Din il-ġimgħa titlifx dawn il-films

Għandek ftit ħin fuq idejk? Ħu ħsieb li tara dawn il-films...

Avengers: Infinity War, Part 1.

Atturi Ewlenin: Robert Downey Jr,; Chris Hemsworth; Mark Ruffalo; Scarlett Johansson; Chris Evans; Anthony Mackie; Josh Brolin; Zoe Saldana.

Diretturi: L-aħwa Anthony u Joe Russo.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 149 min.

Ċert. 12A.

Mill-profittabbli Marvel Studios, li jippussessaw id-drittijiet ta' diversi supereroj tal-kotba komiks tagħhom, kumpanija issa ta' Disney Enterprises, jasal it-tielet episodju tal-grupp protetturi tal-univers, ‘Avengers: Infinity War’, li se jkun maqsum fi tnejn. Wara li ‘Avengers: Age Of Ultron’ ta' 3 snin ilu daħħal is-somma fenominali ta' biljun u nofs dollari, id-diriġenti ta' Marvel Studios reġgħu issa laqqgħu fllmkien dan il-grupp, assistiti minn alleati oħrajn biex jikkumbattu forza qawwija tremenda li trid twassal fit-tmiem l-univers. Thanos (Brolin), tirann infami intergalaktiku, b'kull mezz possibbli u bi stragi nfernali qed ifittex sitt ġawhriet (Infinity Stones) biex jeżerċita poter li qatt ma deher bħalu fuq l-umanità kollha. Il-Vendikaturi (Avengers), Iron Man (Downey Jr,), Hulk (Ruffalo), Thor (Hemsworth), Captain America (Evans), Black Widow (Johannson) Falcon (Mackie) jingħaqdu mal-Gwardjani tal-Galassija u supereroj oħrajn bħal Spider Man (Tom Holland), Black Panther (Chadwick Boseman), Dr. Strange (Benedict Cumberbatch), Winter Soldier (Sebastian Stan), Gamora (Saldana) u oħrajn biex jiġġieldu ma' forzi mbattibbli ta' barra minn hawn, waqt li jgħaddu minn martirju ntens. ‘Avengers: Infinity War’ jakkumula kull membru tal-Marvel li deher s'issa fuq il-liżar ċinematografiku. Dan hu film li jiżvolġi mill-punto di viżta tal-viljakk Thanos, esseru karizmatiku li spiss ibiddel il-burdata, l-aktar wieħed potenti tal-univers kollu, li jgħix fuq il-pjaneta Titan u li diġà deher f'sekwenzi żgħar f'xi xogħlijiet oħra ta' qabel ta' Marvel Studios. B'dan il-film, din id-ditta qedtiċċelebra l-għaxar anniversarju tagħhom fiċ-ċinema li beda fl-2008, b'‘Iron Man’. B'kollox, din hi id-19-il produzzjoni tagħhom. Stan Lee, li llum għandu 93 sena u li hu wieħed mill-fundaturi tal-komiks Marvel (1962), dejjem jidher f'parti ta' ftit sekondi u hawn ninnotawh isuq kowċ. Għal darb'oħra, hu ovvju li fuq dan ix-xogħol li hu mfawwar b'effetti speċjali viżwali mill-aqwa għal kważi sagħtejn u nofs, intefaq baġit enormi.

I Kill Giants

Atturi Ewlenin: Madison Wolfe; Imogen Poots; Sydney Wade; Zoe Saldana; Rory Jackson.

Direttur: Andreas Walter.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 106 min.

Ċert. 12A

Tfal żgħar u anki fl-età tal-adoloxxenza meta jħossu ruħhom fil-familja skartati u mwarrbin, spiss isibu wens f'dinja mmaġinarja ta' fantasija. Barbara Thorson (Wolfe), tfajla tinager, biex teħles mir-realitajiet tal-iskola u minn ħajja mizerabbli fil-familja ssib serħan meta quddiemha jiżvolġi xenarju ta' dinja maġika ta' Titani u Ġganti. ‘I Kill Giants’ hu adattament tal-ktieb grafiku (mimli stampi) ta' Joe Kelly u Ken Nilmura tassew imfaħħar internazzjonalment. Barbara toqtol lil dawn il-ġganti billi l-ħin kollu tfittex informazzjoni fuq dawn il-mostri u titgħallem kif għandha teħles minnhom billi tlesti ħafna nases fil-foresta u fix-xatt. Fid-dar, ħuha Dave hu ffissat jilgħab il-logħob tal-kompjuter, waqt li oħtha Karen (Poots) ħsiebha fix-xogħol. Barbara toqgħod fil-kantina fejn tlesti x-xogħol kollu biex tippprotegi ruħha mill-ġganti, waqt li fis-sular ta' fuq, li suppost hu postha, qatt ma tazzarda titla' għax taħseb li hemm xi esseru tal-biża'. Kontra qalbha, ikollha tattendi l-iskola, fejn kulħadd jiskartaha u anki tkun immarkata minn Taylor (Jackson) li hi l buli tal-iskola. Meta rasal maltempata kbira, tipprepara bis-sħiħ għall-aqwa sfida tagħha. Bil-għajnuna ta' Sophia (Wade), tirrealizza li issa m'hemmx il-ħtieġa li tiffaċċja mal-akbar biża' tagħha waħedha. ‘I Kill Giants’ jiżvolġi b'mod vividu kif persuna tenera, iżolata internament, timmaġina dinja ta' seħer fejn hi jkollha l-ħila tesegwixxi affarijiet sorprendenti li ma toħlomhomx fir-realtà. Madison Wade, b'wiċċ innoċenti mbeżżgħa, liebsa nuċċali, b'tendenza vulnerabbli f'persuntha, iżda b'fissazzjoni li trid turi ruħha kuraġġuża tassew hi naturali.

Ghost Stories

Atturi Ewlenin: Andy Nyman; Paul Whitefouse; Alex Lawther; Martin Freeman.

Diretturi: Andy Nyman u Jeremy Dyson.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 98 min.

Ċert. 15

Il-film Brittaniku ‘Ghost Stories’ hu bbażat minn fuq wirja tal-palk li bdiet f'Liverpool fl-2010 u wara ġiet trasferita għal West End ta' Londra, b'suċċess mill-aqwa. Wara, bdiet issir fuq il-palk ta' diversi pajjiżi madwar id-dinja tant li hu smat li rawha 'l fuq minn nofs miljun ruħ. Miktuba u diretta għaċ-ċinema minn Andy Nyman u Jeremy Dyson, żewġ akkaniti kbar tal-films tal-biża' u t-twerwir, ‘Ghost Stories’ jirrakkonta l-istorja tal-Professur Philip Goodman (Nyman stess) li hu xettiku ħafna dwar is-sopranaturali. Dan il-bniedem, li fil-bidu jitkeċċa minn fuq il-palk meta beda jfixkel lill-wieħed li kien jirrakkonta xi stejjer tal-waħx, jinvestiga tliet każi ta' dehriet ta' spirti malinni. L-eroj ta' dan il-Professur hu l-psikologista Charles Cameron li għeb taħt ċirkostanzi misterjużi u maħsub li kien mejjet. Meta Philip jirċievi pakkett stramb bil-posta, suppost mingħand Cameron innifsu, hu jmur jinvistah f'post ħdejn il-baħar fejn qed jinħeba. Dan jagħti lill-Professur tliet każi ta' seħer misterjużi li hu qatt ma seta' jiċċara - wieħed jikkonċerna lil Tony Matthews (Whitehouse) li jaħdem bil-lejl bħala għassies f'post li qabel kien manikomju; it-tieni hu dwar Simon Rifkind (Lawther) li l-karozza tiegħu tieqaf bil-lejl ġo foresta mudlama u l-aħħar każ hu dwar Mike Priddle (Freeman), raġel eleganti però mistmerr li qed jistenna l-ewwel tarbija. F'dawn il-każi paranormali, il-Professur jiskopri misteri li hu stess qatt ma immaġina u fejn jidħol f'saram ta' twewir palpabbli. ‘Ghost Stories’ jimita ħafna lix-xogħol tal-palk, l-aktar wirja tal-biża' li qatt saret.

More in Divertiment