Films ġodda għal din il-ġimgħa

X'hemm ġdid fis-swali taċ-ċinema din il-ġimgħa

Atomic Blonde

Atturi Ewlenin: Charlize Theron; James McAvoy; John Goodman; Til Schweiger; Eddie Marsan; Sofia Boutella

Direttur: David Leitch

Maħruġ minn KRS Releasing

Tul: 115 min

Lee Marvin f'‘Point Blank’, Mel Gibson f'‘Payback’ u fi ‘Blood Father’ u Keanu Reeves fiż-żewġ produzzjonijiet ‘John Wick’ nassoċjawhom ma’ azzjoni brutali u vendetta furjuża, qawwija u krudila. F'dan l-istess irwol ‘macho’ issa għandna wkoll mara - Charlize Theron bħala spija implakabbli fi thriller tassew imħarrek ‘Atomic Blonde’. Din il-mara bjonda, xi ftit immuskolata, tfajjar daqqiet tassew b'saħħithom, tiġġieled ukoll bl-arti marzjali, f'ħakka t’għajn teħodha ma' ħafna u ħafifa fuq il-pistola toqtolhom kollha, kif ukoll hi taqla' ħafna daqqiet, tinstabat mal-art u titgerbeb it-taraġ u taqla' anki xi daqqa ta' sikkina u sikwit tispiċċa b'wiċċha mdemmi. Il-ġrajja ambjentata f’Berlin tal-Lvant fi żmien meta l-Ħajt infami kien se jinħatt. Wara li aġent tal-M16 jinqatel mill-KGB, Lorraine Broughton (Theron), spija tal-prima klassi tintbagħat Berlin biex iġġib lura lista, moħbija f'arloġġ tal-idejn, li tinkludi l-aġenti kollha attivi fl-Unjoni Sovjetika. Mill-ewwel tkun attakkata, wara traduta u anki manipulata b'identitajiet foloz. B'aġenda sigrieta min-naħa tagħha stess, hi tidħol għal xogħolha b'entużjażmu u determinazzjoni kbira biex takkwista lura din il-lista li minnha ħafna jridu jakkwistaw profitti kbar. ‘Atomic Blonde’ hu bbażat minn fuq in-novella grafika tal-2012 ta' Antony Johnston u Sam Ħart bl-isem ta' ‘The Coldest Day’.  Minkejja xagħar bjond u wiċċ attraenti, Charlize Theron hawn ma tipproġettax sesswalità, iżda feroċità u qilla f'wiċċha simili kif uriet f'‘Monster’ u ‘Mad Max: Fury Road’

 

47 Metres Down

Atturi Ewlenin: Mandy Moore; Claire Holt; Matthew Modine; Santiago Segura; Yani Gellman

Direttur: Johannes Roberts

Maħruġ minn KRS Releasing

Tul: 87 min

Ċert: 15

Mhux l-ewwel darba fiċ-ċinema naraw xi persuni ferħanin għax sejrin vaganza f'xi post eżotiku ta' sbuħija speċjali jew xi lokal ieħor differenti minn fejn jgħixu. Ħafna drabi, l-aspettativi għoljin li jmorru bihom jinbidlu f'xi avventura kerha jew tal-biża' li se tibqa' stampata f’moħħhom tul ħajjithom, ġieli anki f'xi traġedja orribbli. ‘47 Metres Down’ hi produzzjoni oħra li tinkorpora dan ix-xenarju. Kate (Ħolt) u oħtha Lisa (Moore), li għadha kemm spiċċat minn mal-maħbub tagħha, biex iderru jmorru btala fil-Messiku. Għatxana għal xi avventura, l-aħwa jaċċettaw l-offerta ta' Benjamin (Segura) u Louis (Gellman), li ltaqgħu magħhom f'bar, biex jinżlu taħt l-ilma f'gaġġa tal-ħadid ħalli jaraw fil-viċin l-akbar kelb il-baħar - Great White.  Iżda, meta ċ-ċima tal-gaġġa tiżżarrat, jibqgħu neżlin 47 metru ġol-oċean, waqt li jsibu ruħhom imdawrin b'dawn il-bestji feroċi. Maqbudin hemm taħt, bl-ossiġnu dalwaqt jispiċċa, l-unika tama li fadallhom hi li joħorġu mill-gaġġa u jgħumu 'l fuq.  Il-qofol ta' ‘47 Metres Down’ jinvolvi l-attività ħerqana tat-tfajliet, taħt l-ilma, biex jippruvaw jaħarbu bid-demm ħiereġ minn ġo xi ġrieħi li ġarrbu u l-klieb il-baħar iduru madwarhom. Dan hu xogħol modest, b'fotografija tassew ċara li jżomm it-tensjoni kontinwa.

 

City of Ghosts

Atturi Ewlenin: Aziz; Hamoud; Hussam; Mohamad

Direttur: Matthew Heineman.

Maħruġ minn SIDE STREET Films, Eden Cinemas

Tul: 93 min

Ċert: 18

Kulħadd sema' tul dawn l-aħħar snin bit-traġedja umana li qed isseħħ fis-Sirja.  ‘City Of Ghosts’ hu dokumentarju prim, qawwi li jissummak u jqanqlek dwar kif il-belt ta' Raqqa soffriet ħafna mwiet u torturi, l-ewwel mit-truppi tal-President Basher al-Assad u wara li saret libera, ġiet okkupata mill-ISIS jew l-Istat Iżlamiku. Din il-produzzjoni tiffoka dwar il-grupp ġurnalisti RBSS (Raqqa Is Being Slaughtered Silently) li rnexxielhom jiffilmjaw bil-moħbi, permezz ta' ‘smartphomes’, eċċ., atrocitajiet li seħħew fis-Sirja, speċjalment fil-belt tagħhom. Il-film jiffoka fuq erba' minn dawn l-attivisti, eżiljati fit-Turkija jew il-Ġermanja, li jkomplu jxandru dak kollu li qed jiġri f'pajjiżhom permezz ta' aħbarijiet li jirċievu bil-moħbi fuq il-mowbajl minn sħabhom f'Raqqa. Huma rċevew ħafna theddid ta' mewt, waqt li wħud minn sħabhom u anki membri tal-familja ġew ittorturati u assassinati. Wieħed minnhom anki ġie offrut protezzjoni mill-pulizija fil-Ġermanja, però rrufjuta dan. Ieħor li żżewweġ xi sena qabel għandu tifel u jispera li ħajtu tkun ħafna aħjar minn ta’ missieru.  Dawn l-attivisti dejjem imħassba dwar ħajjithom, bħal grupp ta' viġilanti Lhud ta' ‘Munich’, imbarkaw fuq serje ta' taħditiet dwar is-sitwazzjoni allarmenti ta' pajjiżhom anki fi New York. Dokumentarju mhux ta' min jitilfu!

 

The Nut Job 2: Nutty by Nature

Vucijiet Ewlenin: Will Arnett; Maya Rudolph; Katherine Heigl; Bobby Cannavale; Jackie Chan

Direttur: Carl Brunker

Maħruġ minn KRS Releasing

Tul: 91 min

Ċert: U

Surly Squirrel (vuċi ta' Arnett) u sħabu qed jerġgħu jirritornaw fuq il-liżar ċinematografiku b'‘The Nut Job 2: Nutty By Nature’.  Dawn issa sabu posthom fil-ħanut magħluq mimli ġewż, karawett, eċċ, fejn qed jgħadduha tajjeb. F'inċident stramb, il-ħanut jisplodi u jkollhom jsibu posthom f'Liberty Park, fejn qabel kienu jgħixu ferħanin. Is-Sindku ta' Oakton, Mayor Muldoon (Moynihan) li moħħu biss jara kif jakkwista l-flus, beħsiebu jeqred dan il-lokal biex jibni post ta' divertiment. Waqt li l-ħaddiema bil-bulldozers jibdew ix-xogħol u qegħdin ifarrku kollox, Surly u sħabhom jifqulhom u hawn tibda battalja spettakulari bejn l-annimali u l-inġenji kbar Heather (Isabela Moner), it-tifla mfissda u mbaċċa tas-Sindku flimkien mal-kelb tagħha, Bulldog Frenchie (Cannavale) qed tissaltja biex taqbad lill-annimali. Meta jkun wasal iż-żmien biex dan il-park jinfetaħ, l-annimali jingħaqdu flimkien biex iwaqqfu lis-Sindku u jippruvaw isalvaw Liberty Park. Il-familji, bit-tfal ċkejknin se jkollhom xalata kbira b'‘The Nut Job 2: Nutty By Nature’. Din il-produzzjoni hi movimentata sewwa, mfawra b’azzjoni ta' ħeffa b'diversi inkontri ta' tkissir u tifrik u fotografija ċara u kkulurita. Surly Squirrel u Andie (Heigl) dejjem jippuntaw ruħhom fil-kaos kollu li jinqala'.  Din hi ko-produzzjoni Amerikana/Ċiniża/Koreana.

More in Divertiment