Lausanne: San Francisco tal-Iżvizzera

  • Jgħidu li n-nisa ta’ Lausanne għandhom l-isbaħ u l-aqwa saqajn fli Żvizzera kollha minħabba l-mixi kontinwu tagħhom għat-tlajja

mit-tieqa naturali li tħares lejn il-Lag ta' lausanne in-naħa ta' Ouchy
mit-tieqa naturali li tħares lejn il-Lag ta' lausanne in-naħa ta' Ouchy

Mit-terrazzin tal-Kattidral, rajt il-lag minn fuq il-bjut u l-muntanji fuq il-lag, is-sħab fuq il-muntanji u l-istilel fuq is-sħab. Stħajjiltha qisha taraġ fejn il-ħsibijiet tiegħi bdew telgħin tarġa tarġa u aktar ma nitla’ aktar bdew jikbru l-ħsibijiet tiegħiVictor Hugo

Lausanne (pronunzjata Lowzann) hi belt fuq għolja fin-naħa tat-tramuntana ta’ Lac Leman jew Lake Geneve. Hi l-kapitali tal-canton Vaud fuq in-naħa li jitkellmu bil-Franċiż. Canton fl-Iżvizzera tfisser distrett, żona jew reġjun.

Lausanne hi waħda mill-isbaħ jekk mhux l-isbaħ belt fli Żvizzera. Fejn ingħatat il-laqam ta’ San Francisco ta’ l-Iżvizzera għax bħal San Francisco hi magħrufa għat-toroq u tlajja iebsin, shopping mill-aqwa u anke għal xi tużżana mużewijiet. Fl-ogħla post tal-belt l-antika wieħed isib il-kattidral ta’ Lausanne in Notre Dame, li hu l-aktar kattidral gotiku priservat fiż-Żvizzera, u minn fuqu wieħed jista’ jara xena mill-isbaħ tal-Lake Geneve. Hu għoli 150 metru u kien beda jinbena mill-Papa Gregorju X fl-1175 u konsagrat fl-1275.

L-istorja tal-belt

Din il-belt ilha abitata minn żmien il-ħaġar fejn kienu jeżistu tribujiet fuq l-għolja ta’ Lausanne. In-neolitiċi marru jgħixu fuq in-naħa tal-lag f’Vidy. Ir-Rumani kienu ħolqu din il-belt f’Vidy u semmewha Lousonna fis-seklu 15 qabel kristu. Lousonna bdiet tifjorixxi bħala belt tan-negozju iżda fis-seklu 4, din il-parti tal-lag kienet ġiet abbandunata minħabba l-inkwiet li kien hemm fl-Ewropa. Fis-sena 590, l-Isqof Marius trasferixxa ruħu f’Lausanne u fl-1125, flimkien mal-imperatur Rudolf ta’ Hapsburg bdew il-bini tal-Kattidral favoluż ta’ Lausanne. Fl-1538 l-armata ta’ Berna ħadet din il-belt minn taħt idejn id-dukat ta’ Savoia. Iżda Lausanne ħadet l-indipendenza minn Berna wara l-invażjoni tal-armata ta’ Napuljun Bonaparte fl-1798 u kienet aċċettata bħala parti mill-Iżvizzera u l-kapitali tal-canton Vaud fl-1803. Din il-belt hi msemmija wkoll għall-Università tagħha li kienet inbniet fl-1540 u kienet l-ewwel università bil-lingwa Franċiża tat-teoloġija Protestanta.

 

Belt ta’ diversità mimlija tlajja u nżul

Lausanne qed jidlam
Lausanne qed jidlam

Personalment, din il-belt lili taffaxxinani għax id-diversità tagħha f’kull naħa hi xi ħaġa li timmeraviljak. Għandek in-naħa ta’ fuq mimlija ħwienet, toroq dojoq u l-Kattidral. Imbagħad hemm in-naħa t’isfel li tissejjaħ ‘Ouchy’ ta’ fejn il-lag fejn barra passiġġati li jħolluk, issib ukoll il-mużew tal-Olimpjadi li ma tistax ma żżurux. Il-mużew olimpiku jinsab fejn il-lag fin-naħa ta’ Ouchy u hu aċċessibbli billi minn Flon, tieħu l-metro għal Ouchy stop inkella timxi l-isfel minn Avenue Ouchy għan-naħa tal-lag. Dan il-mużew fih dak kollu li wieħed irid ikun jaf dwar l-Olimpjadi minn meta bdew fil-Greċja l-antika, bl-Olimpjadi tax-xitwa u kif dejjem żdiedu l-kompetizzjonijiet ġodda. Wieħed jista’ jara l-equipment li jużaw id-diversi dixxiplini sportivi u hemm tara dak li fuq it-televiżjoni lanqas toħolmu. X’ħin tara kemm hi għolja l-high jump, it-tul tat-triple jump, kemm hi tqila l-shotput eċċ. Dawn kollha jkollok ċans tesperjenzahom u tara kif l-atleti li tant jidher faċli dak li jkunu qed jagħmlu, ikunu fil-fatt qed iwettqu għeġubijiet li tasal għalihom biss b’dedikazzjoni u taħriġ kbir.

Il-kampanja u l-vineyards ta’ madwar Lausanne
Il-kampanja u l-vineyards ta’ madwar Lausanne

Ħdejn il-lag, wieħed isib ukoll diversi ġonna mimlija fjuri u ristoranti tal-ogħla kwalità fejn hemmhekk wieħed jista’ jduq l-ikel tradizzjonali Żvizzeru. Ħa ngħiduha kif inhi, xejn mhu rħis, iżda la tkun l-Iżvizzera, trid tiekol bħall-Iżvizzeri fejn ir-Rosti, Raclette u l-Fondue għalkemm mimli kaloriji jinżlulek għasel. Għax il-ġobon Żvizzeru bħalu m’hawn imkien. Iżda jekk tiddeċiedi li timxi madwar il-belt, il-kaloriji ma jdumux fik.

Lausanne dejjem attirat artisti, romantiċi u avventuriera. Jekk tipprova ddur Lausanne b’xi tip ta’ mappa, mhux faċli għax il-ġeografija tagħha hi 3D, u mhux faċli ddurha fuq mappa. Billi Lausanne hi belt mibnija bejn tliet għoljiet, stenna li se tnaqqas ħafna kaloriji jekk se tipprova ddurha kollha. Jgħidu li n-nisa ta’ Lausanne għandhom l-isbaħ u l-aqwa saqajn fiż-Żvizzera kollha minħabba l-mixi kontinwu tagħhom għat-tlajja. Lausanne mhix daqshekk belt kbira u wieħed jista’ jimxiha kollha jekk jieħu miegħu żarbun tajjeb għall-mixi u muskoli sodi tas-saqajn.

Lausanne għandha linja ta’ metro li għadha kif inbniet li ttellgħek u tniżżlek  minn isfel għal fuq u anke fuq l-erba’ naħat tagħha. Hi metro komda ħafna u moderna li bi ftit franki tista’ tgawdi l-belt b’mod komdu, dejjem jekk tiddejjaq timxi.

Lausanne għandha diversi nightclubs u bars bl-aħjar tagħhom ikunu fejn l-istazzjon tal-ferrovija fiz-zona Flon.

Fejn tmur minn Lausanne

Personalment din il-belt tant togħġobni li nippreferi noqgħod fiha u minn hemm, indur diversi bliet oħra viċin. Fejn fuq il-lag ta’ Ġinevra jew aħjar kif inhu l-proprja isem, ‘Lac Leman’ wieħed jista’ jieħu ‘ferry boat’ li tieħdok f’diversi bliet oħra spettakolari, barra li fuq il-lag ix-xenarju hu mpressjonanti wkoll.

Vevey mal-Lac  Leman
Vevey mal-Lac Leman

Pereżempju nissuġerilkom taqsmu l-lag u tmorru Evian jew Thonon fi Franza. Inkella tmur f’xi belt li hemm madwar il-Lag bħal Nyon, Ġinevra, Versoix, Vevey jew Yvoire fi Franza wkoll. Imsomma mingħajr karozza, wieħed jista’ jqatta’ l-isbaħ erbat ijiem fuq in-naħa Franċiża tal-Iżvizzera, jiekol ikla tajba, jagħmel shopping tajjeb u jqatta’ vaganza trankwilla mdawwar b’xenarju tal-ħolm.

Kif tasal  Lausanne

Bl-AirMalta sa Zurich fejn tista’ taqbad ajruplan ieħor għal Ġinevra. Inkella taqbad tren li tieħdok dirett għal Lausanne.

 

 

 

 

More in Divertiment