Erba' films ġodda fis-swali taċ-ċinema

...wieħed minnhom għad-dilettanti tal-futbol

Ronaldo vs Messi

Personalitajiet Prinċipali: Cristiano Ronaldo; Lionel Messi; Sir Alex Ferguson; David Beckham; Gerard Pique'.

Direttrici: Tara Pirnia.

Maħruġ minn Eden Cinemas.

Tul: 63 min

Ċert. U

Tnejn mill-aqwa plejers tal-futbol ta' dawn l-aħħar ħmistax-il sena jew aktar, u anki fost l-aqwa ta' kull żmien, huma l-Portugiż Cristiano Ronaldo u l-Argentin Lionel Messi. Ħadd ma' jista' jgħid min hu l-aħjar minnhom għax l-opinjonijiet ivarjaw b'mod distint. Ronaldo vs Messi hu dokumentarju inċisiv li jeżamina dawn iż-żewġ superstilel fil-mossi, talenti u abbilitajiet tagħhom. Skont dan ix-xogħol, ir-rivalità li teżisti bejn dawn iż-żewġ futbolers mhijiex waħda personali u lanqas hemm xi mibegħda bejniethom, u dan l-antagoniżmu hu maħluq mill-midja. Fil-bidu naraw lil dawn il-protagonisti jibbrillaw fuq sħabhom fil-logħob tal-ballun sa minn mindu kienu tfal, il-kapaċitajiet li juri mat-timijiet rispettivi tagħhom, Sporting Lisbon, Manchester United, Real Madrid, Barcelona u mal-pajjiżi tagħhom, id-dribbling, il-gowlijiet li skurjaw jew l-għajnuna li taw biex sħabhom skurjaw. Fl-isfera tal-unuri ta' fost l-aqwa fid-dinja, t-tnejn li huma ddominaw fuq l-oħrajn billi rebħu 5 Ballun tad-Deheb kull wieħed. Narawhom ukoll jirreklamaw oġġetti ta' ditti rinomati u anki mdaħħlin sewwa f'atti ta' karità, speċjalment fejn jidħlu tfal morda serjament jew fqar. Fl-aħħar mill-aħħar, it-tnejn li huma għandhom ammirazzjoni kbira għal xulxin. Xandara u kritiċi tal-futbol, kif ukoll Alex Ferguson, il-maniġer ta' Manchester United jagħtu wkoll l-opinjonijiet tagħhom fuq dan id-duo formidabbli

The House With A Clock In Its Walls.

Atturi Ewlenin: Jack Black; Cate Blanchett; Owen Vaccaro; Reneè Elise Goldsberry; Sunny Suljic; Kyle MacLachlan.

Direttur: Eli Roth.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 105 min.

Ċert. 121A

Ibbażat minn fuq in-novella tal-1973, The House With A Clock In Its Walls, il-film tal-istess isem huwa fantasija xi ftit oskura, bi twerwira ħafifa, però dejjem addattat għat-tfal u l-familji. Din il-produzzjoni tassew taqbad l-atmosfera nostalġika tas-snin ħamsin, fl-ilbies, dekor u drawwiet. Lewis Bernavelt (Vaccaro), tfajjel ta' 10 snin, fl-1955, imur fil-belt ta' New Zebedee, Michigan biex jgħix ma' zijuh, Jonathan (Black), f'dar antika kollha ċekċik li, moħbi ġo fiha hemm misteru dejjem itektek. L-orfni Lewis jixtieq biss li jkollu tfulija normali, imma fiċ-ċirkostanzi, din tidher ħaġa impossibbli. It-tifel jiskopri li zijuh hu saħħar ta' nofs kedda, ta' qalb tajba, waqt li l-ġara u l-akbar ħabiba tiegħu, Florence Zimmerman (Blanchett), hija saħħara aktar ta' stoffa. F'din id-dar, qabel kienu jgħixu Isaac u Selena Izard (MacLachlan u Goldsberry), żewġ sħaħar potenti li bnew arloġġ. moħbi xi mkien fil-ħitan tad-dar, dejjem itektak biex bih Isaac iġib id-dinja fi tmiemha. Wara li jinnota ħafna affarijiet strambi bil-lejl, meta ma setax jorqod, u anki jagħmel ħabib fl-iskola mal-popolari Tarby Corrigan (Suljic), nhar il-festa ta' Halloween fiċ-ċimiterju tal-qrib jipprova jqajjem lill-mejtin. B'aċċident, jirxoxta lil Isaac li miegħu jqumu wkoll Selena u ċorma kreaturi fantastiċi kollha lesti li jħarrbtu l-belt. Bil-għajnuna ta' Jonathan u Mrs. Zimmerman, Lewis ikollu jħabbat wiċċu ma' dawn il-forzi tas-sopranaturali. The House With A Clock In Its Walls, minkejja t-tema tetra u gotika tiegħu, hu xogħol divertenti, li jfakkar f'ċertu xogħlijiet ta' Charles Dickens, 13 Ghosts (1963), Ghostbusters (1984) u oħrajn simili. Skantajt sewwa meta sirt naf li d-direttur hu Eli Roth, is-soltu abbinat ma' films ta' brutalità eċċessiva, bħal Hostel eċċ. jew f'dawk ta' Quentin Tarantino. Tassew f'din il-produzzjoni żamm sewwa r-riedni biex joħroġ proġett li jappella tajjeb għat-tfal u anki għall-kbar.

Crazy Rich Asians

Atturi Ewlenin: Constance Wu; Henry Golding; Ġemma Chan;  Awkwafina; Ken Jeong; Michelle Yeoh.

Direttur: Jon M. Chu.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 121 min.

Ċert. 12A

Crazy Rich Asians hija kummiedja ferrieħa u fl-istess ħin sfrenata fl-istil tal kummiedji klassiċi ta' Hollywood tas-snin tletin, iż-żmien tad-Dipressjoni. Dan hu wkoll xogħol romantiku bbażat min trijoloġija bestseller ta' Kevin Kwan. Rachel Chu (Wu), professoressa tal-ekonomija minn New York University tmur Singapore biex tagħmel konoxxenza mal-ġenituri tal-maħbub tagħha, Nick Young (Golding). Rachel hi eċitata ħafna li se żżur l-Asja għall-ewwel darba u xi ftit nervuża li se tiltaqa' mal-familja ta' Nick. Hemmhekk, tiskopri affarijiet li Nick qatt ma semmielha, fosthom li hu ġej minn familja sinjuruna tal-klassi għolja u li hu wieħed mill-aktar imfittxin mit-tfajliet tal-post. Bejn dawn it-tfajliet sbieħ u attraenti tinbet għira kbira għal din il-mara barranija Amerikana, waqt li kontinwament jippruvaw iġellduha miegħu. Fuq kollox, Eleanor (Yeoh), omm Nick, b'bixra ta' waħda aristokratika u ta' suppervja assoluta, ma tridx taċċetta din l-unjoni. Crazy Rich Asians li juri x'jista’ jiġri meta mħabba ħerqana taħbat ma' dawk li jħossuhom privileġġjati fis-soċjetà, għandu jappella bil-kbir l-aktar għat-tfajliet. Din hi produzzjoni mexxejja, divertenti li kultant taqbeż il-linji. Michelle Yeoh, impekkabli fl-apparenza tagħha, tassew smart u kkurata, b'serjetà ta' qilla fuqha (qisha Lady Macbeth) tagħti bilanċ lil din il-kummiedja romantika. Id-djalogu, kultant ukoll jaqta' fil-laħam il-ħaj bħal pereżempju meta Rachel tgħid lin-Nick, You really should have told me that you are like Prince William of Asia. Hu bil-kalma u b'mod modest iweġibha: That's ridiculous! I'm much more of a Harry .

American Animals

Atturi Ewlenin: Evan Peters; Barry Keoghan; Blake Jenner; Jared Abrahamson; Udo Kier; Ann Dowd.

Direttur: Bart Layton.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 116 min.

Ċert. 15

Xi studenti li l-ħajja għalihom fl-università tidher diffiċli u li jaħsbu li qatt m'huma se jaslu mkien, ġeneralment ma jkomplux il-kors u ġieli jfittxu orizzonti ġodda. Warren Lipka (Peters), tfajjel bla prinċipji u mtajjar u Spencer Rheinhard (Keoghan), pittur dilettant, it-tnejn ġejjin minn familja tal-klassi medja u li qegħdin f'kulleġġi separati, jibdew iħossu l-pressjoni tal-iskola tagħfas fuqhom u flimkien ma' żewġt iħbieb oħra, Eric Borsuk (Abrahamson), kontabilist (accountant) u Chris Allen (Jenner,) jippjanaw li jisirqu xi kotba rari u mprezzabbli mit-Transylvanian Library tal-kulleġġ fejn kien imur Spencer fl-2004. American Animals hu bbazzat mhux daqshekk fedelment, fuq l-istorja ecitanti u vera ta' dawn l-erbat iħbieb li jwettqu waħda mill-aqwa serqiet tal-arti tal-istorja Amerikana. Bil-kalma kollha dawn jieħdu ideat varji kif se jaġixxu minn diversi films popolari tal-passat dwar serqiet inkredibbli. Minkejja dawn il-preparamenti kollha din l-attività tmur żmerċ u hawn il-futur tagħhom jidher imċajpar. Matul l-andament kollu, il-veru ħallelin jidhru jikkumentaw f'diversi mumenti, kif ukoll tidher Betty Jean Gooch (fil-film il-parti tagħha taħdimha Dowd), il-mara li tieħu ħsieb il-librerija u li tispiċċa mwerwra u marbuta minnhom. American Animals jiżvolġi b'mod kreattiv fejn juri erba' żgħażagħ diżilluzi, mitlufin f'fantasija ta' moħħhom, però jirrealizzaw dan meta jwettqu dan l-att, f'ħin li jkun tard wisq.

More in Divertiment