Il-maltemp iħassar l-attivitajiet tal-Karnival tal-lejla

Matul il-lejl li għadda l-karrijiet ittieħdu għall-kenn taħt tinda li nbniet apposta fil-Marsa

L-attivitajiet tal-Karnival li kienu ppjanati għal-lejla mhux se jsiru minħabba l-maltemp li qed jolqot il-Gżejjer Maltin.

Intant, matul il-lejl li għadda, l-organizzaturi tal-Karnival ta’ Festivals Malta flimkien mal-parteċipanti tal-Karnival ħadu ħsieb li jieħdu l-karrijiet għall-kenn taħt it-tinda li ntramat apposta għalihom, biex jiġu protetti mix-xita u r-riħ.

Il-karrijiet se jkunu qed jinħarġu għada s-Sibt filgħodu.

Festivals Malta spjegat li bħalissa għaddejja b’diskussjonijiet mal-Pulizija u Transport Malta biex għada s-Sibt, kif jiftaħ l-ajru, il-karrijiet jibdew jimxu mill-Marsa lejn il-Belt.

Appellat lill-pubbliku biex fejn hu possibbli juża t-trasport pubbliku,  jevita t-toroq tal-Marsa li jwasslu għall-Belt u jikkoopera mal-awtoritajiet minħabba li dan it-traġitt jaffettwa parzjalment it-toroq tal-Marsa għall-Belt.

It-toroq affettwati l-Marsa huma ż-żona industrijali fi Triq Aldo Moro (direzzjoni lejn Santa Luċija), Triq is-Salib tal-Marsa, Triq Patri Feliċjan Bilocca, Triq is-Sajjieda, il-Menqa tal-Marsa u t-Telgħa ta’ Spencer.

Se jkunu affettwati wkoll Triq Nazzjonali fil-Blata l-Bajda (li tagħti għall-Bombi) u Triq Sant’Anna fil-Furjana.

Il-biljetti li nxtraw għall-ispettaklu tal-Ġimgħa jistgħu jintużaw għall-ispettaklu tas-Sibt li jibda fil-5pm jew tat-Tnejn li jibda fit-3:30pm.

More in Divertiment