Tliet films ġodda għal din il-ġimgħa
Greta, Red Joan u Little ... minn din il-ġimgħa fiċ-ċinema
Greta
Atturi Ewlenin: Isabelle Huppert; Chloe Grace Moretz; Maika Monroe; Colm Feore; Stephen Rea.
Direttur: Neil Jordan.
Maħruġ minn KRS Releasing.
Tul: 98 min.
Ċert. 15
Neil Jordan, direttur Irlandiż, imbarka fuq it-thriller psikoloġiku Greta, ġeneru ta' film mhux soltu abbinat miegħu. Minkejja li fih storja li rajna bħalha bosta drabi, din il-produzzjoni tibqa' żżomm l-interess sa l-aħħar, grazzi għall-partijiet tajbin taż-żewġ protagonisti femminili. Il-final ta' dan ix-xogħol li wieħed żgur ma jobsrux kif se jiżviluppa jidher li ġie impressjonat mill-film Indjan tal-2013, Murder 3. Il-brava attriċi Franċiża Isabelle Huppert tassew tqaxxar il-parti tagħha ta' mara iżolata, eks infermiera, għalliema tal-pjanu (eku tal-film tagħha The Piano Teacher) b'moħħ mimli fissazzjonijiet perikolużi, li tixtieq xi ħabiba. Frances McCullen (Moretz), tfajla żagħżugħa li għadha kemm tilfet lil ommha minħabba marda serja, tgħix ħajja kwieta fi New York City f'appartament ma' Erica Penn (Monroe), waqt li sservi f'ħanut tal-ikel. Meta tkun tivvjaġġa taħt l-art, f'wieħed mill-vaguni ssib basket mitluq u meta tiftħu tinnota li hu ta' Greta Hideg (Huppert), mara Franċiża li tagħti l-lezzjonijiet tal-pjanu. Meta tmur bih għandha, Greta verament tilqagħha tajjeb tant li tibda toħroġ magħha biex iżżommilha kumpanija. Meta darba tkun fid-dar tagħha bi Greta f'kamra oħra, Frances tinduna b'affarijiet li jnisslu ġo fiha dubbji dwar l-integrità ta' din il-mara. Meta tipprova taqta' din ir-relazzjoni magħha, Greta tibda turi l-lat oskur tagħha u tagħmel minn kollox biex din il-firda ma sseħħx. Għalkemm forsi Greta mhux xi thriller innovattiv jew oriġinali, b'andament pjuttost komuni, id-direttur irnexxielu jiżviluppa fih sens ta' urġenza, b'mumenti ta' umoriżmu u wisq iżjed ta' tensjoni. Isabelle Huppert, bi sforz mill-inqas hi addattata ħafna bħala l-mara nerotika u Chloe Grace Moretz, bla ħażen tal-moħħ timpressjona meta tkun tidher vulnerabbli u taħt xi biża' palpabbli.
Red Joan
Atturi Ewlenin: Sophie Cookson; Judi Denċh; Stephen Campbell Moore; Tom Hughes; Tereza Srbova.
Direttur: Trevor Nunn.
Maħruġ minn KRS Releasing.
Tul: 110 min.
Ċert. 12A
Ispirat mill-ktieb Red Joan ta' Jennie Rooney, il-film tal-istess isem jirrakkonta storja vera, forsi daqsxejn inkredibbli kif żviluppat fir-realtà. Melita Norwood kienet spija Russa għall-KGB u damet mal-50 sena biex dan inkixef. Fil-film, l-isem tagħha nbidel għal Joan Stanley (Dench) li fis-sena 2000, issa anzjana, kienet qed tgħix ħajja trankwilla irtirata f'subborg ta' belt. F'mument wieħed, mingħajr avviż ħajjitha titħabbel ta' taħt fuq meta tkun arrestata mill-MI5 u akkużata li pprovdiet informazzjoni sigrieta lir-Russja Kommunista. Waqt li tkun interrogata, immorru lura fis-sena 1938 fejn iż-żagħżugħa Joan (Cookson), studenta tal-fiżika ssir tħobb lil Leo Galich (Hughes), ta' sentimenti kommunisti. Miegħu tibda tara l-ħajja ta' madwarha b'mod aktar attraenti. Matul it-Tieni Gwerra Dinjija Joan kienet taħdem f'post sigriet ta' riċerka nukleari u tibda tirrealizza li d-dinja waslet f'xifer biex tinqered. Bil-ħsieb nobbli tagħha biex fid-dinja tirrenja l-paċi, biex tassumi li kull nazzjon għandu jkollu l-mezzi biex jibni bombi atomiċi. Veru li l-ħsieb tagħha kien wieħed dinjituż jew riedet tittradixxi lil pajjiżha? B'xi mod Red Joan jieħu l-forma ta' thriller investigattiv mimli djalogu fejn il-karattru tal-protagonista meta kienet żagħżugħa jieħu l-preferenza. L-espert John Le Carre' kiteb ħafna stejjer ta' spjunaġġ fejn l-azzjoni hi kważi ineżistenti u Red Joan hu kopja vivida ta' dawn. Hu x'inhu l-fatt, wieħed jissimpatizza mal-parti tal-veterana Judi Dench li qatt ma kienet konxja li ppruvat tagħmel ħsara lil pajjiżha u lid-dinja ħielsa
Little
Atturi Ewlenin: Regina Hall; Issa Rae; Marsal Martin; Tone Bell; Justin Hartley; Luke James.
Direttriċi: Tina Gordon.
Maħruġ minn KRS Releasing.
Tul: 109 min.
Ċert. 12A
Tiftakruh il-film Big (1988, wieħed minn tal-bidu ta' Tom Hanks) dwar tifel li jkun jixtieq isir adult u tassew jiġrilu hekk meta jqum l-għada filgħodu? Little nistgħu nqisuh bħala r-replika opposta ta' din il-produzzjoni ta' 31 sena ilu, b'kast kważi kollha atturi Afrikani/Amerikani. Il-films imsejħa body swapping kienu għal xi żmien popolari ħafna mal-produtturi ta' Hollywood. Little hija kummiedja fantastika dwar tibdil ta' persuna din id-darba minn età adulta għal dik ta' tfajla. Jordan Sanders (Hall), is-sid awtorevoli ta' kumpanija tat-teknika tant hi mimlija biha nnifisha u tant għandha arja żejda fuqha bi prużunzjoni qawwija li kuljum tagħmel ħajjiet l-assistenta tagħha, April (Rae) infern. Mhux biss hekk, iżda kull filgħodu fl-ewwel ronda li tagħmel titterrorizza, tmaqdar u tgħajjar lill-ħaddiema tagħha. Tasal f'punt f'ħajjitha li l-pressjoni tax-xogħol tibda tagħfas fuqha sewwa. Ikun hawn li meta toffendi tfajla din tixtiqilha li terġa' ssir tifla ta' 13-il sena (parti maħduma minn Marsal Martin) f'mument verament importanti għall-karriera tagħha. Biex ma titlifx dan iċ-ċans uniku, issa fil-persuna ta' tifla jkollha tafda fuq April biex terġa' takkwista l-posizzjoni ta' qabel. Jordan it-tfajla wkoll tinzerta waħda b'attitudni ħażina li April jista' jkun li ma tittollerax. Little hija kummiedja li tista' togħġob lil sezzjoni ta' adoloxxenti, però t-tliet atturi femminili prinċipali (speċjalment Martin) tassew jimpressjonaw b'dik il-kunfidenza żejda li jaddottaw, b'battibekki ta' argumenti sħan u b'xi sekwenzi farseski ta' kummiedja kkalkulata. Fil-kumpless tiegħu, dan ix-xogħol ma jinħassx daqshekk kompetenti!