Tliet films ġodda fis-swali taċ-ċinema

Għad-dilettanti tal-films is-swali taċ-ċinema qed joffri tliet films ġodda

The Equalizer 2

Atturi Ewlenin: Denzel Washington; Pedro Pascal; Ashton Sanders; Melissa Leo; Bill Pullman.

Direttur: Antoine Fuqua.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 121 min.

Ċert. 15

Robert McCall (Washington), li kien aġent speċjali sigriet tas-CIA wara li sab ruħu rtirat, kien beħsiebu jgħaddi ħajja trankwilla f'The Equalizer (2014). Iżda meta quddiem għajnejh jara lill-batuti jiġu sfruttati, demmu ma jtihx u b'qawwa kbira jqum b'furja kontra l-aggressuri. Erba' snin wara, fis-sequel The Equalizer 2 nerġgħu nsibuh jgħin lid-dgħajfin, lil dawk li qed ikunu minaccjati jew sfruttati, billi jagħmilha ta' mħallef u bojja fl-istess waqt. Din id-darba qed jaħdem bħala xufier ta' taxi u jsib ruħu involut ma' nies mhux ta' min jafdahom. Xi ħadd qrib tiegħu jinqatel u b'manjiera splussiva se jfittex ġustizzja personali qawwija ta' bla limiti. Fuq kollox, fejn is-soltu jżomm għalih waħdu, ma jagħti kunfidenza lil ħadd, issa qabad relazzjoni amikevoli ma' Susan Plummer (Leo) u sar ħabib, qisu l-missier taż-żagħżugħ, Miles (Sanders) li qed jitħarreġ bħala pittur. Meta dawn it-tnejn jiġu f'inkwiet kbir, McCall iħoss li din hi sejħa personali għalih li jidħol għalihom u jeħodha ma' nies kriminali mill-agħar. F'aktar minn tletin sena li Denzel Washington ilu jidher fiċ-ċinema, din hi l-ewwel darba li ħadem f'sequel u r-raba' darba li ngħaqad mad-direttur Antoine Fuqua. The Equalizer 2 hu xogħol ieħor ta' vigilanza, tip ta' Death Wish , b'final intens ta' azzjoni gwappa waqt urugan qawwi f'post ħdejn il-baħar.

Dog Days

Atturi Ewlenin: Nina Dobrev; Vanessa Hudgens; Tone Bell; Eva Longoria; Adam Pally; Thomas Lennon; Rob Corddry.

Direttur: Ken Marino.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 112 min.

Ċert 15.

Assortiment varjat ta' pari mhux tal-istess sess li jħobbu l-klieb jirnexxilhom b'suċċess jaqbdu relazzjoni romantika, jew jissodaw il-ħajja miżżewġa tagħhom f Dog Days . Il-premessa ta' din il-produzzjoni hi meħuda minn riċerka u studju li sosniet li dawk in-nies li għandhom xi kelb f'ħajjithom huma aktarx aktar kapaċi li fir-relazzjoni romantika tagħhom jesibixxu aktar enerġija u vitalità. Din il-kummiedja ferrieħa tiffoka fuq diversi pari f'Los Angeles li permezz tal-ħarġiet tagħhom bil-kelb jinkarmu għal xulxin. Dawn jinfiltraw kull skala tas-soċjetà - żewġ xandara ambizzjużi, waħda fuq tagħha li sservi f'bar, wieħed mużiċist irresponsabbli li jkollu jieħu ħsieb il-kelb ta' oħtu li twelled tewmin, par miżżewġin li jaddottaw tifla li ma tifraħ b'xejn ħlief meta jkollha kelb, anzjan armel li permezz ta' żagħżugħ li jbigħ il-pizza qegħdin ifittxu kelb mitluf, naturalment tabib veterinarju u sid ta' stabbiliment li jgħallem lil dawn l-annimali jobdu l-ordnijiet tiegħu. Dog Days hu xogħol sodisfaċenti, xi kemxejn twil, li jiżvolġi kif diversi persuni jaġixxu bejniethom kuljum u mal-ħbieb tagħhom ta' erba' saqajn, waqt li jiskopru lezzjonijiet ġodda fl-eżistenza tagħhom u anki f'relazzjonijiet ġodda ta' mħabba.

The Festival

Atturi Ewlenin: Joe Thomas; Ħammed Animashaun;; Claudia O'Doherty; Jemaine Clemens; Ħannah Tointon.

Direttur: Iain Morris.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 98 min.

Ċert. 15.

Il-festivals mużikali minn dejjem kienu popolari ħafna speċjalment mat-tinagers u żgħażagħ adulti. F'dawk tassew rinomati, b'kantanti stabbiliti u magħrufa, ż-żgħażagħ jingħaqdu fi gruppi, ilestu l-kampijiet biex jibqgħu jsegwu kollox fil-ġranet kollha li din l-attività ddum. The Festival huwa kummiedja dwar dan ix-xenarju li diġà semmejt. Dan ix-xogħol hu maħluq mill-kittieba u produtturi eżekuttivi Iain Morris u Damon Beesley, li kienu l-moħħ wara The Inbetweeners u The Inbetweeners 2 , żewġ fares Brittanici li kaxkru d-dħul tal-flus fir-Renju Unit. Nick (Thomas) jikkonvinċi ruħu li ħajtu spiċċat meta dak inhar li jiggradwa l-ħabiba tiegħu titilqu u jagħmel xenata kbira quddiem sħabu l-istudenti kollha. L-akbar ħabib tiegħu, Sħane (Animashaun) biex iderri u jinsa, jistiednu jmorru tlitt ijiem ta' kunċert mużikali mill-aqwa. Tassew tkun ta' mediċina tajba għalih Amy (O'Doherty), tfajla spirituża, akkanita bil-bosta ta' dawn il-festivals. Nick tant jiġi f'tiegħu u jallegra ruħu li lanqas ma jagħti kas tat-tgeġwiġija kontinwa li jkun hemm u tat-tajn mal-għalqa kollha. The Festival verament jaqbad l-atmosfera brijuża ta' dawn il-laqgħat għall-apert fejn jinħolqu ħbiberiji ġodda u fejn wieħed jista' jirreaġixxi kif jixtieq b'libertà assoluta mingħajr l-iċken indħil.

More in Divertiment