Erba' films għal din il-ġimgħa

Jekk dilettant tal-films sib ftit ħin u ara dawn il-films

Breaking In

Atturi Ewlenin: Gabrielle Union; Billy Burke; Richard Cabral; Ajiona Alexus; Levi Meaden.

Direttur: James McTeigue,

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 88 min.

Ċert. 15.

Fi ‘Proud Mary’ (2018), l-attriċi Taraji P. Henson barra li kienet il-protagonista, kienet ukoll waħda mill-produtturi. L-istess karigi huma fdati f'idejn Gabrielle Union fi ‘Breaking In’. Dan hu thriller furjuż dwar omm li, akkost ta' kollox, trid teħles liż-żewġ uliedha miżmuma bħala rahan f'dar armata b'sigurtà ta' teknoloġija mill-aqwa. Shaun Russell (Union) tieħu liż-żewġt itfal tagħha fid-dar ta' missierha, li għadu kemm miet, biex jgħaddu tmiem il-ġimgħa hemm qabel tinbiegħ. Din id-dar fejn hi kienet trabbiet għandha sistema ta' sigurtà ta' livell għoli. F'salt wieħed, jidħlu xi rġiel biex jisirqu l-kaxxaforti, però qabel jaħtfu lit-tfal meta Shaun tkun barra tfittixhom. Meta terġa' lura, minn tieqa tara lit-tfal marbutin, miżmuma priġunieri u hi tmur tistaħba. Shaun tibda taħseb kif se tidħol ġewwa mingħajr ma l-ħallelin jindunaw biha. Bl-informazzjoni kollha li jkollha ta' kif topera t-teknoloġija ta' dan il-post, jirnexxilha tidħol ġewwa, titfi d-dwal kollha u tibda teħodha ma’ rġiel li ma jaħsbuhiex darbtejn biex joqtlu. Għalkemm ‘Breaking In’ mimli b'atmosfera klawstrofobika, l-azzjoni mexxejja li fih u li hi kważi spissa, tħalli lil dak li jarah anzjuż dwar kif se jkompli jiżvolġi. Gabrielle Union bħala omm iddedikata, deċiża li teħles lit-tfal tagħha b'kull mezz possibbli, hija sodisfaċenti fl-irwol tagħha. Bħas-soltu, wieħed mill-aggressuri jirrizulta li jkun qattiel psikotiku.

Wildling

Atturi Ewlenin: Bel Powley; Brad Dourif; Liv Tyler; James LeGros; Collin-Kelly Sordelet.

Direttur: Fritz Bohm.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 96 min.

Ċert. 15

‘Wildling’ huwa film drammatiku li jaqleb għal wieħed ta' fantasija bi ħjiel ta' biża'. Il-bidu jagħti l-impressjoni li dan se jkun xogħol simili għal ‘Room’ (2012) jew li hu b'xi mod ibbażat fuq il-każ veru ta' missier Awstrijak li żamm lil uliedu msakkrin fil-kantina tad-dar. Aktar tard fl-istorja wieħed jiġih f'moħħu l-film Franċiż ta' Francois Truffaut tal-1970, ‘The Wild Child’, ibbażat fuq każ veru. Lejn il-final jirriżulta li m'hemm xejn li jsegwi lil dawn il-produzzjonijiet. Sa minn mindu kienet tarbija, Anna (Powley) inżammet imsakkra f'kamra żgħira fis-sular ta' fuq tad-dar u kienet tkun ikkurata minn raġel misterjuż li kienet issejjaħlu Daddy (Dourif). Dan ir-raġel kien ibeżżagħha li fil-foresta tal-viċin hemm mostru jissejjaħ Wildling li jiekol it-tfal. Daddy kien dejjem ġentili magħha, jieħu ħsiebha sewwa u anki jedukaha. Hi kienet tħobb tpinġi stampi bi tfal migdumin u mdemmija minn din il-bestja. Iżda, meta bdiet titfarfar Daddy kien iżommha fi stat ta' kważi rqad billi spiss jinġettaha. Meta għalqet is-16-il sena, Helen Cooper (Tyler) issalvaha u tgħinha tkopri ma' oħrajn ta' tamparha. Imma, il-foresta titfa' bħal seħer fuqha u sikwit tmur hemm ħafja anki biex forsi tara l-Aurora Borealis li tant affaxxinat ruħha meta qrat fuqha. Meta ġisimha jibda juri bdil li se ssir adulta, il-ħolm ikrah ta' tfulitha jerġa' jitfaċċa u jiddominaha. Anna li tħossha ħafna aħjar fl-imwarrab, se tiskopri l-veru sigriet u destin tagħha, li hi tfajla tan-natura. Minkejja li t-tema tal-film mhix xi waħda oriġinali, id-direttur jirnexxilu jżomm lill-udjenzi sorpriżi fi stat ta' tensjoni u eċitament.

Sherlock Gnomes

Vuċijiet Ewlenin: James McAvoy; Emily Blunt; Michael Caine; Maggie Smith; Johnny Depp; Chiwetel Ejiofor.

Direttur: John Stevenson.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 88 min.

Ċert. 8+

Dawk il-pupazzi ornamentali tal-ġonna tassew taw gost lit-tfal ċkejknin f’‘Gnomeo And Juliet’, parodija divertenti tax-xogħol drammatiku ta' William Shakespeare. Dawn il-karattri ħelwin u maħbubin qed jerġgħu jidhru fuq il-liżar il-kbir f'avventura oħra, din id-darba f'Londra. Meta Gnomeo u Juliet waslu f'din il-belt ma' ħbiebhom u l-familja, l-għan ewlieni tagħhom ikun li jlestu u jarmaw il-ġnien bil-fjuri għar-rebbiegħa. Meta jiskopru li xi ħadd qed jisraq lin-nani sħabhom madwar Londra kollha u anki jsibu l-ġnien tagħhom vojt, jibqgħalhom biss alternattiva waħda, li jsejħu lil Sherlock Gnomes. Dan id-ditektiv famuż flimkien mal-assistent tiegħu, Dr. Watson, it-tnejn protetturi tal-pupazzi, jibdew jinvestigaw dan il-każ. Gnomeo u Juliet jakkumpanjawhom, jiltaqgħu ma' karattri oħra bħalhom u jgħaddu minn avventura tassew imħarrka, mimlija periklu madwar lokalitajiet moħbijin ta' din il-belt. ‘Sherlock Gnomes’ li hu wkoll bit-3D jiżvolġi b'ħafna azzjoni ta' ħeffa, ġiri sfrenat u mumenti oħra eċitanti, enerġetiċi u kkuluriti. Wieħed jista' jistħajjel din il-produzzjoni bħala xi forma leġġera tal-ġeneru investigattiv għall-familja kollha. It-tfal ta' kull età u l-adulti ta' rieda tajba għandhom jieħdu pjaċir bih. Il-produttur eżekuttiv ta' dan ix-xogħol hu Sir Elton John.

Isle of dogs

Vuċijiet Ewlenin: Bryan Cranston; Edward Norton; Liv Schreiber; Jeff Goldblum; Ramon Koyu.

Direttur: Wes Anderson.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 101 min.

Ċert. P.G

Il-films eċċentrici b'andament ħelu ta' fantasija tad-direttur Wes Anderson qed ikomplu bix-xogħol animat ‘Isle of Dogs’. Ambjentat fil-Ġappun tal-futur qarib, is-Sindku ta' Megasaki City ħareġ liġi biex il-klieb kollha tal-belt għandhom jintbagħtu fuq gżira 'l barra mix-xatt. Dan is-sindku li jobgħod lil dawn l-annimali approffitta ruħu meta ħareġ din l-ordni wara li feġġet marda kkawżata minnhom. Atari, tifel orfni ta' 12-il sena, li jaqdi lis-sindku, itir b'ajruplan żgħir lejn Trash Island bit-tama li jeħles lil Spots, kelb verament leali lejh u li jipproteġih. Meta jikkraxxja fuq din il-gżira, xi klieb bil-ġuħ u feroċi jiġu ħdejn l-ajruplan imkisser però jxommu li Atari hu l-ħabib tagħhom. Flimkien ma' dawn il-ħbieb ġodda jibdew tfittxija intensiva għal Spots. Finalment, dawn jiskopru b'konfoffa li tista' teqred lill-klieb kollha ta' Megasaki. Il-film ‘Isle of Dogs’ primarjament huwa kummiedja ġenjali li b'mod assurd imma kkalkulat taqbad diversi elementi li jissatirizzaw lid-dinja reali.

More in Divertiment