Akkademja Mużikali ‘Erba’ Mija’ f’Ħaż-Żabbar

Ċelebrazzjonijiet biex jitfakkar l-400 sena anniversarju mit-twaqqif tal-paroċċa ta’ Ħaż -Żabbar

Is-santwarju tal-Madonna tal-Grazzja, Ħaż-Żabbar
Is-santwarju tal-Madonna tal-Grazzja, Ħaż-Żabbar

Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-400 Sena Anniversarju mit-twaqqif tal-Parroċċa ta’ Ħaż-Żabbar, is-Società Filarmonica Maria Mater Gratiae ħasset il-ħtieġa li tagħti s-sehem tagħha f’dawn l-okkażjonijiet speċjali, u għaldaqstant, il-Banda ser tkun qed ittella’ Akkademja Mużikali nhar il-Ħadd 8 ta’ Mejju mis-7.30 ta’ filgħaxija ‘l quddiem ġewwa l-Knisja Arċipretali u Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja, taħt il-Patroċinju Distint tal-Eċċellenza tagħha Marie-Louise Coleiro Preca, President ta’ Malta. 

F’din l-okkażjoni hekk speċjali, il-Banda ser tkun qed terġa ssib posta f’dan is-Santwarju wara 15-il sena, hekk kif fis-sena 2001 kienet ittellgħet akkademja mużikali fejn kien qed jiġi ċċelebrat l-anniversarju fl-okkażjoni tal-50 sena mill-Inkurunazzjoni tal-Kwadru Titulari tal-Madonna tal-Grazzja. F’dan il-kunċert kienet iżżanżnet il-‘Cantata Maria Mater Gratiae’ b’mużika tal-Ex-Surmast Direttur u Surmast Onorarju Mro. Ray Sciberras FLCM u lirika tas-Sur Ġorġ Peresso M.Th. 

Għaldaqstant, inħass li jkun xieraq li din l-istess Cantata terġa’ tindaqq fis-Santwarju tagħna f’din l-okkażjoni. Għal din is-serata, il-Banda ħejjiet programm mużikali ddedikat kollu kemm hu lill-Madonna tal-Grazzja. Il-programm jiftaħ bl-‘Antifona Ave Spes Solamen’ ta’ Mro. Lorenzo Galea, li ser tiġi eżegwita għall-ewwel darba bil-Banda fuq arranġament tas-Surmast Direttur Kevin Mizzi. Wara tindaqq ‘Salve Maria Salve’ ta’ Mro. Pacifico Scicluna, segwita mill-innu ‘Tifħir lill-Madonna tal-Grazzja’ u ‘Salve Regina’ ta’ Mro. Ray Sciberras. Il-qofol jintlaħaq bil-‘Cantata Maria Mater Gratiae’, u l-programm jagħlaq bis-silta ‘Sultana ta’ Beltna’. 

Il-Banda ser tkun taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur Kevin Mizzi B.Sc.(Hons.), M.Sc., LLCM, AMusLCM, bis-sehem tat-Tenur Charles Vincenti, is-Sopran Rosabelle Bianchi, il-kantanti Rita Pace u Stephanie Cauchi, u l-Kor ‘Mirabitur’ taħt id-direzzjoni ta’ Simone Attard, b’narrazzjoni ta’ Ġorġ Peresso.

More in Divertiment