Jekk trid tivjaġġa b’kumdita, raqqaq il-bagalja

L-ippakkjar uġigħ ta’ ras qabel kull safra.....Isma mill-pariri tagħna u ma jiġrilekx bħal din

Bla dubju li dawk minnkom li jkunu qed jippreparaw li jsiefru f’xi ħin jew ieħor, l-akbar uġigħ ta’ ras ikun dejjem il-‘packing’u għalhekk iddeċidejt li qabel tintemm is-sena u nkomplu bil-pajjiżi ġodda li se nżuru s-sena d-dieħla, ngħinkom bi ftit mill-esperjenzi tiegħi personali. Ikolli nammetti li l-aktar ħaġa li ddejjaqni fis-safar hu l-ippakkjar, għax tinsewx li wieħed irid jieħu ħsieb li jieħu l-ħwejjeġ adattati skont il-klima li sejjer fiha u anke li ma jġorrx piż żejjed speċjalment fi żmien meta ħafna kumpaniji tal-ajru jġegħluk tħallas jekk taqbeż il-piż li tkun ħallast għalih oriġinarjament.

L-aħjar mod hu li tivjaġġa komdu kemm tista’ u ġġorr piż mill-inqas ħalli anke jekk se tuża xi shuttle jew tren biex tasal sal-lukanda mill-ajruport, dejjem ikun aktar faċli għalik.

Għalhekk ħu ħsieb li ġġorr miegħek l-aktar affarijiet essenzjali u ħalli dak żejjed fil-gwardarobba tad-dar tiegħek. Il-bagalja ħalluha fuq id-dieta u raqquha kemm tifilħu. Se nagħtikom ftit pariri u nagħtikom parir biex tagħtu każ dak li qed nikteb ħalli moħħkom ikun ħafif aktar mill-istess bagalja u mhux tqattgħu il-jiem li tkun msefrin taħsbu jekk qbiżtux il-kwota tal-limitu tal-piż tagħkom. Speċjalment jekk meta tkunu msefrin taraw xi ħaġa sabiħa li tkunu tixtiequ takkwistawha.

Pariri biex ma jiddispjaċikomx

  • Għamlu l-homework tajjeb. Iċċekkjaw il-lukanda għandhiex ‘hairdryer’, ħadida tal-mogħdija, u anke xugamani tal-baħar jekk sejrin x’imkien fejn tgħumu ħalli ma ġġorrux affarijiet goffi.
  • Araw it-temperaturi sew ta’ fejn se ssiefru u anke l-avvenimenti li se tattendu għalihom biex taraw x’tip ta’ ħwejjeġ se tiġi bżonn. M’hemmx għalfejn ġlekkijiet jew żraben puliti jew bit-takkuna jekk se tmur f’post fejn se timxi ħafna u s-safra se tkun bażata fuq ‘sightseeing’, bil-ħruġ ta’ filgħaxija jkun biss xi drink f’kaffeterija jew pub. Jekk imbagħad se tmur xi ikla f’ristorant speċjali inkella għal xi opra jew ħarġa speċjali, allura trid taħseb għal takkuna, ġlekk u libsa eleganti.
  • Uża kulur newtrali dejjem bħall-iswed, kannella jew ‘tan’ ħalli miegħu tkun tista’ tqabbel aċċessorji komdi minħabba li ma jkollokx għalfejn ittella’ ħafna aċċessorji ta’ kuluri differenti.
  • L-aħjar regola hi ta’ qmis jew flokk differenti kuljum, ġakketta jew sweater, qalziet kull jumejn, inkella jeans li tista’ tilbsu kull filgħodu u qalziet jew dublett għal filgħaxija, mhux aktar minn żewġ pari żraben, inkella żarbun ta’ kulur newtrali komdu li tista tilbsu fuq jeans u anke fuq qalziet pulit. Ħwejjeġ ta’ taħt wieħed kuljum u malja jekk se tmur post fejn tgħum.
  • Jekk se ddum aktar minn ġimgħa, tiħux ħwejjeġ għal ġimagħtejn għax mhux bagalja timla, imma tnejn. Fittex fejn hemm xi launderette u aħsel il-ħwejjeġ maħmuġin hemm ħalli b’hekk, tieħu sett wieħed u terġa’ tilbishom. Il-ħwejjeġ ta’ taħt u l-kalzetti tista’ taħsilhom fil-kamra u tixtri speċi ta’ ħabel apposta li twaħħlu fil-kamra tal-banju u tonxorhom hemm biex bis-sħana tal-heating jinxfu malajr. Jekk ma jkunx għoli, tista’ tuża wkoll is-servizz tal-ħasil u tindif li toffri l-lukanda.
  • Għamel lista ta’ dak li se tippjana li tixtri minn barra inkella x’għandek bżonn, ħalli ma tiħux sitt pari kalzetti jekk se tivjaġġa għal erbat ijiem. Meta tippakkja toqgħodx tgħid forsi jkolli bżonn ieħor minn dak jew minn dik, imxi mal-lista.
  • Toiletries tiħux bottijiet kbar. Illimita ruħek għal dak li għandek bżonn u ixtri daqsijiet tal-ivjaġġar żgħar, u jkollok kemm għandek bżonn. Tista’ wkoll tixtri fliexken żgħar tal-plastik u timlihom mill-kbar tad-dar.
  • Ivjaġġa bl-aktar żarbun tqil, ilbes l-aktar ġakketta tqila u l-akbar sweater ħalli dejjem tħaffef il-bagalja.
  • Qabel iddaħħal kollox fil-bagalja, oħroġ kollox fuq is-sodda u b’hekk, barra li tkun qed tagħti każ dak li se ġġorr, tkun qed tara jekk ħallejtx xi ħaġa barra jew se tieħu xi ħaġa żejda. Għax jekk tibda titfa kollox fil-bagalja, normalment titfa iżjed minn dak li għandek bżonn (u naf x’jien ngħid). Għalhekk ippakkja dak li jkun hemm fuq is-sodda u xejn iżjed. Jekk tisma minn dawn il-pariri, żgur li se tivjaġġa b’bagalja irqiqa u aktar komdu.

Tinsiex!

Dokumenti u neċessitajiet: Ħu ħsieb li għandek il-passaport jew ID card u l-viżas jekk hemm bżonn u dejjem għamel fotokopja tagħhom u ġorrhom miegħek. Tinsiex ukoll li tistampa ċ-check-in tal-ajru speċjalment jekk iċ-check-in tkun tkun għamiltu online jew sejjer b’xi low cost airline, għax jekk ma tagħmilx dan, ifisser li trid toħroġ xi €70 mill-but.

Toileteries: cwieħa, conditioner, contact lenses u l-ilma tagħhom, deodorant, face wash, prodotti tal-iġjene tan-nisa, nuċċali tal-qari u anke tal-bogħod, moist towelettes, shaving foam, shaver, tissues, toiletry bag, toothbrush u toothpaste

Ħwejjeġ u aċċessorji importanti:

Ċintorini, żarbun komdu għall-mixi, libsa, żarbun pulit, ġakketta li ssaħħan, piġama, raincoat, qliezet, qomos, slippers, kalzetti, t-shirts u ħwejjeġ ta’ taħt.

Medikazzjoni: Pilloli għall-uġigħ, mistura tas-sogħla, mustardini tal-uġigħ tal-griżmejn, ġel għat-tixwit, u spray jekk jinstaddlek imnieħrek. Jekk int tieħu xi pilloli ta’ kuljum għal xi kundizzjoni, ħudhom doppji. Sett żommu fil-bagalja u sett fil-bagalja ta’ idejk. Ikun tajjeb jekk tieħdu magħkom ir-riċetti ta’ dawn il-pilloli għalli jista’ jkun.

Gadgets: Camera u batteries jew battery charger, telephone ċellulari inkella smart phone li tista tużah sew bħala telefon, kif ukoll bħala camera, lap top jew tablet, iċ-chargers u anke universal plug ħalli tkun tsita tużaha skont liema pajjiż tkun qed iżżur.

 

 

 

More in Divertiment