L-Arċikonfraternità tas-Santissmu Kurċifiss u l-festa tas-Salib fil-Belt Valletta

Waħda mill-aktar knejjes magħrufa fil-Belt Valletta hija dik Ta' Ġieżu...L-ILLUM tagħti ħarsa lejn waħda mill-aktar fratellanzi attivi fil-Belt Valletta

Jumejn ilu, fl-14 ta’ Settembru, il-Knisja Universali ċċelebrat il-festa solenni tal-Eżaltazzjoni tas-Salib Imqaddes, festa li tiċċelebra l-glorja tas-salib għal kull min jemmen fil-fidi Nisranija. F’Malta, waħda mill-knejjes li tiċċelebra din il-festa b’solennità, hija l-Knisja ta’ Ġieżu fil-Belt Valletta. U propju llum il-Ħadd, minn din l-istess knisja, toħroġ purċissjoni organizzata mill-Arcikonfraternità tal-Kurċifiss, bl-istatwa unika f’Malta li tirrappreżenta s-sejba tas-Salib Imqaddes f’Ġerusalemm. Hija statwa artistika ħafna li turi lill-Imperatriċi Sant’Elena, lill-Isqof ta’ Ġerusalemm San Makarju u lill-iben Sant’Elena, l-Imperatur Kostantinu.

Il-Knisja Franġiskana ta' Santa Marija ta' Ġesù hija knisja mill-isbaħ fil-Belt Valletta, ddedikata lil Santa Marija ta’ Ġesù. Din il-knisja titmexxa mill-patrijiet tal-ordni reliġjuż tal-Franġiskani Minuri. Hija magħrufa popolarment mal-Maltin bħala Ta' Ġieżu li hija korruzzjoni lokali tal-kelma 'Ġesù (ta' Ġesù). Fl-1571 il-Patrijiet Minuri ngħataw biċċa art fil-Belt biex fuqha tinbena knisja ġdida. Ix-xogħol beda ftit wara fuq disinn tal-magħruf Girolamo Cassar, għalkemm il-faċċata ġiet mibdula fl-1680 minn Federico Blondel. Kienu diversi il-Granmastri li kkontribwixxew bil-kbir lejn it-tisbiħ ta’ din it-tempju li llum jospita fih diversi xogħlijiet tal-arti.

L-attrazzjoni ewlenija f’din il-knisja hija mingħajr dubju l-Kurċifiss mirakuluż u  impressjonanti, li sa ftit snin ilu kien attribwit lill-Franġiskan Sqalli Fra Umile Pintorno madwar is-sena 1630. Din ix-xbiha mill-ewwel ġibdet l-attenzjoni tal-Maltin li sal-lum għad għandhom devozzjoni kbira lejh. Fil-kappella fejn hemm ix-xbiha tal-Kurċifiss mirakuluż insibu wkoll  pittura sabiħa tal-Madonna tad-Duluri, xogħol fin ta’ Stefano Erardi. Il-pittura titulari ta’ din il-knisja hija xogħol l-artist Sqalli Antonio Catalano datata l-1600 u turi ż-żjara tal-Madonna lil Santa Elizabetta.

Il-knisja għandha wkoll ix-xorti li jkollha fiha l-qabar tal-Beatu Nazju Falzon (1813-1865). Dan kien Kjeriku djoċesan li llum huwa vvenerat ħafna mill-Maltin bħala wieħed mill-ewlenin qaddisin ta’ pajjiżna. Fost il-ħafna xogħlijiet pastorali li wettaq insibu li kien jgħallem il-katekiżmu Nisrani lill-baħrin Ingliżi stazzjonati f'Malta.

Dokument li jidentifika l-iskultur vera tal-kurċifiss mirakuluż tal-Knisja ta’ Ġieżu nstab ftit tas-snin ilu. Dan il-kurċifiss jiġbed lejh numru kbir ta’ pellegrini kull sena. Leġġenda antika tgħid li l-iskultur li kien qiegħed jaħdem fuq din l-istatwa kellu diffikultà kif ser jiskolpi r-ras tagħha u jum wieħed qam filgħodu u sab ras il-kurċifiss mirakolożament lestha u mwaħħla f’postha.

L-istoriku Franġiskan Patri Ġorġ Aquilina, li skopra d-dokument, jgħid li dan il-kurċifiss huwa xogħol Frate Innocenzo da Petralia. Dan id-dokument ġab fi tmiemu diskussjoni antika bejn l-istudjużi tal-arti li kienet ilha sejra snin twal, dwar min kien il-vera skultur ta’ din l-opra artistika.

L-istudjużi dejjem kienu jattribwixxu x-xogħol ta’ dan il-kurċifiss lil Frate Umile Pintorno, Franġiskan Sqalli minn Petralia Soprana li kien jaqsam l-istess bottega ma’ Frate Innocenzo fil-Kunvent Franġiskan ta’ Palermo. 

Il-fatt tal-iskultur awtentiku ġie aċċertat meta Patri Ġorġ Aquilina ġie wiċċ imb wiċċ ma’ kuntratt li jmur lura għas-sena 1648 u li jiċċertifika li din l-iskultura kienet ikkummissjunata lil Frate Innocenzo.

L-istess dokument jikkonferma li Fra Marco Rosset, dak iż-żmien kappillan konventwali tal-Knisja ta’ San Ġwann, kien alloka l-fondi meħtieġa għal dan il-proġett. Il-kundizzjoni li rabat ma’ din l-għotja ta’ flus kienet li għall-ebda raġuni dan il-kurċifiss ma kellu jingħata lil xi knisja jew kunvent ieħor iktar minn dik magħrufa bħala Ta’ Ġieżu fil-Belt Valletta. Dan kellu jinżamm imdendel f’niċċa bi ħġieġ oħxon fuq il-lemin tal-bieb prinċipali tal-knisja. Imma r-riċerka ta’ Patri Ġorġ Aquilina żvelat ukoll fatti oħra!

Meta skopra d-dokument dwar min kien l-iskultur tal-Kurċifiss mirakoluż, Patri Aquilina propjament ma kienx qed jagħmel riċerka dwaru imma dwar l-istatwa tal-Ecce Homo li nsibu fl-istess Knisja Ta’ Ġieżu.

Hemm xebh kbir bejn il-figuri ta’ Ġesù fil-kurċifiss u fl-istatwa tal-Ecce Homo, imma għal żmien twil kien diffiċli ħafna li wieħed jasal għal xi tip ta’ konklużjoni minħabba n-numru kbir ta’ interventi u tibdiliet li saru fuq l-istatwa tal-Ecce Homo qabel ir-restawr riċenti li sar fuqha. Dan ir-restawr kien ġie kkummissjonat mill-Konfraternità tas-Santissmu Kurċifiss lil Dun Charles Vella

F’dan il-proċess ta’ restawr, Dun Charles li huwa espert f’dan il-qasam, iddeċieda li jeżamina numru ta’ kampjuni miż-żebgħa tal-istatwa. B’hekk il-karatteristiċi veri tal-istatwa ngħataw lura d-dehra oriġinali tagħhom. Infatti Dun Charles jgħid li din l-istatwa oriġinali għaddiet minn numru ta’ bidliet biex tiġi tixbah kemm jista’ jkun il-karatteristiċi tal-bqija tal-istatwi tal-Ġimgħa l-Kbira li nsibu f’din il-knisja. Pereżempju nsibu li x-xagħar u d-daqna ta’ Kristu ttawwu bl-użu ta’ taħlita ta’ karta u kolla.

Kemm Patri Aquilina kif ukoll Dun Charles Vella għamlu numru ta’ studji biex jaraw kemm kien hemm verità fis-suspett tagħhom li din l-istatwa hija xogħol ta’ Frate Umile jew Frate Innocenzo, it-tieni ħabib u dixxiplu tal-ewwel. Wara numru ta’ testijiet fuq il-materjal u ż-żebgħa użati fl-istatwa, ir-riċerkaturi kkonkludew li l-istatwa tal-Ecce Homo hija xogħol Frate Umile.

Għalkemm ftit hemm dokumentazzjoni dwar il-ħajja ta’ Frate Umile, nafu li kien missieru stess li għallmu l-arti tal-iskultura. Huwa mbagħad kompla l-istudji tiegħu f’Palermo fejn kiseb il-livell ta’ mastru tal-iskultura bid-dritt li jkollu l-bottega tiegħu b’oħrajn li jaħdmu u jitgħallmu miegħu.

Peress li fl-istess kunvent f’Palermo kien hemm ukoll Frate Innocenzo u kienu juża l-istess bottega ma’ Frate Umile, l-oriġini ta’ ħafna mix-xogħolijiet ta’ dawn iż-żewġ patrijiet skulturi titħawwad, peress li teżisti ftit dokumentazzjoni dwarhom.

Din l-attrazzjoni reliġjuża kbira fil-Belt Valletta meqjuma f’pajjiżna bħala il-kurċifiss mirakoluż, sfortunatament issa għandha ħsarat konsiderevoli. Ftit taż-żmien ilu, l-Arċikonfraternità tas-Santissmu Kurċifiss bdiet ħidma intensiva sabiex jinġabru fondi għall-proġett ambizzjuż tar-restawr ta’ din l-opra. Fuq Facebook, saru wkoll diversi appelli indirizzat lil dawk li huma interessati jgħinu billi jikkontribwixxu finanzjarjament.

Kif kitbet tajjeb tant l-Arcikonfraternità fl-appell tagħha, l-għan uniku u aħħari huwa li tissalva din il-ġawhra nazzjonali li tant hija maħbuba u hemm devozzjoni lejha mal-pajjiż kollu.

Nhar is-6 ta’ Settembru ġie ffirmat il-kuntratt tal-kummissjoni tal-proġett tar-restawr bejn l-Arcikonfraternità tas-Santissmu Kurċifiss u l-Art Conservation Consortium. B’hekk fi żmien mhux bogħod pajjiżna ser ikun jista’ jerġa’ jgawdi s-sbuħija oriġinali ta’ din l-iskultura barokka unika.

More in Divertiment