Films | X'tistgħu taraw fiċ-ċinema din il-ġimgħa

Transformers u Churchill...mill-kritiku tal-films tal-ILLUM

Transformers: The Last Knight
Transformers: The Last Knight

Transformers: The Last Knight [3D]

Atturi Ewlenin:  Mark Wahlberg;  Josh Duhamel;  Laura Haddock;  Anthony Hopkins; Stanley Tucci;  John Turturro;  Isabela Moner.

Direttur:  Michael Bay.

Maħruġ minn KRS Releasing. 

Tul: 149 min. 

Ċert.: 12A.

 

Il-ħames film ‘Transformers: The Last Knight’ tas-sensiela bbażata minn fuq il-ġugarelli Hasbro, jurina li dawn ir-robots, li kapaċi jibdlu surithom, ilhom iżuru d-dinja tagħna sa mill-Medjuevu. Fil-prologu, ambjentat 1,600 sena ilu, f'perjodu magħruf bħala ż-żminijiet tad-dlam, fil-Brittanja tal-Qedem fejn il-leġġendarju Re Arturu kien jaħkem mis-Saltna ta' Camelot, Optimum Prime kien diġà qed jiġġieled biex jipproteġi lill-umani. Fil-preżent, fl-assenza ta' dan il-paladin robot, bejn it-Transformers u t-Transformers Reaction Force qed iseħħ gwerra qalila.  Cade Yeager [Wahlberg], mekkanik prim, biex isalva lill-umanità' jifforma alleanza ma' Bumblebee, Autobot li kapaċi jittrasforma ruħu f'karozzi Chevrolet jew Pontiac Firebird, ma' Vivianne Wembley [Haddock], professoressa mill-Università ta' Oxford u ma' Sir Edmund Burton [Hopkins], astronomu.  Dan Sir Edmund li hu wkoll storiku jeċċenna li dawn ir-robots tal-metall twal mat-tlettax-il metru kienu diġà jinsabu fostna fis-sena 400 wara Kristu, fi żmien id-Druwidi ta' Stonehenge u anki fl-era ta' Churchill u n-Nazismu. Imdaħħlin f'din il-gwerra ta' proporzjon titaniku, meta jiltaqgħu ma’ Cade, jkun hemm Izabella [Moner], tifla fuq tagħha li saret orfni meta t-Transformers attakkaw Chicago, u żewġt iħbieb oħra tagħha. Sir Edmund jista' jagħtihom ħjiel l-għaliex dawn l-esseri baqgħu, kull tant żmien, ġejjin fid-dinja tagħna u jħallu ħerba terribbli warajhom.  ‘Transformers: The Last Knight’ li hu bid-3D diġitali jipprovdi sagħtejn u nofs ta' straġi fuq skala kolossali, b'robots li kapaċi jinbidlu wkoll f'ajruplani, draguni jtajru n-nar u għasafar anki bħal dawk preistoriċi, Pterodactyl. Fuq dan ix-xogħol ta' azzjoni qawwija, kontinwa u mużika storbjuża ntefaq baġit kbir ta' 260 miljun dollari.

 

Mill-film, Churchill
Mill-film, Churchill

Churchill

Atturi Ewlenin: Brian Cox; Miranda Richardson; John Slattery; Ella Purnell; Julian Wadham.

Direttur: Jonathan Teplitzky.

Maħruġ minn KRS Releasing. 

Tul: 98 min. 

Ċert.: P.G.

 

Naħseb li kulħadd jaqbel li Winston Churchill kien statista kbir, wieħed mill-aktar prominenti tad-dinja.  Ħafna jqisuh bħala l-aqwa ċittadin Brittaniku ta' kull żmien. Il-film "Churchill" jiffoka fuq it-tlitt ijiem ta' qabel l-invażjoni tan-Normandija tat-Tieni Gwerra Dinjija, nhar is-6 ta' Ġunju 1944, magħrufa bħala ‘D-Day’ jew ‘Operation Overlord’, missjoni li tat il-bidu biex ir-reġim Nazzista jintrebaħ. Infatti, anqas minn sena wara, permezz ta' din l-operazzjoni vasta, il-Ġermanja ċediet. Il-forzi alleati kienu miġburin b'segretezza fil-kosta tas-Nofsinhar tar-Renju Unit, lesti biex jeħilsu lill-Ewropa minn ħakma Nazzista.  Kien biss Winston Churchill li kien qed jopponilhom. Hu [Cox], kien qed jibża' li se jinqatlu eluf ta' suldati bla bżonn, bħalma ġara fl-1915 f'Gallipoli fuq kmand tiegħu stess. ‘Churchill’ għandu andament ta' thriller, fejn it-tektik tal-arloġġ jindika li l-ħin għaddej u trid tittieħed deċiżjoni ta' malajr.  Ħafna mis-sekwenzi ta' din il-produzzjoni jiżvolġu f'argumenti sħan bejnu u bejn Ġeneral Eisenhower [Slattery] u Field Marshall Bernard Montgomery [Wadham].  Però, kien hemm min ikkontrolla lil dan il-mexxej ċelebri b'persważjoni ġentili - il-maħbuba martu Clementine jew "Clemmie" [Richardson, f'parti brillanti], kif ukoll ir-Re George VI [Purefoy, dak li qabel kien itemtem].  Forsi minn dan ix-xogħol, fejn Churchill jidher aktar bħala bniedem żorr u stinat, ma niħdux idea ċara ta' dan il-ġenju tas-sigarri twal!

More in Divertiment