Verona: Il-belt ta’ Romeo u Ġuljetta
• Il-Veroneżi ħolqu niċċa turistika minn storja fittizja
• Magħrufa bħala l-Art Nobilissima u hi t-tieni l-akbar belt fil-Veneto
Verona hi l-belt magħrufa għall-istorja tal-akbar imħabba. Imħabba kbira li ntemmet fi traġedja bejn Romeo u Ġuljetta. Din l-istorja taf biha d-dinja kollha. Id-dramm ta’ Shakespeare ġie riprodott b’bosta lingwi u ma nafx kemm il-film sar dwar din l-imħabba li seħħet f’Verona.
Iżda għalkemm it-Taljani ħadu l-okkażjoni li permezz ta’ din l-istorja ġibdu lejn din il-belt Veneta miljuni ta’ turisti, din l-istorja hi waħda fittizja. Storja li ma seħħet qatt. Kienet biss xogħol id-drammaturgu Ingliż William Shakespeare li ambjentaha f’din il-belt mill-isbaħ u li ħoloqha minn stejjer li normalment kienu jiġru meta xi familji sinjuri kienu jitlewmu u wliedhom jsiru jinħabbu u dawn jagħmlu minn kollox biex ikissru din l-imħabba. Iżda Romeo u Ġuljetta ma eżistew qatt.
It-Taljani ta’ makakki li huma f’dan id-dramm raw opportunità għal turiżmu qawwi u b’hekk ħolqu mhux biss id-dar ta’ Ġuljetta u ta’ Romeo, iżda anke ħolqu l-oqbra tagħhom biex it-turisti jżuruha.
Iżda Verona għandha wisq aktar x’toffri mill-istorja ta’ Shakespeare. Biss biss hi magħrufa wkoll bħala l-Art Nobilissima u hi t-tieni l-akbar belt f’Veneto (wara Venezja). Jingħad ukoll li hi waħda mill-bliet li indukrat bl-aħjar mod possibbli l-wirt artistiku fl-Italja. Bħala belt, Verona hi waħda mill-aktar sinjuri u prosperi tal-Italja ta’ Fuq. Ma tarax għajr toroq nodfa, nies lebsin ilbies eleganti u rikk, ristoranti u ħwienet ta’ fama u kwalità għolja, lukandi lussużi, ta’ klassi u jiswew ftit tal-flus ukoll.
Viżitatur jew turist li jżur Verona żgur li l-ewwel ma jinteressah li jara hu l-Amfiteatru Ruman, magħruf bħala l-Arena. Dan inbena fl-Ewwel Seklu ’l barra mill-ħitan tal-belt, iżda fit-Tielet Seklu l-ħitan twessgħu biex jinkludu wkoll lil din l-arena. L-Amfiteatru hu wieħed mill-akbar, u li l-aktar miżmum tajjeb, ta’ żmien l-Imperu Ruman. Jakkomoda lil aktar minn 22,000 spettatur. Sfortunatament, mill-faċċata oriġinali fadal biss parti waħda; u tinsab fuq il-lemin tiegħu. Illum, opri ta’ fama mondjali jiġu ppreżentati kull sena, fix-xhur sajfin. Ħafna wkoll jmorru jaraw kunċerti tal-aqwa artisti li jsiru f’din l-arena fejn l-ambjent hu wieħed maestuż. Wieħed jista’ jżur l-Arena anke meta ma jkun hemm xejn u malli tidħol fiha tħoss enerġija li tieħdok lura fiż-żmien ir-Rumani.
Faċċata ta’ din l-arena nsibu pjazza kbira magħrufa bħala ‘Piazza Bra’. Fiha jinsabu ħafna bars, ristoranti, ħwienet tas-souvenirs u xi bini ieħor interessanti, fosthom Palazzo Barbieri u t-Town Hall li tlestiet fl-1883. Bini ieħor f’dawn l-inħawi hu l-Palazz tal-Gran Guardia li nbena fl-1610, xogħol ta’ Sanmicheli.
Via Giuseppe Mazzini hi triq pedonali li tgħaqqad il-Piazza Bra ta’ l-Arena ma’ Piazza delle Erbe, li hi ċ-ċentru tal-belt fejn hemm suq mill-aktar popolari u kulurit. Dan is-suq imur lura għall-era Rumana u fih issib frott u ħaxix tal-borma l-aktar varjat u frisk. F’din it-triq, li l-pożizzjoni tagħha tagħmilha l-iktar ċentru kummerċjali ta’ Verona, wieħed isib l-iktar ħwienet tal-moda fl-Italja. F’din il-pjazza naraw The Madonna Verona Fountain xogħol Cansignorio (1368), bl-iskultura ta’ fuq tmur ħafna aktar lura mill-kumplament.
It-Torri Lamberti hu l-ogħla torri li nsibu f’Verona. Hu għoli 83 metru, u beda jinbena fl-1172. Dam diversi sekli biex tlesta. Fuqnett, bil-forma ottagonali tiegħu, dan it-torri għad għandu fih qniepen li nħadmu fl-1464.
Maġenb it-Torri Lamberti, fl-istess pjazza nsibu il ‘Palazzo Comune’, il-palazz muniċipali, b’faċċata neoklassika mill-aqwa. Il-palazz imur lura għall-Medjuevu, iżda l-faċċata nbidlet fis-Seklu Dsatax.
Verona hu post li jappella għal kull klassi soċjali, b’mod partikolari għall-ammiraturi tal-arkeoloġija, l-arti, l-istorja, l-ambjent naturali u fuq kollox l-imħabba
Mhux possibbli nsemmu l-monumenti kollha li jinsabu fil-belt ta’ Verona. Iżda se nagħmlu referenza għal xi wħud li huma speċjali u l-aktar popolari mal-Veroniżi u t-turisti li jżuru din il-belt.
Palazzo Mafei: Dan il-palazz hu xogħol tal-1668. Fil-parti ta’ fuq tiegħu wieħed jara skultura tas-sitt divinitajiet pagani li huma Ġove, Merkurju, Venere, Apollo, Erkole u Minerva. Din hi waħda mill-ftit binjiet stil Barokk li nsibu f’Verona llum, f’dan il-post insibu l-uffiċċju tat-turiżmu.
Fil-qrib insibu l-monument famuż mad-dinja li jfakkar fl-istorja tal-imħabba miktuba minn Shakespeare; Romeo u Ġuljetta. Hawn naraw id-dar ta’ Ġuljetta bil-gallerija tal-familja Capuleti. Din id-dar inbniet fis-Seklu Tlettax u kif wieħed jistenna hi attrazzjoni turistika prinċipali. Dar oħra fil-qrib, hi dik magħrufa bħala ‘Casa Montecchi’. Tradizzjoni popolari ssemmi li hi d-dar ta’ Romeo, il-maħbub ta’ Guljetta. Sfortunatament id-dar ta’ Romeo, ma ġietx restawrata u mhix miżmuma tajjeb. Għalhekk wieħed ma jistax jidħol fiha u ftit iżuruha. Ara dik ta’ Ġuljetta, kulħadd jieħu ritratt imissilha is-sider tal-lemin fejn il-bronż tiegħu ttiekel, filwaqt li kulħadd iħallas xi ħaġa biex jitla’ fil-gallarija b’Romeo jiġbed ir-ritratt lil Ġuljetta tiegħu. Mijiet ta’ nies jiktbu messaġġi ta’ mħabba mal-ħajt malli tidħol l-arkata, li jitneħħew minn żmien għal żmien.
Insibu wkoll ix-xmara Adige, li minħabba li qiegħda f’pożizzjoni strateġika, xehdet diversi gwerer: fis-sena 268 kontra l-Ġermaniżi, fis-sena 312 kontra l-Magencio u fis-sena 402 kontra Alrico. Fost il-ħafna fdalijiet Rumani, f’Verona għadek issib l-Arena, il-pont, xi bibien tal-belt u oħrajn. Knejjes famużi li wieħed għandu jżur f’din il-belt huma San Stefano, San Giorgio in Braida, il-Katidral stil Romanesk u Gotiku flimkien, Sant’Anastasia, San Zeno Maggiore u oħrajn.
Postijiet oħra ta’ interess huma t-Teatru Ruman, Ponte Pietra, Piazza dei Signori, Porta Borsari, Porta Bra, The City Walls, Castelvecchio, Ponte Scaligero, Piazza San Zeno u Porta Nuova.
Verona hu post li jappella għal kull klassi soċjali, b’mod partikolari għall-ammiraturi tal-arkeoloġija, l-arti, l-istorja, l-ambjent naturali u fuq kollox l-imħabba.
Kif tasal hemm:
L-aktar mod faċli hu li tmur bir-Ryan Air sa Treviso u minn hemm taqbad it-tren li tieħdok Verona. Din il-belt biex iżżurha biżżejjed ġurnata jew tnejn.