Għat-tieni darba f’sena... wasal iż-żmien mistenni minn kulħadd

Il-karnival, din is-sena sar darbtejn, b’karrijiet, kuluri u żfin, fit-toroq ta’ Buġibba... u llum f'Marsaskala

Karru tal-Karnival f'Bugibba
Karru tal-Karnival f'Bugibba

Il-karnival, din is-sena sar darbtejn, b’karrijiet, kuluri u żfin, din id-darba matul it-toroq ta’ Buġibba. L-avveniment, li ġie mtellgħa mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar b’kollaborazzjoni mal-Kunsill tal-Arti, għas-sitt sena konsekuttiva, ra bosta nies jattendu bi ħġarhom f’Buġibba bejn il-Ġimgħa u l-bieraħ is-Sibt.

L-avveniment beda bil-logħba tradizzjonali tal-ġostra fil-bajja tal-pjazza ta’ Buġibba fejn min jikkompeti jipprova jitla’ fuq arblu midluk bix-xaħam sabiex jaqbad il-bnadar mat-tarf tal-arblu.

Nhar il-Ġimgħa, l-ispettaklu kompla bid-defilè tal-karrijiet li beda miż-żona tal-moll ta’ Buġibba u għadda matul il-promenade, waqt li l-bieraħ, ir-rotta mxiet lejn iż-żona tat-terminus tal-linja u jkompli bi triqtu lejn il-promenade. Din is-sena, id-defilè seħħ bil-parteċipazzjoni ta’ 11-il karru li saru apposta għal dan l-aveniment, u dan flimkien ma’ għadd kbir ta’ żeffiena u maskaruni li akkumpanjaw il-karrijiet. Is-sindku tal-lokalità Graziella Galea spjegat li dan l-avveniment isir sabiex it-turisti li jkunu qed iżuru l-lokalità jkunu jistgħu jduqu ftit mit-tradizzjoni tal-Karnival waqt li tingħata promozzjoni lill-kultura u storja, u b’hekk, dawn jitħajru jerġgħu jżuru pajjiżna għall-festi tal-Karnival prinċipali ta’ Frar.

Għall-ewwel darba f’kemm ilu jiġi organizzat il-Karnival tas-sajf, dan se jkun qed jinżel fin-naħa t’isfel ta’ Malta, bil-programm għall-ġurnata tal-lum ikun tul it-toroq ta’ Marsaskala.

Il-Karnival tas-Sajf f'Bugibba
Il-Karnival tas-Sajf f'Bugibba

More in Divertiment