Fil-Ħemda tal-Lejl

Avventura ħelwa li toħodna fin-North Pole, fil-kastell ta’ Santa Klaws, fil-ġranet viċin il-Milied... 
Produzzjoni li se tittella mill-20 sat-23 ta’ Diċembru, u mis-26 sat-30 ta’ Diċembru 2016, fit-8:00 ta’ filgħaxija; fit-teatru tal-Kavallier ta’ San Ġakbu, il-Belt Valletta

Din l-avventura ħelwa toħodna fin-North Pole, ġol-kamra tal-ikel, fil-kastell ta’ Santa Klaws, fil-ġranet viċin il-Milied, u tlaqqagħna ma’ Ġonġol, Fixu, Aga, Venut, Pina u Doru, li huma uħud mill-għefieret, jew kif nafuhom aħna bl-Ingliż, ‘elves’.  Dawn tal-aħħar jinsabu mħabbta sewwa, għax Father Christmas; jew aħjar FC, kif isejħulu huma; qabbadhom biex jaħdmu bla waqfien sabiex ilestu ammont ta’ ġugarelli ħalli jkunu jistgħu jitqassmu lit-tfal ta’ madwar id-dinja fil-lejl tal-Milied. Waqt il-ħidma ta’ dawn l-għefieret nibdew niskopru l-karattri differenti tagħhom, u nindunaw li wħud minnhom huma pjuttost imqarbin.  Hemm min jinsa ħafna, min jinki u jinbex lill-għefieret oħra, min jikkmanda lil sħabu u min moħħu biex inaqqar xi biskuttina ’l hemm u ’l hawn. Iżda dawn il-karattri lkoll jafu li bħal kull sena oħra, Father Christmas ikun qed jifli sewwa xogħolhom, biex jara min jistħoqqlu li jmur miegħu fuq is-sleġġa tal-Milied din is-sena ukoll; bħala premju tal-ħidma tagħhom. B’hekk kultant ħin, naraw ukoll lil Santa Klaws, jinżel idur mal-għefieret biex jara kif inhu miexi x-xogħol. 

Matul is-serata ta’ ħidma tagħhom, l-għefieret jintebħu li mhux ser ilaħħqu max-xogħol kollu li għandhom, għalhekk, bosta drabi jitolbu l-għajnuna tat-tfal mill-udjenza biex jgħinuhom ilestu fil-ħin.  Din l-għajnuna tieħu forma ta’ logħob differenti, fejn ikunu jistgħu jipparteċipaw nies differenti mill-udjenza. Ovvjament, biex jidħlu fl-ispirtu ħieni tal-Milied, l-għefieret iħobbu ikantaw ukoll, u b’hekk kultant ħin, ser nisimgħuhom ikantaw diski relatati ma’ dan iż-żmien partikolari, u mal-ħidma tagħhom. Apparti minn hekk, l-għefieret iħeġġu lit-tfal li sejrin jingħaqdu magħhom għal din l-avventura, sabiex jiktbu l-ittri tagħhom lil Father Christmas u jġibuha magħhom.  Dan għaliex ser ikun hemm mument partikolari matul is-serata fejn jinqraw uħud mill-ittri li jkunu irċevew l-għefieret.

Din il-produzzjoni hija mtellgħa minn CentreSTAGE f’kollaborazzjoni ma’ Spazju Kreattiv. Il-kitba hija fdata f’idejn Paul Ellul li ħadem ferm vicin CentreSTAGE u Tiziana Calleja biex tinħoloq storja bħal din, fejn it-tfal u l-familji jidħlu f’dinja tal-immaġinazzjoni u għaliex le, tinżamm l-innocenza tat-tfal. Il-kast jinkludi wċuh familjari bħal Genevieve Darmanin, Johanna Galea, Christine Marie Saliba, Abigail Borg, Lino Barbara, Kieran Agius, Rochelle Grech u oħrajn, li ilhom jifformaw parti minn CentreSTAGE għal ħafna żmien. 

Min jaf jekk hux ser ilaħħqu jlestu xogħolhom dawn l-għefieret; u min minnhom ser ikollu ix-xorti li jmur fuq is-sleġġa ma’ Father Christmas biex jgħinu jqassam ir-rigali tal-Milied? Biex tiskopru dan, u iktar, ingħaqdu ma’ dawn l-għefieret tant ħelwin mill-20 sat-23 ta’ Diċembru, u mis-26 sat-30 ta’ Diċembru 2016, fit-8:00 ta’ filgħaxija; fit-teatru tal-Kavallier ta’ San Ġakbu, il-Belt Valletta, fit-8 ta’ filgħaxija. Il-biljetti jistgħu jinxtraw minn www.kreattivita.org;

Tfal - €10, Adulti - €15, żewġ adulti u żewġt itfal - €45, adult u żewġt itfal - €30.    

More in Divertiment