Il-Festa | Tradizzjonijiet u kurżitajiet fil-festi Maltin

Il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn uħud mill-aktar tradizzjonijiet interressanti ta' wħud mill-festi Maltin

Il-Festa Maltija hija unika u forsi waħda mill-fatturi li jagħmluha hekk huwa l-fatt li kull festa f’Malta u Għawdex għandha dik il-karrateristika jew it-tradizzjoni li tiddistingwiha minn festi oħra.

Kulħadd jaf li f’Birkirkara hemm it-tradizzjoni li l-purċissjoni ssir filgħodu, jew inkella li f’Ħaż-Żabbar isir dak magħruf bħala l-pellegrinaġġ tar-roti u l-muturi għax il-Madonna tal-Grazzja hija l-patruna taċ-ċiklisti, iżda hemm tradizzjonijiet oħra li forsi mhux daqstant magħrufa ma’ kulħadd.

Id-dħul tal-Immakulata Kunċizzzjoni fil-knisja
Id-dħul tal-Immakulata Kunċizzzjoni fil-knisja

Il-Bormliżi jħobbu jbakkru

Jiem qabel il-festa jiġu ċċelebrati jiem ta’ tħejjija magħrufa bħala t-tridu (tlett ijiem), novena (disat ijiem, f’uħud mill-festi tal-Madonna) jew saħansitra kwindiċina (15-il ġurnata qabel il-festa ta’ Santa Marija).

Minkejja li t-tul ta’ dawn il-jiem ta’ preparazzjoni jvarja minn festa għall-oħra, kollha kemm huma jsiru filgħaxija, b’quddiesa bil-ħsieb fuq il-qaddis u l-qaddisa u l-kant tal-innu u l-antifona.

Iżda mhux f’Bormla. Għan-novena, il-Bormliżi jqumu kmieni. Mal-5:30am kulħadd ikun bilqiegħda fil-kolleġġjata, biex fil-5:45am tibda n-novena. Jekk qed taħseb li ma jkunx hemm nies għax kmieni, nistiednek biex din is-sena tinżel sa Bormla bejn id-29 ta’ Novembru u s-7 ta’ Diċembru.

L-Għarb u t-tapit tal-fjuri
L-Għarb u t-tapit tal-fjuri

Tapit…imma tal-fjuri mhux tad-drapp

It-twapet huma parti essenzjali mill-armar, kemm fid-djar u anke fil-knejjes. Iżda hawn festi li t-tapit tagħhom huwa għalkollox differenti.

Fir-raħal ċkejken tal-Għarb, ta’ kull sena, għadd ta’ persuni jaħdmu tapit tal-fjuri biex minn fuqu tgħaddi l-vara titular. Dan ikun jinkludi għadd ta’ disinji u simboli li kull sena jkunu marbuta ma’ tema partikolari.

Tapit simili jsir ir-Rabat Malta għall-festa prinċipali ta’ Corpus Domini.

L-artal maġġur armat għall-festa prinċipali ta' Corpus fir-Rabat
L-artal maġġur armat għall-festa prinċipali ta' Corpus fir-Rabat

Ir-Rabat…miskin is-sagristan

Ħafna jafu li r-Rabat jiċċelebra l-festa ta’ San Pawl li, ismu huwa marbut ma’ din il-lokalità minħabba l-grotta li fiha għex il-qaddis fit-tliet xhur li dam Malta.

Iżda forsi ftit huma dawk li jafu li apparti l-festa titulari, il-Pawlini Rabtin jiċċelebraw ukoll dik imsejħa bħala l-festa prinċipali ta’ Corpus Domini.

Il-festa ta’ Corpus issir kważi fil-lokalitajiet kollha, iżda fir-Rabat din tieħu forma ta’ festa tradizzjonali, jiġifieri bl-armar, bil-marċi u anke bil-logħob tan-nar. Bix-xieraq! X’aktarx li l-ewwel quddiesa f’Malta saret propju r-Rabat, ġaladarba skont it-tradizzjoni San Pawl kien jgħix hemm.

Interessanti wkoll kif ikun armat l-artar maġġur. Minflok gandlieri, l-armar ikun armar b’gandilabri li kull wieħed jieħu tliet xemgħat. Tant hu hekk, li l-artal ikun armat b’xejn inqas minn b’66 xemgħa. Immaġina s-sagristan jiddritahom u jixgħelhom!

L-anġlu ta' Ħal Luqa
L-anġlu ta' Ħal Luqa

F’idejn in-nies, bil-boma jew bil-baħar

Jumejn jew lejlet il-festa ġeneralment isir marċ li fih statwa tal-qaddis jew qaddisa, jew inkella statwa li tirrafigura lil Malta, tittella’ fuq il-pedestal.

Din normalment tittella’ b’winġ jew inkella krejn. Iżda hemm lokalitajiet li għandhom il-metodi tradizzjoni tagħhom.

F’Ħal Luqa jsir dak magħruf bħala l-marċ tal-anġlu. Quddiem il-pedestall jintrama taraġ tal-ħadid. Dan jimtela’ bil-partitari u l-anġlu jittella’ billi jgħaddi minn id għall-oħra sakemm isib postu.

Iż-żewġ festi tal-Birgu, San Lawrenz u San Duminku jużaw dik magħrufa bħala l-boma. Dan ikun arblu li jintrama mas-sur u jkun jinkludi ħabel bit-tarjola. Fiż-żminijiet imbiegħda, din il-boma kienet tintuża biex titniżżel il-merkanzija minn fuq il-bastimenti u x-xwieni.

F’lokalijiat oħra, dan il-marċ jibda differenti minn dak ta’ postijiet oħra. F’Birżebbuġa u fil-Balluta, l-istatwi ta’ San Pietru u tal-Madonna tal-Karmnu rispettivament jinġiebu fuq dgħajsa biex minn hemm ikompli l-marċ brijjuż sakemm l-istess statwa tittella’ fuq il-kolonna.

San Lawrenz jagħti d-dawl lill-għomja
San Lawrenz jagħti d-dawl lill-għomja

Il-Ġirbin ma jixbgħux

Normalment il-festa tilħaq il-qofol u t-tmiem tagħha bid-dħul tal-vara lura fil-knisja wara l-purċissjoni.

Iżda mhux il-Palmiżi Ġirbin. Il-festa ta’ San Lawrenz, li tiġi ċċelebrata fl-10 ta’ Awwissu, ma tispiċċax mad-dħul tal-vara iżda l-għada tal-festa.

Dakinhar isir marċ ieħor li matulu titniżżel minn fuq il-pedestall l-istatwa magħrufa bħala ta’ San Lawrenz jagħti d-dawl lill-Għomja, li nhar it-8 ta’ Awwissu tkun ittellgħet waqt marċ brijjuż.

Il-purċissjoni tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt Valletta
Il-purċissjoni tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt Valletta

Il-festa fost il-ġimgħa

Fl-imgħoddi, ħafna mill-festi titulari kienu jiġu ċċelebrati fil-ġurnata liturġika, jiġifieri dakinhar li l-Knisja tiċċelebra l-festa tal-qaddis jew il-qaddisa. Pereżempju Santa Katarina taż-Żejtun kienet issir fil-25 ta’ Novembru.

Minħabba t-temp, ħafna minn dawn il-festi bdew jiġu ċċelebrati f’Ħadd partikolari tul it-tliet xhur tas-sajf.

Iżda l-festa tal-Madonna tal-Karmnu tal-Belt Valletta, is-Salvatur ta’ Ħal Lija u San Lawrenz tal-Birgu baqgħu jiġu ċċelebrati fil-ġurnata tagħhom, tiġi meta tiġi.

Tgħidli mhux anke Santa Marija tiġi ċċelebrata fil-15 ta’ Awwissu (ħlief f’Ħad-Dingli u fl-Imġarr) u San Pawl tal-Belt u San Ġużepp tar-Rabat mhux ukoll fil-ġurnata tagħhom? Hekk hu. Imma dawn jiġu ċċelebrati f’festa pubblika.

Għall-kuntrarju, tal-Karmnu, is-Salvatur u San Lawrenz jiġu ċċelebrati f’ġurnata normali tax-xogħol, sakemm is-16 ta’ Lulju, is-6 ta’ Awwissu jew l-10 ta’ Awwissu ma jaħbtux il-Ħadd.

Il-Knisja parrokkjali tal-Imġarr
Il-Knisja parrokkjali tal-Imġarr

L-irfigħ...kull festa bil-mod tagħha

Mingħajr ir-reffiegħa il-vara tibqa’ fil-knisja u allura l-irfigħ huwa parti importanti mill-festa.

Kull lokalità għandha t-tradizzjoni tagħha kif jintgħażlu r-reffiegħa. Ħafna jafu bit-tradizzjoni tal-Imġarr fejn gruppi differenti ta’ reffiegħa jagħmlu offerta ta’ flus lill-parroċċa u min joffri l-aktar jerfa’ l-istatwa ta’ Santa Marija filgħaxija.

F’lokalitajiet oħra il-vara tintrefa’ minn gruppi differentil, fosthom il-fratellanzi. F’lokalitajet oħra, bħal Ħaż-Żebbuġ, il-bastun jinxtara u jintiret mill-missier għall-iben, biex hekk ir-refgħa tibqa’ dejjem tal-familja.

F’ħafna bliet u rħula l-irfigħ għandu wkoll il-partikolaritajiet tiegħu. Pereżempju fis-Siġġiewi, il-purċissjoni ssir biss fil-pjazza tar-raħal, fil-Belt Valletta l-forċini (il-waqfiet) isiru biss fil-kantunieri u f’Ħaż-Żebbuġ, waqt il-ħruġ min-niċċa, ir-reffiegħa jagħmlu ftit passi ’l quddiem u ftit lura.

More in Divertiment