“Xewqti” – Kanzunetta Ġdida mingħand Janice Mangion
Iddiżappuntata mmens li ngħixu f’soċjeta fejn minn wara skrin tal-kompjuter, fuq is-siti soċjali, ngħidu dak kollu li jiġi f’moħħna bla ma naħsbu jekk hux ħa nweġġgħu lil ħaddieħor
Sena wara s-suċċess tal-kanzunetta Warda, li fi ftit sigħat laħqet il-quċċata talklassifika lokali fil-ħanut digitali iTunes apparti li ngħatat promozzjoni fuq diversi stazzjonijiet tar-radju lokali kif ukoll internazzjonali, Janice Mangion tniedi kanzunetta ġdida, Xewqti.
Bi kliem ta’ Emil Calleja Bayliss u mużika ta’ Cyprian Cassar, tim responsabbli mill-aħħar kanzunetta li rrapreżentat ‘l Malta fil-Junior Eurovision Song Contest, il-kanzunetta Xewqti għandha messaġġ soċjali bil-għan li titqajjem kuxjenza kontra l-użu tal-internet għal skopijiet ħżiena, speċjalment dawk tal-ibbuljar.
“Ħassejt li għandi naħdem fuq din il-kanzunetta għaliex ninsab iddiżappuntata mmens li ngħixu f’soċjeta fejn minn wara skrin tal-kompjuter, fuq is-siti soċjali, ngħidu dak kollu li jiġi f’moħħna bla ma naħsbu jekk hux ħa nweġġgħu lil ħaddieħor ...” tgħid Janice Mangion dwar il-kanzunetta b’ċertezza liema bħalha f’leħinha.
Matul dawn l-aħħar 12-il xahar, Janice żammet lilha nnifisha okkupata b’diversi prestazzjonijiet inkluż; fil-festival Discovery Fest fejn ġiet mogħtija t-titlu tal-aħjar vuċi wara prestazzjonijiet tal-kanzunetti Listen kif ukoll Warda li kienu deskritti minn dawk preżenti bħala eċċellenti; filwaqt li pparteċipat fil-proġett annwali Ħelu Bambin b’risq id-Dar tal-Providenza bil-kanzunetta Twieled il-Messija u żewġ proġetti fid-dinja tal-moda b’kollaborazzjoni mad-disinjaturi Gaetano u Maria Cutajar.
Megħjuna bil-viżwal maħluq mill-produttur Matthew Muscat-Drago, ilkanzunetta Xewqti intweriet għall-ewwel darba fuq it-televixin fid-28 ta’ Frar, wara li għamlet id-debutt tagħha fuq ir-radjijiet lura fil-15 ta’ Frar. Dan kien possibli grazzi għall-Ironic PR & Artist Management kif ukoll CAP-Sounds li segwew l-andament kollu għall-professjonalita assoluta.
Fil-ġranet u l-ġimgħat li ġejjin, Janice ħa tippromovi l-kanzunetta tagħha fuq ilmezzi tax-xandir kollha, hekk kif l-interess ikompli jiżdied. Għal aktar informazzjoni dwar Janice Mangion kif ukoll Xewqti, idħlu fis-siti soċjali fuq Facebook, Twitter, u Instagram u ssibu minjiera ta’ informazzjoni.
Isma’ u Ixtri l-kanzunetta hawn:https://fanlink.to/Xewqti
Araw l-vidjo mużikali (disponibbli fl-1 ta’ Marzu): https://youtu.be/qKbiqHS5RX8