Miċ-Ċinema din il-ġimgħa

Il-films li se jkunu qed joħorġu għall-wiri din il-ġimgħa

Moana

Vuċijiet Ewlenin: Auli'i Cravalho; Dwayne Johnson; Rachel House; Temeura Morrison; Alan Tudyk; Jermaine Clement.

Diretturi: Ron Clemens u John Musker

Maħruġ minn KRS Releasing

Tul: 103 min

Ċert: PG

Għas-56 film animat tagħhom, il-kumpanija Disney pproduċiet xogħol tassew pjaċevoli, divertenti u movimentat, ambjentat fil-gżejjer eżotiċi tal-Paċifiku t’Isfel imbiegħed. L-oċean għall-abitanti tal-Polineżja hu l-akbar mezz ta’ għajxien tagħhom - huma mdawrin bih u kważi dejjem jintlaħaq fi ftit ħin. Moana [vuċi ta' Cravalho], tifla ta' 16-il sena, enerġetika, ħafifa, ma taqtax qalbha u fuq tagħha sewwa, hija t-tifla tal-kap tal-gżira ta' Motunui. Billi hi avventuruża ħafna u ma tistax tifhem kif niesha qatt ma jazzardaw ’il barra ħafna fil-baħar, mhux bħall-antenati remoti tagħhom, se tbaħħar fuq missjoni biex issalva lin-niesha minn destin kiefer. Matul il-vjaġġ qalbieni tagħha, tiltaqa' ma' Maui [Johnson], esseru qawwi mimli tpinġija fuq ġismu li jieħdu l-ħajja, u li kapaċi jitbiddel f'ħafna suriet l-aktar dik ta' seqer. Hu wkoll jinsab fuq vlagg ta' skoperta, u t-tnejn li huma minkejja l-ħafna argumenti spissi sħan ta' bejniethom, kif ukoll attentati min minnhom jikseb is-supremazija, ibaħħru fl-oċean vast mimli perikli u mostri. Il-produtturi ta' din il-produzzjoni tassew affaxxinanti u spettakolari żar xi gżejjer tal-Oċeanja u studjaw ħafna ħrejjef tal-mitoloġija Polineżjana u anki pittura li mlewhom b'ideat konkreti għal din il-produzzjoni. L-istorja suppost ġrat mijiet ta' snin ilu iżda b'perspettiva moderna. ‘Moana’ hu xogħol verament impressjonanti, b'effetti viżwali speċjali tal-ġenn u impekkabbli li tassew jaffaxxinaw bil-proċess tad-3D diġitali. Il-kanzunetti sbieħ li fih jesprimu l-kultura mużikali ta' dawn il-postijiet ta' sbuħija inkredibbli. ‘Moana’ żgur li se jkun il-protagonist prinċipali tal-films ta' żmien il-Milied!

Bleed for this

Atturi Ewlenin: Miles Teller; Aaron Eckhart; Katey Sagal; Ciaran Hinds; Ted Levine

Direttur: Ben Younger

Maħruġ minn KRS Releasing

Tul: 116 min

Ċert: 15

Meta niġu għall-films dwar l-isports, żgur li Hollywood jeċċella f'dawk tal-boxing, għalkemm xogħlijiet oħra dwar il-futbol Amerikan huma popolari, ġeneralment f'pajjiżhom biss. Ibbażat minn fuq storja vera, ‘Bleed For This’ jirrakkonta s-suċċess ta' Vinny Pazienza [Teller], li kien magħruf bħala ‘The Pazmanian Devil’, boxer iddedikat, kariżmatiku u ta' natura ferrieħa, nattiv ta' Rhode Island, New York.  Din il-produzzjoni ta' livell pjuttost għoli tidħol fl-ispirtu ta' films tajbin bħal ‘Somebody Up There Likes Me’ [1956] u l-kapulavur ta' Martin Scorsese ‘Raging Bull’ [1980], però nieqes xi ftit mill-impatt emozzjonanti ta' dawn iż-żewġ produzzjonijiet. B'kumbinazzjoni, Scorsese stess hu wieħed mill-produtturi eżekuttivi. Vinnie Pazienza, boxer li qed juri sewwa li jipprometti, fl-1988 wara li tilef ġlieda tal-kategorija Junior Welterweight, taħt il-maniġer ġdid tiegħu, Kevin Rooney [Eckhart], jeħxien daqsxejn iżjed u jirnexxielu jsir iċ-champion tas-Super Middleweight tad-dinja wara li jirbaħ it-titlu mingħand Franċiż. Ftit wara din l-ewforja, inċident ikrah bil-karozza jħallieh kważi pparalizzat b'għonqu miksur. Wara operazzjoni diffiċli, imsejħa ‘Halo Surgery’ hu jkun jista' jimxi u jagħmel sitt xhur b'ċirku tal-ħadid ma' rasu marbut b'xi boltijiet ġo moħħu. Bil-mod tiġih ix-xewqa li jerġa' jibda jittrenja, għalkemm impedut mit-tobba. Xi sena wara l-inċident, fl-MGM Casino, Las Vegas, jaffaċċja lill-kampjun tad-dinja, Roberto Duran. ‘Bleed For This’ jiffoka ħafna fuq it-taħriġ tal-protagonist u d-dedikazzjoni kbira tiegħu. Is-sekwenzi tal-familja jirriżultaw l-aktar fl-anzjuża ommu [Sagal] tipprepara ikliet apetitużi għal kulħadd jew titlob quddiem id-diversi statwi u santi waqt li binha jidher jiġġieled fuq it-TV. Dan ix-xogħol iħallat azzjoni, xi ftit umorizmu u traġedja serja, kif ukoll juri wieħed mill-aqwa qawmien mill-ġdid f'dixxiplina sportiva.

More in Divertiment