Żewġ films ġodda fis-swali taċ-ċinema

...ħafna aktar x'tistenna dan is-sajf

Sicario 2: Soldado.

Atturi Ewlenin:  Josh Brolin;  Benicio Del Toro;  Isabela Moner;  Catherine Keener;  Matthew Modine.

Direttur:  Stefano Sollima.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 122 min. 

Ċert. 15

Il-gwerra bejn il-kartelli tad-droga fuq il-fruntiera ta' bejn l-Istati Uniti u l-Messiku kompliet tiħrax.  Dawn in-negozjanti gwappi issa qed jittraffikaw it-terroristi lejn l-Istati Uniti.  Dan hu x-xenarju prinċipali ta'  Sicario 2: Soldado , speċi ta'  sequel  għal  Sicario  (2015).  Kif dirett mit-Taljan Stefano Sollima,  Soldado  hu xogħol aktar iebes u vjolenti, kumpatt, ambizzjuż, imdemmi u furjuż, li fil-bidu jagħti ħjiel li se jaqbad il-vija ta' xi dokumentarju, b'ħafna intriċċi u attakki bil-bombi f'xi stabbilimenti pubbliċi.  Josh Brolin u Benicio Del Toro jerġgħu jinterpretaw il-parti rispettiva tagħhom tal-Aġent idealistiku tal-FBI, Matt Graver u Alejandro Gillik, il-misterjuż sieħeb ta' Graver.  Dawn lesti biex b'kull mezz possibbli jsolvu din il-problema.  Huma qegħdin jikkonċentraw l-aktar fuq mina taħt l-art li minn Texas tagħti għal Messiku, lok minn fejn jgħaddu diversi emigranti u anki terroristi.  Meta Alejandro, sorprizament jaħtaf lit-tifla Isabella Reyes (Moner) ta' baruni potenti, din il-gwerra iżjed tikkarga u Graves, bin-nies tiegħu, qed ifittixhom it-tnejn. Sicario 2: Soldado  jizvilippu b'mod ħerqan u atmosfera splussiva, b'mużika b'battuti qawwija li tnissel stennija ta' biża', speċjalment fix-xenarji panoramiċi tal-helikopters iħufu madwar id-deżert u bil-lejl b'roqgħa dawl ħierġa minnhom, tgħarrex bla ħniena matul l-art.  Ninnotaw ukoll kif tfajjel, minn familja eżemplari, jiskarta l-iskola biex imur idur bil-karozza ma' ħabibu, jingħaqad ma' wieħed minn dawn il-gruppi kriminali u anki bilfors ikollu joqtol (eku tal-films tal-Mafja).  Il-ħafna iġsma mxerrda mal-art fid-deżert jfakkru fis-superjuri No Country For Old Men  (2009)

Hereditary.

Atturi Ewlenin:  Toni Collette;  Gabriel Byrne;  Alex Wolff;  Milly Shapiro;  Ann Dowd.

Direttur Ari Aster.

Maħruġ minn KRS Releasing. 

Tul: 127 min. 

Ċert. 15

 Hereditary  hu primarjament thriller psikoloġiku, bi premessa ta' ġenn ereditarju fil-familja, li jaqleb f'wieħed tal-biża', twerwir u bi ħjiel tas-sopranaturali.  L-andament ta' dan ix-xogħol irossok bħal ġo morsa u ma jħallikx liberu minuta waħda.  Ellen, il-matrijarka tal-familja Graham tmut u f'eloġju għaliha, Annie Graham (Collette), bintha tispjega li hi ma kellhiex relazzjoni perfetta magħha.  Wara. waqt laqgħa kordjali  ta' dawk li tilfu lil xi ħadd għażiż, Annie tiżvela li ommha kienet ta' għaliha waħedha u li kienet tbati minn mard tal-moħħ.  Hi tibda timmaġina lil ommha fil-kamra fejn timmanifattura oġġetti żgħar.  Fl-istess waqt, il-familja tibda tiskopri messaġġi strambi u sigrieti tal-waħx dwar l-antenati tagħhom. It-tensjoni fil-familja tant tiżdied li Peter (Wolff), il-ġuvnott, jibda wkoll jispissja, jaġixxi b'mod stramb u allarmanti fil-klassi waqt li anki jsir jibża' minn ommu. Inċident ieħor fatali jkompli jgħarraq kollox. Aktar ma jikxfu informazzjoni, aktar din il-familja tipprova teħles mid-destin kiefer li waqa' fuqhom.  B'mod ikkalkulat li jieħu ftit tal-ħin, id-direttur u kittieb Ari Aster, juri t-tiġrib domestiku ta' familja, li wara traġedja tinbidel f'melankolija gwappa u f'ġenn palpabbli.  Dan hu film tal-biża', b'andament frisk lejn dan il-ġeneru u oħrajn simili u b'debut sorprendenti minn direttur li jidher li għandu futur tajjeb quddiemu.  Il-parti ntensa li tagħti Toni Collette bħala l-omm fi trawma isterika għall-aħħar, li kważi tkexkex, żgur li ma tintesiex.  Din il-produzzjoni setgħet faċilment issemmiet  Nightmares In A Damaged Brain!

Aktar films għal dan is-sajf....

Thrillers u films bl-azzjoni

American Animals  Storja vera ta' erbat iħbieb li jippruvaw jagħmlu l-akbar serqa tal-arti fl-istorja tal-Istati Uniti biex jagħti ftit eċitament lill-eżistenza monotona tagħhom.

The First Purge.  Film li jeħodna fil-bidu tal-ġurnata annwali meta l-mexxejja Amerikani, għal dan il-lejl biss, taw il-permess li kulħadd jista' jikommetti liema reati li jrid.  Din il-vjolenza tal-oppressuri tiltaqa' mar-rabja furjuża ta' dawk milqutin u tisplodi b'qawwa kbira.

King of the Thieves  Kien maħsub, għall-bidu, li serqa ta' diversi miljuni ta' liri saret minn xi gang ta' żgħażagħ ħallelin gwappi.  Infatti, kien grupp ta' anzjani ta' bejn is-60 u 70 sena li wettquha billi ma kellhomx x'jagħmlu u kienu mdejqin kif qegħdin jgħixu.

Mile 22.  Uffiċjal prim tal-Intelliġenza Amerikana mgħejjun minn grupp sigriet ta' persuni qed jipprova jħarrab uffiċjal misterjuż tal-pulizija li jippossedi informazzjoni sensittiva.

Peppermint.  Din hija storja ta' vendetta u tpattija minn omm żagħżugħa li issa trid iddewwaq lir-rivali tagħha l-imrar kollu li kienu għaddewha minnu.

Superfly.  Negozjant Afrikan/Amerikan tal-kokajina jipprova l-aħħar faċenda tiegħu qatel jħalli dan ix-xogħol.

Upgrade  Fil-futur qarib, it-teknoloġija tikkontrolla l-aspetti kollha tal-ħajja.  Imma, meta wieħed espert ħajtu tinqaleb ta' taħt fuq, l-uniku mezz ta' vendetta li jista' jaddotta hi chip esperimentali tal-kompjuter msejħa Stem.

Yardie  Fl-1973, fil-Ġamajka tifel ikun xhieda tal-qtil ta' ħuh u wara kap potenti mafjuz jipprotegieh.  Wara għaxar snin, imur Londra mal-ħabiba u t-tifla tagħha u hawn il-passat jerġa' jilħaq miegħu.

Drammi u films tal-biża'.

Adrift.  Ibbażat fuq storja vera dwar koppja li jinħabbu.  Dawn jimbarkaw fuq l-avventura ta' ħajjithom - jiffaċċjaw l-eħrex urugani fl-istorja tad-dinja.

The Happytime Murders  Dawk li fis-snin tmenin kienu ħadmu ġo film televiżiv bil-pupazzi għat-tfal, qed jiġu maqtulin wieħed, wieħed. Il-każ jaqa' f'idejn ditektiv li kien umiljat politakament.

Hereditary.  Meta l-matrijarka tal-familja Graham tmut, il-familja tat-tifla tagħha jikxfu sigrieti tal-biża' dwar l-antenati tagħhom.

The Nun.  Meta soru żagħżugħa tikkommetti suwiċidju ġo monasteru fir-Rumanija, qassis li l-passat qed ikiddu u waħda novizza li dalwaqt tieħu l-aħħar wegħdi tagħha, jintbgħatu mill-Vatikan biex jinvestigaw affarijiet strambi.

Searching.  Tfajla ta' 16-il sena tisparixxi u missierha, b'mod iddisprat iffittex ħjiel minn fuq il-slaptop tiegħu.

The Secret Of Marrowbone.  Ġuvnott u t-tliet ħutu iżgħar minnu jżommu sigriet il-mewt tal-għażiża ommhom biex jibqgħu flimkien.  Preżenza malinna fid-dar tagħhom tibda tippersegwitahom.

Slaughter House Rulez.  Skola Brittanika prestiġġjuza fejn l-istudenti jorqdu hemm, issir il-lok ta' battalja meta f'sit qrib tinfetaħ bokka mill-art li tnissel terrur kbir.

Slender Man.  Raġel twil, irqiq, b'figura li tbeżża' u b'idejn itwal min-normal jgħidu li hu responsabbli ta' ħafna tfal u teenagers li sparixxew.

More in Divertiment