Il-każin tal-banda: Kelma jew tnejn bejn bela’ te u żewġ pastizzi

Il-gazzetta ILLUM tinżel Ħal Qormi u Ħaż-Żebbuġ f’erba’ każini tal-banda u tiltaqa’ ma’ dawk li għalihom il-każin huwa l-isbaħ ħarġa. X’jaħsbu dwar il-każin? Kif tinbidel ħajjithom kieku jagħlaq?           

Ritratt: James Bianchi
Ritratt: James Bianchi

Wara li nhar il-Ħadd li għadda l-gazzetta ILLUM kitbet fuq il-każini tal-baned li jikru l-binja mingħand il-privat u kif uħud minnhom diġà qed jiffaċjaw każijiet fil-Qorti, il-mistoqsija ħarġet waħedha: Kieku kellu jagħlaq x’jiġri minn dawk li għalihom il-każin huwa t-tieni dar tagħhom?

Din il-ġimgħa dorna żewġ lokalitajiet li fihom il-każini tal-baned jilagħbu rwol importanti mhux biss fil-festa, imma tul is-sena kollha.

Kemm fil-każini Qriema u anke f’dawk ta’ Ħaż-Żebbuġ sibna għadd ta’ anzjani  jilagħbu l-karti, jixorbu t-te fit-tazza, jieklu xi pastizz u jgħidu kelma jew tnejn, anke fuq in-nies.

Għalkemm ħafna jassoċjaw il-każini tal-baned mal-briju tal-festa, ix-xorb u ż-żgħażagħ, innutajna li għal għadd ta’ anzjani, il-każini huma mezz kif jibqgħu attivi.

Fil-każin San Ġużepp u Banda de Rohan ta’ Ħaż-Żebbuġ sibna lil Philip Zammit b’lista quddiemu ta’ riklami li ġabar għall-ktieb tal-festa.

Fuq in-naħa l-oħra tat-triq, fil-każin tal-Banda San Filep sibna żewġt iħbieb antiki, Rozario Magro u Toni Farrugia li kienu qed jieħdu bela’ te qabel niżlu fil-maħżen jibdew jippreparaw l-armar għall-festa.

Iżda l-każini mhux festa biss. Il-Viċi President tal-Banda Anici tkellem mal-ILLUM dwar il-logħob tal-billiard u kif it-tim tal-każin qiegħed fil-quċċata tal-klassifika tal-league nazzjonali. Mhux hekk biss, minn dan il-każin ġieli ntagħżlu membri biex jieħdu sehem f’kampjonati Ewropew u internazzjonali.

Interresanti dak li qalilna wieħed mill-anzjani. Fi kliemu, l-imħabba għall-każin hija xi ħaġa li tintiret. Tkun tħobb il-banda, jew is-soċjetà, għax hekk isejħulha, għax missierek kien involut u missierek ġibed lejn il-każin ta’ fuq jew ta’ isfel, jew tal-ħodor jew tal-ħomor, għax missieru kien akkanit ukoll.

Xi botta ’l hawn u ’l hemm ma naqsitx. Min jgħid li tagħhom l-ewwel banda u min jitfagħha bil-pulit li l-każin huwa proprjetà tal-membri. Ejja naraw x’jaħsbu dawn l-anzjani dwar il-każini.

Joe Cassar u Joe Magri
Joe Cassar u Joe Magri

Bdejna mill-Għaqda Mużikali San Ġorġ Martri, fejn iltqajna ma’ żewġt iħbieb, it-tnejn jisimhom Joe. Xi jfisser għalikom il-każin? “Kull filgħodu niġu hawn, niltaqgħu żewġt iħbieb, ngħidu kelma u nieħdu kafè. Filgħaxija nerġgħu niġu u daqqa nikkumentaw fuq il-banda għax inkunu se nagħmlu xi marċ ġdid u daqqa fuq futbol, insomma fuq kollox,” saħaq Joe Cassar.

Tal-istess opinjoni kien sieħbu, li inzerta jismu bħalu. “Hawn għalina qisha d-dar tagħna għax dejjem hawn isibna. Tiġi hawn tieħu birra, tgħid kelma u xi drabi naraw xi logħba billiard.”

U kieku l-każin kellu jagħlaq? “Għalija problema kbira. Irranġajnieh sabiħ kif qed tarah... problema hux... għax fejn se mmorru? Ma għandna mkien aktar fejn immoru u aħna lil San Ġorġ inħobbuh ħafna, iffisati fuqu.”

Karmenu u Darren
Karmenu u Darren

Irħejnielha għan-naħa l-oħra tal-parroċċa Ġorġjana u żorna l-każin tal-Għaqda Soċjo-Mużikali Anici. Sibna lil Karmenu u lil Darren bilqiegħda qaqoċċa madwar mejda jidħku.

“Aħna l-anzjani l-każin infittxu. Nieħdu l-kafé u noqgħodu ngħidu fuq in-nies,” saħaq Karmenu.

Staqsejnihom ukoll x’jagħmlu kieku jispiċċaw bla każin. Għal Darren, li huwa ħafna iżgħar minn Karmenu, sitta u sitta tnax.  “Jekk jagħlaq il-każin insibu xi mkien ieħor. Fuq iz-zuntier jew xi mkien ieħor insibu.”

Iżda għal Karmenu mhux hekk. “Mhux se nieħdu pjaċir żgur. Meta nbidel tal-bar, għalqilna ġurnata u wkoll konnha qisna l-imġienen induru ’l hawn u ’l hemm. Konnha qisna ħuta barra mill-ilma. Il-ġurnata kollha hawn aħna. Nieħdu kafè, daqqa jagħmlu l-bixkla u dejjem nirrakuntaw.” “U jgħidu fuq in-nies,” qabeż partitarju ieħor min-naħa l-oħra.

Saviour Mifsud
Saviour Mifsud

Saviour Mifsud, anzjan ieħor li ltqajna miegħu fl-istess każin inzerta l-Viċi President iżda huwa wkoll id-delegat tal-każin għall-isports.

“Hawn għandna wkoll sessjoni taż-żgħażagħ tal-isports. Nipprattikaw l-aktar il-pool. Affiljati mal-Malta Pool Association, nilagħbu fil-premier ta’ Malta u nidħlu wkoll fir-rankings biex plejers jieħdu sehem barra minn Malta. Bħalissa qegħdin l-ewwel. Nilagħbu home u away. Meta nilagħbu hawn, jiġu t-timijiet l-oħra u l-partitarji tagħhom u vera jkun hawn sabiħ.”

“Minn dejjem kont nilgħab. Ġejt hawn minħabba l-isport. Spiċċajt fil-kumitat, kont segretarju u issa Viċi President. Il-każin huwa wieħed mit-tradizzjonijiet tagħna l-Maltin. Li tkun dilettant tal-banda u tal-festa ġejja mir-razza.”

“Bħalissa qed inħarreġ liż-żgħar. Jien nispiċċa, kulħadd jispiċċa, huma jridu jkunu.”

Rozario u Toni
Rozario u Toni

Mingħand Anici tlaqna lejn Ħaż-Żebbuġ. Mal-bar tal-Każin San Filep sibna lil Rosario Magro u lil Toni Farrugia żewġt iħbieb jieħdu tazza te qabel ma jxammru l-kmiem.

“Il-każin huwa t-tieni dar tiegħi. Mid-dar għal hawn u minn hawn għad-dar. Dejjem l-istess ħajja aħna. Dilettant tal-festa, insib x’nagħmel hawn. Hawn ir-rikreazzjoni tiegħi. Inserraħ moħħi. L-hena tiegħi,” saħaq Rosario.

Tal-istess opinjoni kien Toni: “Aħna qegħdin xi erbat iħbieb, naħdmu flimkien fl-armar, nieħdu birra flimkien, ħbiberija kbira. Għaqda u mħabba.

Kif jaħsbuha kieku l-każin kellu jagħlaq? “Min iħobb lil każin hawn se jibqa’. Noqogħdu barra sakemm insibu post ieħor.” Ma ssibx każin ieħor?  “Le ta! Hawn in-number one u l-aħħar wieħed... ilni 50 sena hawn ġew.”

U kif tqattgħuha l-ġurnata fil-każin? “Bħalissa qed nippreparaw għall-festa. Nieħdu bela’ te u nibdew intellgħu l-armar minn isfel għal fuq biex meta noħorġu l-armar insibuh magħna u narmaw fl-inqas żmien, għax aħna l-inġenji niddubawhom, allura kemm jista’ jkun, ma ndewmuhomx għandna.”

David u John
David u John

Ftit ’l hemm minnhom, David u John, żewġt iħbieb oħra, kienu qed jgħidu kelma bilqiegħda madwar mejda.

“Il-każin huwa t-tieni dar tiegħi,” saħaq John. “Jien niġi hawn għax nieħu gost niltaqa’ ma’ żewġt iħbieb,” kompla miegħu David. Nieħu te u żewġ pastizzi u nikkumentaw fuq dak li jkun għaddej.”

“Il-festa l-għaxqa tagħna. Issa li daħal Mejju nibdew ngħoddu l-ġranet għax hawn il-festa nagħmuha fit-tieni Ħadd ta’ Ġunju. Allura dalwaqt nibdew nippreparaw xi attività, u stedina ’l hawn u ’l hemm u naraw kif se niċċelebraw.

U jekk jagħlaq il-każin? “Diffiċli,” wieġeb John mill-ewwel. “Aħna l-każin huwa proprjetà tal-membri u f’każ li jiġi biex jagħlaq tieħdu l-knisja, għax wara l-membri jiġi l-prokuratur ta’ San Filep. Għandna rħama li turih dan.”

“Fl-ibliet u l-irħula Maltin diffiċli biex każini tal-baned jagħlqu. Il-festi reġgħu qabdu, ħares ftit lejn l-armonija taż-żgħażagħ. Sas-sena li għaddiet sieħbi Johnny kien għadu wieħed fil-kumitat, jiġbor u jirsisti. Illum ma għadux imma minfloku daħlu żgħażagħ b’ħafna entużjażmu. Każini diffiċli biex jagħlqu,” saħaq David.

John ma felaħx ma jgħidiex: “Tinsiex! Hawn l-ewwel każin ta’ Malta. Mhux minn dejjem konnha hawn imma llum għandna dan il-kobor kollu. Jien kburi ħafna bil-każin. Bħalma jaf sieħbi David, jiena dejjem kont nirsisti u nivvinta biex ikollna palazz u llum għandna palazz ta’ veru.”

Philip Zammit
Philip Zammit

F’każin ieħor, dak ta’ San Ġużepp ta’ Ħaż-Żebbuġ, ilmaħna lil Philip, bilqiegħda f’rokna ma’ erbat iħbieb b’lista quddiemu.

“Il-każin parti minn ħajti. Lili bħalha anzjan iżommni attiv għax nagħmel ħafna xogħol fih, niġbor ir-riklami u kumitat. Is-soċjetà dik hi. Marbuta miegħek.”

“L-aktar ħaġa li nagħmlu nparlaw. Niġu hawn, ninġabru erba’ anzjani bħali, nieħdu bela’ te. Dik hi l-ħajja tagħna. Imbagħad inpattu fil-festa.”

Joseph Seguna
Joseph Seguna

“Il-Każin huwa passatemp. Ikollok ftit ħin liberu, tiġi tilgħab ftit billiard, tieħu tazze te, jew flixkun birra. Aħna ġo raħal ngħixu. Xi trid tagħmel iżjed,” qalilna Joseph li wkoll inzerta fil-każin jgħid kelma mal-ħbieb.

“Xi drabi minn hawn niltaqgħu u mmoru xi mixja, jew naraw xi 5-a-side meta jorganizzaw xi waħda. Xi kultant toqgħod tisma’ l-gideb ukoll. Għax hawn tnejn jigdbu hawn,” kompla jgħidlna bejn daħka u oħra. “Imma importanti wkoll għall-kultura. Aħna ġo Ħaż-Żebbuġ għandna tliet każini sbieħ. High class.”

Mill-Każin tal-Banda De Rohan - Ritratt: James Bianchi
Mill-Każin tal-Banda De Rohan - Ritratt: James Bianchi

Il-każini u l-kirjiet:

  • L-ILLUM tirrapporta kif 20 każin jinsabu taħt mannara
  • Uħud mill-każini li jikru, diġà affaċjaw jew qed jaffaċjaw każijiet il-Qorti
  • Is-sidien tal-King’s Own tilfu l-kawża f’Malta imma ħadu l-Gvern quddiem Qorti Ewropea
  • Ta’ Stella Maris qed jistennew li tinqatgħalhom kawża
  • L-istess ta’ San Gejtanu u ta’ Duke of Connaught’s
  • Ta’ De Paule nifdu l-każin, ma infurmawx lis-sidien u se jkollhom jiżgumbraw
  • Ta’ San Leonardu ħasbulu, xtraw biċċa art u qed jibnu każin
  • Ċans li l-kirja tal-Każini terġa’ togħla
  • Aktar dettalji hawn

Għaqda Mużikali San Ġorġ Martri - Ritratt: James Bianchi
Għaqda Mużikali San Ġorġ Martri - Ritratt: James Bianchi

More in Divertiment