid jibqa' f'sensieh. m'hemmx diskors ħażin u vulgari u ħadd ma' jista' jitla' fuq. Barra minn hekk iridu jsejħulha Ma! Sue Ann, mara waħedha tixtieq li jkollha kumpanija u wens minn dawn iż-żgħażagħ. Il-basement tagħha minn post ta' divertiment u ferħ se jsir l-agħar lok fil-belt hekk kif aktar ma din il-mara tibda turi ospitalità aktar tossessjona ruħha b'mod malinn. Ma, bħas-sensiela li diġà aċċennejt għaliha aktar il-fuq jaqbad it-tema ta' xi xogħlijiet tal-passat fejn it-tfal se jkunu responsabbli għad-dnubiet jew nuqqasijiet serji tal-ġenituri tagħhom. Din hi produzzjoni ta' livell aktar għoli minn films tal-istess ġeneru, mgħejjuna tajjeb mill-intensità ta' parti tal-brava Octavia Spencer li hi wkoll waħda mill-produtturi eżekuttivi u li tiddomina b'dan l-irwol tassew divers u l-oppost minn dawk li ħadmet qabel.

The Hustle

Atturi Ewlenin: Anne Hathaway; Rebel Wilson; Alex Sharp; Ingrid Oliver; Emma Davies.

Direttur: Chris Addison.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 94 min

 The Hustle hija kummiedja sfrenata ddominata minn żewġ nisa ta' klassi soċjali verament differenti. F'inqas minn 5 minuti mill-bidu tiegħu, malajr indunajt li din il-produzzjoni hi replika ta' Dirty Rotten Scoundrels tal-1988. Fix-xogħol ta' 31 sena ilu nsibu żewġt irġiel, Michael Caine, raġel sofistikat Ingliż u r-rival tiegħu, l-Amerikan Steve Martin, inqas raffinat li fir-Riviera Franċiża jippruvaw jisolħu nisa sinjuri, wieħed biex ikompli jgħix ħajja ta' lussu u l-ieħor biex jakkwista xi ħaġa tal-flus u ikliet b'xejn. Bix-xenarju mibdul issa huma żewġ nisa ta' natural u kultura diversa li wkoll xogħolhom hu li jaraw kif jakkwistaw ġid b'makakkerija żejda u b'mezzi oħra ta' attrazzjoni jew aljenazzjoni. Però, il-final ta' dan il-film hu mibdul sewwa minn dak li diġà semmejt. Josephine Chesterfield (Hathaway) hija mara glamoruża Brittanika li għandha dar lussuża f'Beaumont-sur-Mere u kapaċi fl-arti ta' kif tisloħ irġiel sinjuruni jkun fejn ikun. Penny Rust (Wilson), Awstraljana mbaċċa tieħu kollox mingħajr serjetà u tattika waqt li tipprova takkwista xi ħaġa fi ħwienet tax-xorb komuni. Josephine, ta' natura kkalkulata tressaq lil dawk li jieħdu grazzja magħha f'xi kożinò tal-prima klassi u b'mezzi ta' persważjoni takkwista xi ġojjelli. Dawn it-tnejn, kapaċissimi fix-xogħol tagħhom, waħda b'intelliġenza u l-oħra b'mezzi aktar ta' fiżika żejda, fir-Riviera Franċiża jitfgħu li miri tagħhom fuq irġiel li ttrattaw ħażin lin-nisa. Flimkien, jagħmlu minn kollox biex iqarrqu b'Thomas Westerburg (Sharp), miljunarju tekniku ta' xeħta ta' wieħed babbu. Forsi l-iżjed ħaġa interessanti ta' The Hustle hija l-mezzi opposti li dawn in-nisa jużaw biex iwettqu l-passatemp tagħhom. Wara, sirt naf li l-kittieba Stanley Shapiro, Paul Denning u Dale Launer huma l-istess ta' Dirty Rotten Scoundrels , kif ukoll l-ewwel tnejn ikkollaboraw fil-kitba ta' Bedtime Story (1964) li wkoll ispira dan il-film. Il-kreddti tal-bidu għandhom l-atmosfera u l-istil ta' ħafna mill-kummiedji tas-snin sittin, fosthom dawk ta' Doris Day u Rock Hudson u anki jimitaw, f'xi mumenti, lill-films ta' The Pink Panther!

More in Divertiment