Bħal għada ġimgħa xita qawwija

Ta' ravjul ħelu fl-Imqabba fil-festa Ravjul

Fl-Imqabba nhar il-Ħadd 23 t’Ottubru 2016 ser tagħmel ix-xita… xita ta’ ravjul ħelu moqli!  Dan waqt it-tieni edizzjoni ta’ Festa Ravjul, li ser tittella’ bejn il-11 ta’ filgħodu u l-5 ta’ wara nofsinhar.  Din qed tkun organizzata mill-Kunsill Lokali ta’ l-Imqabba bil-kollaborazzjoni ta’ 2 Minds Events https://www.facebook.com/Festa-Ravjul-1177524542336529/

Dawk preżenti ser jieklu ikla ravjul mal-ħbieb fil-pjazza tal-lokal u dan waqt li jkun għaddej divertiment bis-sehem ta’ kantanti u personalitajiet stabbiliti.  Bħas-sena li għaddiet, ser ikun hemm tliet tipi ta’ ravjul u tliet zlazi differenti.  Ara vidjo tas-sena l-oħra https://www.youtube.com/watch?v=puWS0rlpnu4

Ser ikun hemm ukoll kids area, diversi stalls tal-artiġġjanar Malti u l-bank tad-demm.

L-attivita’ tilħaq il-qofol tagħha fit-3 ta’ wara nofsinhar, b’xita ta’ ravjul ħelu moqli minn fuq il-każini tal-baned li jinsabu fil-pjazza tal-Imqabba.  Kif wiehed jista' jimmaġina, t-tfiegħ tar-ravjul joħloq spettaklu u jintlaqa' tajjeb minn kulħadd - mit-tfal sal-kbar, li min-naħa tagħhom anke jikkompetu dwar min ser jaqbad l-aktar boroż mimlijin ravjul ħelu!  Ara l-vidjo https://www.youtube.com/watch?v=dKpKtF6aF60

Ir-ravjul ħelu tal-Imqabba huwa magħmul fuq riċetta tal-Imqabbi Jonathan Zammit u huwa mimli b'irkotta ħelwa mħallta mal-ġulepp tar-rummien.

Bla dubju Festa Ravjul hija attivita’ għall-familja kollha li m’għandkomx titilfu, għalhekk narawkom l-Imqabba nhar il-Ħadd 23 t’Ottubru!

 

More in Divertiment