‘Il-komiku ma jmur qatt minn ġo fik’

L-ILLUM tiltaqa’ ma’ Hector Bruno li tkellem dwar il-karriera tiegħu ta’ komiku, kif ukoll dwar il-Milied u d-diffikultajiet li għalih iġib miegħu...

Ġurnalist, sindku, attivist fil-parroċċa, attur u fuq kollox komiku: karriera kkulurita f’oqsma varji tal-ħajja. Meta jasal żmien il-Milied, u wieħed jaħseb fil-pantomima, partikolarment, mill-ewwel jaħseb f’Hector Bruno, b’ismu sinonimu mad-dama fil-pantomima tal-Istitut Kattoliku.

Għal dawn l-aħħar snin, inħass bil-kbir in-nuqqas ta’ Bruno fix-xena pubblika, kemm fuq it-televiżjoni, kif ukoll fil-pantomima annwali. Dan in-nuqqas wasal minħabba problemi ta’ saħħa li kien qed jaffaċċja, partikolarment minħabba li kien qed jikkumbatti mad-dipressjoni.

Grezzju Carabott saħansitra kellu l-ħwejjeġ ta’ taħt tiegħu biss

Fis-snin twal li Hector Bruno ilu attiv fil-ħajja teatrali u dik fuq it-televiżjoni, interpreta għexieren ta’ karattri, fejn minbarra l-parti tad-dama għal 15-il sena ta’ Pantomini fuq il-palk tal-Istitut Kattoliku, għamel partijiet varji fuq it-televiżjoni, bħall-karattri tar-reġina u Raffaella Carrá fost l-oħrajn. Imma mil-lista twila ta’ karattri, liem huwa dak li l-aktar huwa għall-qalb il-komiku Belti? “Tant għamilt karattri, li qisek lanqas tista’ tagħżel, imma per eżempju l-messaġġier tal-Ministeru tal-Finanzi, Grezzju Carabott huwa wieħed speċjali. Saħansitra,” jkompli jgħid Hector, “anke l-ħwejjeġ ta’ taħt tiegħu partikolari għandu, u meta nagħmel il-karattru, irrid inkun liebes il-ħwejjeġ propja tiegħu, li ma jintlibsu għall-ebda karattru ieħor.” Ikompli jgħid li f’dawn is-snin kollha attiv, akkumula ħafna kostumi u props, u fil-fatt, “għandi żewġt ikmamar mikrija għandi biex inżomm l-affarijiet relatati mat-teatru bħall-kostumi, skripts, props...”

Tistgħu taqraw l-intervista sħiħa ma’ Hector Bruno fil-ħarġa tal-ILLUM li se toħroġ għada, lejlet il-Milied.

Akkwista l-kopja tiegħek tal-ILLUM fejn minbarra l-intervista ma' Hector Bruno tista' taqra dwar il-kriżi tal-ħatfa tal-ajruplan li seħħet il-ġimgħa, kif ukoll numru ta' features dwar il-presepji, l-Istrina u l-ikla tal-Caritas, flimkien max-xewqat għall-Milied ta' numru ta' personalitajiet tax-xena mużikali, televiżiva u politika Maltija... u ħafna iktar

More in Divertiment