Żewġ films ġodda fis-swali taċ-ċinema

Jekk dilettant tal-films din il-ġimgħa fis-swali taċ-ċinema tista' ssib dawn iż-żewġ films

Jurassic World: Fallen Kingdom

Atturi Ewlenin; Chris Pratt; Bryce Dallas Howard; Rafe Spall; Justice Smith; Daniella Pinedo; Jeff Goldblum.

Direttur: J. A. Bayona.

Maħruġ minn KRS Releasing

Tul: 128 min.

Ċert. 12A

Il-gżira Isla Nublar, madwar 120 kilometru 'l barra minn Costa Rica, kienet saret il-post ta' divertiment fejn il-pubbliku seta' jara u jesperjenza mill-qrib annimali preistoriċi li kienu jħufu mad-dinja tagħna miljuni ta' snin ilu, f’ ‘Jurassic World’, Dinosawri feroċi li ħarbu mill-post fejn kienu miżmumin, kienu l-kaġun li qerdu din il-gżira li għal tliet snin sħaħ baqgħet abbandunata mill-umani, b'dawn il-mostri jiġġerrew u jattakkaw lil xulxin fil-ġungla t'hemm. Meta l-vulkan rieqed ta' din il-gżira jibda jiżbroffa, Owen Grady (Pratt) u Claire Dearing (Howard) iqajmu kampanja sħiħa biex imorru lura u jsalvaw lil dawn id-dinosawri milli jinqerdu. ‘Jurassic World: Fallen Kingdom’ ikompli tliet snin wara l-avvenimenti li ġraw fil-film tal-2015. Owen qed ifittex lil Blue, il-‘velociraptor’ li kien ittrenjah u mmansah sa minn meta kien għadu ġeru u Claire verament tirrispetta lil dawn il-kreaturi tal-għaġeb. Huma jaslu, flimkien ma' assistenti oħrajn, fuq Isla Nublar waqt xita ta' nirien u gassijiet li jisplodu madwarhom u lava ħierġa mill-vulkan. Tassew ikunu sorpriżi li waqt dan il-kaos kollu jiskopru komplott li jista' jġib qerda vasta fi bliet ta' popolazzjonijiet kbar. Dan ix-xogħol joffri spettaklu tassew vividu ta' ħerba taħraq  bil-lava nieżla kontinwament ma' kullimkien u bil-mostri li b'biża' fuqhom iħarrbtu u jwittu minn kull fejn jgħaddu sparati. L-ewwel siegħa hija tassew movimentata li tpaxxi sewwa lill-għajnejn tant li wieħed jaħseb li issa l-film se jbatti, iżda bl-istess metodu ta' qawwa tremenda u anki biża', l-istraġi palpabbli tkompli f'postijiet ippopolati. L-effetti speċjali viżwali huma verament inkredibbli, li wieħed jaħseb li dawn it-titani huma reali. Diversi atturi mill-produzzjoni ta' qabel jerġgħu jidhru hawn, flimkien ma' oħrajn ġodda. Waqt li Geraldine Chaplin dehret fit-tliet films ta' qabel u hija wkoll regolari mad-direttur Spanjol J. A. Bayona, li joqgħod Barcellona, Jeff Goldblum, wara 21 sena qed jerġa' jagħmel id-dehra tiegħu bħala Dr, Ian Malcolm, ix-xjentist li kien bassar f'‘The Lost World: Jurassic Park’ (1997) li dan il-proġett se jġib kundanna ta' stragi u ħerba. ‘Jurassic World: Fallen Kingdom’ tassew jixraqlu t-titlu ta' blockbaster

Book Club

Atturi Ewlenin: Diane Keaton; Jane Fonda; Candice Bergen; Mary Steenburgen; Craig T. Nelson; Andy Garcia; Don Johnson; Alicia Silverstone.

Direttur: Bill Holderman.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 103 min.

Ċert. 12A

Il-ktieb ‘Fifty Shades Of Grey’ tal-awtrici E. L. James tassew qabad l-immaġinazzjoni romantika tal-maħbubin madwar id-dinja u spiċċa bħala ‘bestseller’. Għalkemm l-istorja spinta ta' dan il-volum hija indirizzata għaż-żgħażagħ u anki għal dawk ta' età medja li għadhom iħossuhom sesswalment relevanti, x'jiġri meta dan il-ktieb jaqa' f'idejn grupp ta' nisa ta' 'l fuq minn sittin sena? ‘Book Club’ hija kummiedja soċjali/romantika dwar erbat iħbieb li kull xahar jiltaqgħu flimkien jiddiskutu xi ktieb letterarju. Diane (Keaton), wara 40 sena żwieġ issib ruħha armla, Vivian (Fonda), tħobb taqbad ma' xi raġel iżda mingħajr irbit żejjed, Sharon (Bergen) għadha ma ġietx f'tagħha wara li ilha 10 snin iddivorzjata u ż-żwieġ ta' Carol (Steenburgen) ma' Bruce (Nelson) jinsab bla ħajja. Meta Sharon iġġibilhom ir-rumanz tant popolari ‘Fifty Shades of Grey’, l-eżistenza ta' dawn l-erbat iħbieb anzjani tiggalvanizza ruħha u tieħu żvolta qawwija fuqhom mil-lat romantiku. ‘Book Club’ b'mod diskret, spiss b'umoriżmu sottili, jurina l-ħerqa sesswali li terġa' tinbet fuqhom biex ikunu kapaċi jispiraw lil xulxin u b'hekk jagħtu spinta kuraġġuża lil ħajjithom. L-unika tema li dan ix-xogħol verament jaqbad b'mod vividu hija l-ħbiberija ġenwina u l-kariżma li dawn in-nisa juru għal xulxin, ‘Book Club’ jiffoka ħafna fuq ir-relazzjonijiet romantiċi, kultant farseski, li jidħlu għalihom wara li jlestu mill-qari tal-ktieb. Kwotazzjonijiet minn din in-novella huma kważi ineżistenti, forsi minħabba li d-dritt hu miżmum mill-awtrici, għalkemm il-produtturi kellhom il-permess li jesibixxu, bosta drabi, il-qoxra ta' barra tal-ktieb. B'erba' atturi nisa mill-aqwa li pproduċa Hollywood, din il-produzzjoni kellha forsi tiżvolġi b'mod aktar konkret u b'aktar maturità'. Fuq kollox, dawk li qed ifittxu film b'tema romantika divertenti u hawn forsi se jaqtgħu xewqithom!

More in Divertiment