Tliet films ġodda fis-swali taċ-ċinema

Fantastic Beasts: The Crimes of Grindelwald, The Grinch u The Hate U Give, il-films il-ġodda fiċ-ċinema

Fantastic Beasts: The Crimes of Grindelwald.

Atturi Ewlenin: Eddie Redmayne; Katherine Waterston; Dan Fogler; Zoe Kravitz; Carmen Ejogo; Jude Law; Johnny Depp.

Direttur: David Yates.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 134 min.

Ċert. 12A

Id-dinja tas-sħaħar u sħarijiet kif maħluqa minn J. K. Rowling, l-awtrici tas-sensiela Harry Potter, qed tkompli fit-tieni episodju minn ħamsa ta' Fantastic Beasts: The Crimes of Grindlewald. Infatti, dan il-film qisu spin-off ta' Harry Potter, din id-darba bl-Istitut Ministry of Magic tal-Istati Uniti u anki dak tal-Brittanja. Is-saħħar qawwi u malinn, Gellert Grindelwald (Depp), kien maqbud fl-Amerika bis-saħħa ta' Newt Scamander (Redmayne) fil-final ta' Fantastic Beasts And Where To Find Them (2016). Kif kien bassar, Grindlewald jirnexxilu jaħrab u beda jfittex xi segwaċi biex irawwem sħaħar ta' demm pur ħalli jirrenja b'saħħa fuq kulħadd. Albus Dumbledore (karattru mis-serje Harry Potter, issa b'Jude Law f'din il-parti), biex ifixkel għalkollox lil dan il-misħut, jirrikluta lil Newt, li qabel kien student tiegħu, li mill-ewwel jaċċetta li jgħin mingħajr ma jobsor x'periklu gravi jinsab quddiemu. Is-sitwazzjoni tikkomplika ruħha sewwa, l-imħabba u l-lealtà anki bejn tal-familja u ħbieb intimi, se jkunu ttestjati bil-kbir, f'dinja mimlija bi sħaħar potenti kontra xulxin. Kif innotajna fil-films ta' Potter, it-taqtigħa bejn it-tajjeb u l-ħażin, l-imħabba u t-telfa, l-ħbiberija u l-lealtà, l-identità u l-fatt li wieħed iħossu skartat, qed jerġgħu jirrepetu ruħhom. Fantastic Beasts: The Crimes of Grindelwald hu xogħol ħafna aktar differenti mill-ewwel produzzjoni aktar intensa, iżjed spettakulari, mimli effetti speċjali viżwali tal-għaġeb u aktar kaotiku. JK. Rowling kitbet l-iskript u hi wkoll waħda mill-produtturi.

The Grinch

Vuċijiet Ewlenin: Benedict Cumberbatch; Rashida Jones; Cameron Seely; Kenan Thompson; Angela Lansbury.

Diretturi: Scott Mosier u Yarrow Cheney.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 86 min.

Ċert. U

Waqt li għalina l-Maltin, il-Brittaniċi u diversi pajjiżi oħra, speċjalment tal-Ewropa għandna għal qalbna fi żmien il-Milied ix-xogħol klassiku u immortali ta' Charles Dickens, A Christmas Carol, l-Amerikani jgħożżu ħafna l-ktieb tal-1957 ta' Dr. Seuss, How the Grinch Stole Christmas. Bejn Scrooge u The Grinch hemm ħafna similaritajiet, l-akbar fosthom hi li t-tnejn li huma jobgħodu l-festa tal-Milied. Fis-sena 2000 inħadem The Grinch bl-attur Jim Carrey, li bil-mutetti tipiċi tiegħu tant kien addattat għall-parti tal-kreatura ħadra li jixtieq iħassar għal dejjem il-festi tal-Milied. Din in-novella issa nħadmet bħala produzzjoni animata, bl-istess isem ta' The Grinch. Fuq Mount Crumpet, f'għar, jgħix bħala eremita The Grinch (vuċi ta' Cumberbatch) flimkien mal-kelb fidil tiegħu Max. Ir-rabja tiegħu għall-umanità tilħaq il-qofol tagħha fi żmien il-Milied meta l-abitanti ta' Whoville jiċċelebraw dawn il-festi b'pompa kbira u bit-tiżjin ta' ħafna lwien u dwal ikkuluriti. Meta dawn iċ-ċittadini tal-belt ta' taħt il-muntanja jiddeċiedu li jiċċelebraw b'aktar fervent, hu bil-moħbi jlesti pjan biex jilbes ta' Santa Klaws u mal-kelb tiegħu jisraq ix-xinxilli kollha u b'hekk isikket lil Whoville darba għal dejjem. Iċ-ċkejkna u ħelwa Cindy-Lou (Seely) tazzarda titla' għandu biex tirringrazzjah talli kull Milied jgħin lill-armla ommha. Tgħid, din il-mossa se trattab il-qalb iebsa ta' dan l-esseru bisbetiku aħdar? The Grinch huwa film li tassew ipaxxi l-għajn bix-xenarju panoramiku li fih. It-tfal għandhom jogħxew sewwa fuqu, però nieqes mill-eċitament.

The Hate U Give.

Atturi Ewlenin: Amandla Sternberg; Regina Hall; Russell Hornsby; K. J. Apa; Common; Anthony Mackie.

Direttur: George Tillman Jr.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 133 min.

Ċert. 12A

Minkejja li l-problema tar-razziżmu hi ovvja ħafna, The Hate U Give hu aktar imxaqleb lejn id-drama ċċentrata fuq adoloxxenti u l-inkwiet, mingħajr m'għandha tort, li toħloq ġol-familja diċenti tagħha. Starr Carter (Sternberg), tfajla Afrikana/Amerikana, gustuża, kariżmatika u kawta, kontinwament titħallat ma' żewġ ambjenti opposti - id-distrett fqir fejn tgħix, abitat l-aktar minn nies suwed u l-iskola li tattendi bil-maġġoranza jkunu studenti bojod ġejjin minn familji sinjuri. Din l-eżistenza ideali titfarrak meta ħabib tagħha tat-tfulija jinqatel minn pulizija abjad, fejn hi kienet ix-xhud prinċipali. Starr tipprova taħbi dan il-fatt, però ż-żewġ kommunitajiet opposti qed jippressawha biex tixhed. Jekk tagħmel hekk se ġġib lill-familja tagħha fil-periklu minn kriminal li jmexxi s-subborg fejn tgħix. The Hate U Give hi produzzjoni qawwija, diretta b'mod sod, b'temi ta' ħbiberija inter-razzjali, kif ukoll mħabba bejn tnejn mhux tal-istess kulur. Dan il-film juri l-kuraġġ u sagrifiċċji tal-familji suwed meta ffaccjati b'dulur, trawma u tbatija. Angie Thomas kitbet in-novella oriġinali tant imfaħħra mill-kritiċi u li kienet fil-lista tal-New York Times Best-Sellers. Id-dimostrazzjonijiet imħarrka tal-final forsi jidhru xi ftit barra minn posthom f'dan il-film twil li l-ħin tiegħu ma tarahx għaddej. Żgur li Thomas ikkuppjathom minn fatti simili tal-passat li seħħew tabilħaqq. Regina Hall bħala Lisa Carter u Russell Hornsby bħala Maverick Carter huma tajbin ħafna, iżda tassew tiddomina Amandla Sternberg il-bint li verament tidher li qed issofri. Wieħed mill-isbaħ films ta' din is-sena!

More in Divertiment